Pages

Friday, January 1, 2010

Stefano Farrugia (1986 - )

Jien twelidt fid-19 ta’ Diċembru 1986 u noqgħod l-Imqabba. Attendejt l-Iskola Primarja Theresa Nuzzo fil-Marsa, immexxija mis-Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesù, l-Iskola Sekondarja San Mikiel f’Ħal Qormi, immexxija mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.), u l-Kulleġġ De La Salle fil-Kottonera mmexxi mill-Brothers Lasalljani għall-Edukazzjoni Postsekondarja. Minn dejjem kelli għal qalbi dak kollu li hu Malti, l-aktar l-Istorja u l-patrimonju rikk ta’ pajjiżna, fuq quddiem nett l-ilsien għani li writna mingħand missirijietna. Għalhekk bqajt nispeċjalizza f’dan is-suġġett bis-seħer kollu tiegħu, speċjalment il-letteratura Maltija, kemm il-qasam tal-poeżija kif ukoll dak narrattiv. Fil-fatt fl-istudji tiegħi fl-Università ta’ Malta fittixt li nistħarreġ aktar fuq dawn l-għelieqi akkademiċi. Permezz ta’ Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fil-Malti li ggradwajt fih fis-6 ta’ Diċembru 2007 xtarrejt L-Element Bibliku fil-Poeżija ta’ Marjanu Vella, u permezz ta’ Masters mill-istess Dipartiment li ggradwajt fih fit-18 ta’ Novembru 2011 esplorajt Is-Simboliżmu fil-Kitbiet ta’ Dun Ġorġ Preca. Bdejt nikteb il-poeżija b’mod kostanti mindu kelli ħmistax-il sena. Għaldaqstant kien ta’ pjaċir kbir għalija li l-Għaqda Poeti Maltin (1975) stednitni nissieħeb fiha, għaliex b’hekk stajt insir aktar midħla tal-kontribut siewi li qed tagħti lis-soċjetà Maltija, u tas-sehem li nista’ nagħti bil-kitba tiegħi. Daqstant ieħor meta ġejt aċċettat bħala membru tal-Akkademja tal-Malti (1920) fit-30 ta’ Marzu 2011. Poeżiji tiegħi dehru fost l-oħrajn fir-rivista Versi, 2008 (3), 2010 (2) u Leħen il-Għaqda Poeti Maltin (Marzu 2011), kif ukoll f’Leħen il-Malti (Għadd 31, 2008) maħruġ mill-Għaqda tal-Malti - Università (1931) li kont nagħmel parti minnha, u fil-paġni letterarji ta’ xi ġurnali lokali u pubblikazzjonijiet ta’ għaqdiet mużikali u soċjali Maltin. Kien ukoll ta’ privileġġ għalija li fl-2007 u fl-2008 rispettivament ġejt ikklassifikat fit-tielet u t-tieni post fil-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija organizzat mill-Għaqda Poeti Maltin, permezz tal-poeżiji “Minjatura tal-Enimmi” u “Requiem għal Anġlu Martri,” u li fl-2009 ġejt ikklassifikat fl-ewwel u t-tieni post f’konkors ieħor organizzat mill-istess Għaqda, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ewwel ħarġa tal-ġurnal “it-Torċa” bil-Malti, permezz tal-poeżiji “Eliżir ta’ Mħabba Qalbiena” u “Solitarja Moribonda.” Poeżija oħra li ġejt ippremjat biha fit-tieni post f’konkors letterarju ġġib l-isem “Ħal Tarxien, Blata Kennija,” billi f’dan il-konkors jintlaqgħu kitbiet bil-Malti b’temi li jkollhom sfond Tarxiniż. Fil-fatt il-konkors isir mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien fl-okkażjoni ta’ jum dan ir-raħal, u fl-2011 meta ħadt sehem kien iċċelebrat fis-26 ta’ Ġunju. Fl-istess sena kelli l-unur ukoll li niġi kklassifikat fl-ewwel post fil-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija fit-taqsima tal-poeżiji bil-Malti bil-poeżija “Flaxbekk,” filwaqt li ż-żewġ poeżiji l-oħra li ħadt sehem bihom fil-konkors, “Ġetsemani” u “Paranojja,” issemmew b’ġieħ mal-poeżiji rebbieħa.

Ġetsemani

B’dedika lill-annimali kollha mċaħħda mill-ambjent naturali tagħhom


Ġol-għerien ta’ sqaq il-ħemda donnha nstemgħet karba ġdida
li fis ħolqot babilonja qalb il-ħlejjaq ħfief fil-ħsieb
u ħalliet ġo ruħ il-merħla ħofra ħsus bil-mistoqsija
li ħadd qatt ma tħalla jwieġeb kif ’qas sab min kienu l-ħbieb.

Bħall-ħaddiema tal-minjieri kellhom jaqbżu f’ħalq l-eżilju
li kien jinbaħ biss għalihom sa mill-ibgħad żminijiet
u jkaħħalhom wara l-gaġeġ kollha msadda bl-esperjenzi
li jixirfu dlonk f’għajnejhom qishom krejn li jħott il-kwiet.

Għaddew jiem fi vjaġġ bla temma bla ma setgħu jobżqu kelma,
bla ma setgħu jimxu qajla jew jitgħaxxqu bil-ħolqien
u r-rixtellu nstabat f’wiċċhom hekk kif rifsu l-art mistmerra
li laqgħethom spiss bil-ħarta u rabtithom b’rit għajjien.

Bħall-ilsiera jkollhom jobdu kulma jamar l-ors li jsuqhom
għax jekk jonqsu tbexxex fuqhom xita qliel bin-nerf bla tehda
biex fiż-żgur ma jerġgħux jgħannqu lil uliedhom internati,
mikdudin ġo kamp imnikket li bħal qalbhom lagħaq kull wegħda.

Sider ommhom tbaħbaħ mistħi fis-sangraal li sqieh mal-għabex
kif bħal minġel xtaq jiġġelben bl-għafsa fraġli f’ġuf l-imħabba
ħalli jliġġem il-vjaġġ kiefer li qed jaħsad l-ulied dgħajfa,
imma leħnu le jinstema’ u l-għatx tiegħu xejn ma jxabba’.

U tissokta tidwi f’qalbhom dik il-karba ta’ żmien ilu
li taf tħanxar minn ħajjithom il-merżuq li jkeċċi l-lejl
kif dewwaqhom id-divorzju miċ-ċenaklu tan-natura
li fih dejjem xorbu l-hena bla ma ntalbu jieħdu l-kejl.


Stefano Farrugia

L-Imqabba, 19/04/2011



Paranojja


Lill-popli fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani li qed jissieltu għal-libertà


Kif il-borra xħin titħaġġar tarmi minnha sriep ta’ ilma,
imkebbin fi blokok siekta bħall-bnedmin imbeżżgħa b’għada,
beda l-annu b’qasma ċċaqċaq li xxebilket fost il-popli
u bid-demm ibaqbaq, jaqbad, għolliet l-ilma m’ogħla s-sema.

Żrameġ jiġru ġewwa t-toroq bl-armi jfaqqsu fuq spallejhom,
ommijiet fuq qabar żewġhom li ħalliehom fil-battalja,
żgħażagħ jgħajtu għajta ttarrax maċ-ċuqlajta tar-rewwixta
u ġo nofshom jaqgħu mejta dawk li tqatlu għal pajjiżhom.

Oqbra jħaffru bla ma jsumu, ma jafux jekk baqax spazju,
jiġbru l-fdal mid-djar imġarrfa mgħaffġa bħalhom mill-kalvarju,
jistennew xi boxxla ġdida qalb is-sħab ta’ kull splużjoni
u mat-telf li tħalli l-ħajja bħaż-żejt jogħla l-prezz tad-dazju.

Monumenti jsiru trietaq donnhom kienu taċ-ċarruta,
binjiet sħaħ jitneżżgħu l-għabra li fewħithom f’għajn l-għedewwa,
nies bla tama jieħdu r-riedni f’kull stazzjon u raħal ġwejjef
u bħad-dud idawru denbhom jekk jinqabdu f’dell l-għanqbuta.

U bħal barri jdur fl-arena meta ħadd ma jista’ jżommu
ġriet il-bxara li xi ċkejkna ġarrbu m’ommhom l-id setgħana,
umiljati mis-suldati li firduhom minn missierhom
u tawhulhom lura mejjet bħal Bin Alla fi ħdan ommu.

U kif laqgħet l-għaref Pawlu u lil ħutu f’xifer l-għarqa
Malta xammret kmiem idejha biex tindokra lill-pajżana
u bħal pont f’nofs port imdemmi li ried jibla’ ’l kull Fargħuni
fetħet fommha biex twettaqhom sa ma jpassu minn din l-għalqa.

