Membru Tal-Għaqda Poeti Maltin
John Mallia twieled Ħal Qormi fis-7 ta' Diċembru, 1944. Għallem għal 41 sena fl-iskejjel statali, l-aħħar 18-il sena bħala għalliem tal-Malti fil-Liċeo Maria Regina, Blata l-Bajda. Huwa membru fl-Għaqda Poeti Maltin u fl-Għaqda Letterarja Maltija. Xogħlijiet tiegħu ġew ippubblikati fl-antoloġija Spirali (1997), fil-ġabra ta' poeżiji Arkadja (2004), f'rivisti u f'ġurnali.
Fis-Skiet
Fis-skiet,
nisimgħek miexi, hemm, maġenbi.
Int dejjem miegħi tkun.
Ma' l-ewwel dawl tal-għodwa
nisma' ġmiel leħnek
fit-tpespis ħelu tal-għasfur tal-bejt
li wara lejl mistrieħ
jagħtik kull ġieħ.
Nixref fit-tieqa, tbusni fuq ħaddejja
b'dawk xofftejk żiffa friska;
nara madwari f'mirja qtar ta' nida
l-ilwien sbieħ tal-ħolqien.
Il-kobor tiegħek jimla s-sema jżernaq
f'għodwiet sajfin, xitwin,
meta, 'il bogħod, fix-xefaq,
tfiġġ xemx sħuna sħuna
jew jisbaħ b'leħħ il-beraq u t-tkarwit.
Narak fil-għajnejn kollhom ferħ tat-trabi,
f'teptip għajnejn iż-żgħażagħ imfarfrin,
narak fejn hemm l-imħabba fil-familja,
fejn jitlissen il-kliem li jġib is-sliem.
Int dejjem miegħi tkun.
Nisimgħek miexi, hemm, maġenbi,
fis-skiet.
John Mallia
Friday, January 1, 2010
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment