Pages

Wednesday, September 28, 2011

Lejla ta’ Poeżija internazzjonali


Nhar is-Sibt, 24 ta’ Settembru 2011 f’madwar 350 belt fi 80 pajjiż ħadu sehem f’Lejla ta’ Poeżija bit-tema Poeżija u Solidarjeta’ (Poetry and Sustainability). Malta ħadet sehem ukoll permezz tal-Għaqda Poeti Maltin li organizzat attivita’ fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. L-organizzaturi ta’ din l-attivita’ huma l-100 Thousand Poets for Change; għaqda fi ħdan l-universita’ ta’ Stanford ġewwa California (USA) u l-fundatur tagħha huwa Michael Rothenberg, poeta u editur tar-rivista letterarja Amerikana Bigbridge.

F’diskors qasir Alfred Massa, il-President tal-Għ.P.M., qal li l-paċi hija kelma komuni ħafna fuq fomm il-bniedem. Dan ifisser li l-paċi hija nieqsa fost il-bnedmin u li fl-istess waqt il-bnedmin huma tant imxennqin għaliha. Iżda rridu naħdmu biex ikollna l-paċi bejnietna u l-ewwel ħaġa li kull bniedem ta’ rieda tajba jrid jagħmel hi, li hu nnifsu jkollu l-paċi fih; imbagħad dan ikun jista’ jmexxiha fost ħutu l-bnedmin.

Inqraw diversi poeżiji b’ilsna differenti minn dawk preżenti, membri tal-Għ.P.M. u m’humiex, kollha bit-tema fuq imsemmija. Il-parti mużikali kienet f’idejn il-familji Ellul u Debono li komplew taw ħajja lis-Serata. Il-prezentatur kien Charles Magro.

Dawn il-poeżiji issa jinsabu fil-website tal-100 Thousand Poets for Change u huma miżmumin fl-arkivji ta’ Stanford University ġewwa California. Michael Rothenberg sejjaħ din l-attivita’ the largest poetry reading in history.