Pages

Tuesday, May 13, 2014

Lejla ta’ Poeżija u Mużika fl-Istitut Kattoliku mal-Fundazzjoni Papa Ġwanni Pawlu II

L-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika fis-Sala San Ġorġ Preca, fl-Istitut Kattoliku, fil-Furjana. Il-lejla ġiet organizzata flimkien mal-Fundazzjoni JP2 fl-okkażjoni tal-Kanonizzazjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II taħt il-patroċinju tal-Eċċelenza Tiegħu Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju għal Malta.

Inqraw poeżiji f’rabta mal-figura tal-Papa Ġwanni Pawlu II mill-membri tal-Għ.P.M.  Waqt il-lejla, Omar Seguna, Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Lil Hinn minn Xtutna, qara diskors dwar il-ħajja u x-xogħlijiet ta’ Papa Ġwanni Pawlu II. Ipparteċipa wkoll il-Chorus Sancti Ioannes Paulus II.

Ta’ min ifakkar li din is-serata ttellgħet eżattament 33 sena mill-attentat ta’ qtil fuq Papa Ġwanni Pawli II, jiġifieri fit-13 ta’ Mejju tal-1981.

Friday, May 9, 2014

Dar l-Emigrant 3 ta' Mejju 2014

Nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju membri tal-Għaqda Poeti Maltin iltaqgħu bħal ma jagħmlu fl-ewwel sibt ta’ kull xahar, ġo kafeterija fil-Belt Valletta sabiex bejn kikkra kafe’ jew te jaqraw xi poeżji.  Din il-laqgħa qed tintgħoġob ferm ma’ xi membri, għaliex madwar mejda jkun hemm diskussjoni informali bosta drabi li toħroġ minn xi vers jew ħsieb li jkun għadu kif inqara.  It-temi li nqraw, li dejjem ikunu ħielsa, varjaw minn xi weġgħa li l-poeta jkun ġarrab wara xi episodju f’ħajtu jew ħsus oħra li jkun għaddej minnhom.  Charles Mifsud fil-poeżija “Mejju? Sabiħ?”  jikteb dwar dan ix-xahar li bosta minnha, forsi minħabba l-fatt li jiġi fir-rebbiegħa, narawh xahar sabiħ..  Mhux hekk iżda l-poeta, għaliex f’dan ix-xahar ġarrab bosta esperjenzi xejn sbieħ.   Tony Vidal ara silta minn poema sentimentali bl-isem ta’ “Marti l-għażiża”.  Kif juri l-isem, din il-poema hija mafkar ħaj għall-mara tiegħu.  Fil-poema wkoll iqabbel il-mewt mal-materjaliżmu li fl-aħħar mill-aħħar dan imut u jispiċċa, filwaqt li l-imħabba hija eterna.   Fuq l-istess ħsieb, Tony Vella Lungro qara l-poeżija “Mingħajrek Le” fejn jispikka l-element sempliċi li jiżboq l-imħabba sinċiera ta’ bejniethom.  Omar Seguna, “Fl-istrajk ta’ mħabbitna” jibqa’ jittama li minkejja dan is-”silenzju”, dlam u maltemp, “Forsi għada tieqaf ix-xita”.  Josef Borg fil-poeżija “Qortin” jikkritika l-istituzzjonijiet politiċi, fejn

“f'dal-ħawt magma
bil-piż tiegħu mtaqqlin
jerfgħu s-soror ta' sororna
moħbijin f'keffet
il-kannizzata tad-destin.”

Salv Sammut jibqa’ fuq dan l-istess ħsieb, forsi ftit aktar immersiv u b’ton sarkastiku sottili.   Raymond Grech ifakkar fit-traġedja ta’ Beslan fejn minkejja  li“instema' wisq biki minn bikri bla srieħ” il-poeta huwa ottimist li “xemx oħra trid titla’”. 
Ma jistax jonqos li l-qari tal-poeżiji jiġu mżewqa bid-diskussjoni.  U xi waqtiet tkun imqanqla mhux ħażin!