Imma l-ilma jibqa’ jlebleb u jittewweb mat-tbatija
u mad-demm inixxi l-ġrieħi ta’ kull qalb u art maqsuma,
ġrieħi jgħajtu daqs iż-żgħażagħ fit-tnissil ta’ ġens li jtuqhom
flok fil-ġungla tax-xakalli li bid-demm ma tkunx mifdija.


Stefano Farrugia

L-Imqabba, 19/04/2011


Flaxbekk

B’suffraġju għall-vittmi tat-tsunami fil-Ġappun li seħħ fil-11 ta’ Marzu 2011


Konna ħsibna li kien għadda dak li għexna lejla waħda fuq it-troni tad-djar tagħna
u kien għadu biss tifkira fuq it-tila illuppjata, tibki bikja għall-irkant
sa ma ttawlet għodwa mgħaddba tolfoq fl-ibħra qisha gawwi mal-pinnur tax-xhur xitwija
u filġitna tingħi tgħajjat qabel ħarġet ruħha kollha w mejlet rasha lejn il-lvant.

Fl-agunija tqila tagħha ġabret magħha kull fettuqa li nsiet l-ombra tax-xandara,
imkebbsin daqs kalamita forsi jlaħħqu ma’ ħruxitha u ċ-ċaqliq ta’ ġnus kotrana
u f’kull laqxa terda’ ’l oħra mill-ġid fqir li baqa’ jfekren fuq id-dbabar ta’ ġisimha
tilmaħ lilha moribonda tiġbed l-aħħar nifs imkaxkar f’baħar miksi b’elf sikrana.

Kollox issa sab imkienu fejn riġlejh ma meddx fi żmienu, metri bogħ’d mid-dura tiegħu;
djar jogħlew bħall-bastimenti u jitbandlu ma’ kull mewġa li ddawwarhom fuq subgħajha
u l-vetturi-ġugarelli jqanqlu ċ-ċirklu tat-traġedja qalb it-toroq flaġellati,
midfunin ġo żaqq il-lupu li ħatafhom bla karezzi f’art li xebgħet fuq saqajha.

Nies maqfula ġewwa l-kċejjen, jistennew min iweżinhom u jeħlishom minn kull kefen,
jgħaddu ħinhom bħall-għasafar, jitħnu l-ftiet li tħalla jterter fi friġġ kiesħa daqs l-azzar
u l-ksieħ tagħha jeħel f’demmhom bil-biżgħat li tmiemhom wasal u mhux sejjer jaħfirhielhom,
jgħidu t-talba tal-indiema donnhom riesqa lejn il-forka b’mota sewda mill-kampnar.

Xi waħdiet bil-lożor f’idhom, ixejruhom bħal bandani fuq il-bjut li nbidlu f’dgħajjes
flok fis-sodod ixxukkjati li kostretti jħallu l-ġifen biex qatt aktar ma jserrħuhom,
oħrajn jgħinu fit-tfittxija, jisfidaw li jisfaw martri biex imqar iħarsu ħajja
jew isawbu x-xrar tal-ilma fuq in-nar iħeġġeġ, jhedded li jniżżilhom għarkopptejhom.

U mal-mewġa daqs Gulija stenbħet oħra f’wiċċ il-gżira tfarfar rixha b’deni qawwi
li bħal għaġna ntisġet għoqda mal-ħalib u l-ilma tari li f’munqarha mrar daqs spiera,
hekk li f’moħħha bexxqu għajnhom il-memorji rieqda f’koma tal-mard kbir li kien ħakimha
meta ġenbha ċċarrat kollu bħall-kustat ta’ Kristu msallab bl-għodod qarsa tal-gwerriera.

Lilna wkoll dal-jum ċanfarna bħal jum ieħor bl-istess isem li ra n-nies jintfew bħal faħma
kif fis-snin mhux wisq imbiegħda żewġ tajriet minn xogħol il-bniedem daħlu jkesksu s-swar tewmin,
imma għalxejn min dbiel ġo ħobbhom rewwaħ idu bħal bandiera f’għajn id-dinja addolorata
għax is-swar inħallu kobob u sal-lum kulħadd jistaqsi x’sar mill-ħolm ta’ seklu rżin.


Stefano Farrugia

L-Imqabba, 22/04/2011

No comments:

Post a Comment