Pages

Monday, June 9, 2014

Lejla ta’ Poeżija u Mużika f’Ħal Safi

Nhar il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju 2014, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi, organizzat Lejla ta’ Poeżija u Mużika quddiem il-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Safi. Inqraw poeżiji mill-membri tal-Għaqda Poeti Maltin b’tema patrijottika ladarba l-avveniment kien qrib is-Sette Giugno, filwaqt li għadd ta’ tfal tal-lokal qraw versi b’tema libera.
Il-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, fetaħ b’diskors u qal li din kienet it-tieni daba li l-Għaqda ġiet fil-lokal. L-U.R.P., Miriam Ellul, mexxiet is-serata. Fost dawk li qraw il-versi tagħhom kien hemm Rigu Bovingdon u Rosemary Attard mill-Awstrajla. Bovingdon qara versi dwar l-“imtarrfin”, mela dwar l-emigranti Maltin fl-Awstralja, filwaqt li Attard tkellmet dwar l-attivitajiet li jtella’ l-Grupp Letteratura Maltija f’Melbourne u qrat versi patrijottiċi tal-mibki Manuel Nicholas Borg. Saviour Sammut qara diskors storiku-dokumentattiv dwar is-Sette Giugno, u parti minn dan ir-rakkont ġie mqiegħed f’versi u moqri mill-membru poeta, Charles Mifsud.
Il-lejla ġiet imżewqa mill-mużika sabiħa tan-Novum Ensemble. Inqraw ukoll poeżiji patrijottiċi ta’ poeti tal-ewwel nofs tas-seklu 20 bħal Nikol Biancardi u Ġużè Chetcuti. Is-sindku ta’ Ħal Safi għalaq l-okkażjoni bid-diskors  tiegħu. Tkellem dwar ir-raħal tiegħu bħala raħal safi u patrijott li lanqas intrebaħ mill-pesta u qal li hu tajjeb ferm li pajjiżna jiġi mfaħħar saħansitra b’ilsna barranin. Fl-aħħar tal-lejla kien hemm ukoll riċeviment żgħir.