Pages

Friday, June 2, 2017

Mario F. Bezzina (1950 - 2017)

B'sogħba nħabbru l-mewt tal-poeta Mario F. Bezzina (1950 - 2017) kittieb poetiku prolifiku u kien attiv fil-Moviment Qawmien Letterarju, l-Għaqda Poeti Maltin u l-Ħeġġa Letterarja. Funeral għada Knisja San Ġużepp Ħaddiem 2.30pm., Birkirkara

Wednesday, May 24, 2017

Konkors tal-Poeżija għat-Tfal

Serata ta' Premjazjoni tal-Konkors tal-Poeżija għat-tfal - Kategorija A u Kategorija B
Data : Il-Ġimgħa 26 ta' Mejju
Ħin : 7:30 pm
Post : Fis-Sala tas-Soċjeta' Filarmonika Banda Kristu Re, Raħal Ġdid.

It-tfal li ħadu sehem flimkien mal-ġenituri,qraba u ħbieb tagħhom huma wkoll mistiedna.


Wednesday, May 10, 2017

‘Mi Manca il Mare’

Nhar il-Ġimgħa 17 Marzu, 2017, 18:30 – fis-sala tal-Istitut Kulturali, Taljan, il-Belt Valletta ttellgħet serata ‘Mi Manca il Mare’ - lejla speċjali ta’ poeżija u mużika b’Corrado Calabrò, poeta u kittieb magġruf Taljan, li qara poeżiji tiegħu  bit-Taljan.  Din is-serata ttellgħet flimkien mal-Għaqda Poeti Malti.  Jesmond Sharples, President tal-Ghaqda Maltin Poeti, qara wħud mill-poeżiji ta’ Corrado Calabrò, liema poeżiji ġew tradotti minnu għall-Malti. Kien hemm ukoll id-duo Astor magħmul minn, Mro Fabio Maida (kitarra) u Mro Angelo Palmeri (oboe) li tellgħu mużika ta’  T. Albinoni, A. Piazzolla, F. Tarrega, V. Bellini, J. Rodrigo, R. Dyens, C. Machado, E. Morricone, u M. Ravel. L-Istitut Kulturali Taljan flimkien mal-Għaqda Poeti Malti kellhom il-pjaċir li joffru taħlita ta’ tnejn mill-ifjen arti, li huma sensittivi għall-ruħ tal-bniedem, u li  għadhom popolari u aċċessibbli għal kulħadd: il-poeżija u mużika. Fl-aħħar tas-serata, il-President tal-Għaqda preżenta plakka ta’ onorifiċenza u rikonoxximent lill-poeta Corrado Calabrò.  Diversi membri tal-Għaqda Poeti Maltin attendew din l-attività.

Corrado Calabro twieled f'Reggio Calabria. L-ewwel volum ta’ poeżija tiegħu tikkonsisti b’kitbiet ta’ meta kellu  tmintax u għoxrin sena, u  ġew ppubblikati fl-1960.  Imbagħad ippublika mat-tmintax-il volum ieħor.  Mi Manca il Mare ħareġ fl-2013.  Ħafna mix-xogħol ta’ Calabrò ġie tradott f’diversi ilsna u anke ħareġ numru ta’ CDs.  Hu ingħata diversi premijiet letterarji u diversi gradi onorarji minn universitajiet prestiġjużi. 

Monday, March 13, 2017

IL-JUM INTERNAZZJONALI TAL-LINGWA MATERNA

IL-GĦAQDA POETI MALTIN TIEĦU SEHEM FIS-SERATA ‘IL-JUM INTERNAZZJONALI TAL-LINGWA MATERNA’ FIL-PALAZZ SAN ANTON – 1 ta’ Marzu 2017.

Nhar l-ewwel ta' Marzu 2017, l-Għaqda Poeti Maltin ħadet sehem flimkien ma' Għaqdiet oħra tal-Malti biex jiċċelebraw Il-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna taħt il-Patroċinju tal-E.T. il-President ta' Malta, Marie Louis Coleiro Preca. Matul il-programm il-President tal-Għaqda, Jesmond Sharples u s-segretarju Josef Borg qraw żewġ poeżiji rispettivament - poeżija ta' Achille Mizzi - 'Il-Kelma Maltija' u poeżija ta' Anastasju Cuschieri - 'Lill-Ilsien Pajjiżi'. Is-serata saret fil-Palazz ta' San Anton u ntemmet bid-diskors tal-E.T. il-President ta' Malta, fejn tkellmet fuq l-importanza li jkomplu jinħolqu sinerġiji biex jitħeġġeġ l-għarfien tal-lingwa Maltija, s-sabiħ tagħha, is-sens ta' identita' u profondita' li tagħtina biex tassew turina aħna minn aħna.







Monday, February 13, 2017

Għall-Jum San Valentino


KONKORS TA’ POEŻIJA GĦAT-TFAL U Ż-ŻGĦAŻAGĦ

Bħal kull sena, l-Għaqda Poeti Maltin qiegħda tniedi l-konkors tal-poeżija għall-istudenti. B’differenza minn snin preċedenti, din is-sena l-konkors se jkun maqsum f’żewġ kategoriji :

Kategorija A
Minn 10 sa 12/13-il sena (Year 6 – Form 2)
Kategorija B
Minn 13 sa 15/16-il sena (Form 3 – Form 5)

Il-Kummissjoni maħtura mill-kumitat ħejjiet dawn ir-regolamenti għal dan il-konkors.
1. L-istudenti parteċipanti jridu jkunu tal-età hawn fuq msemmija sal-għeluq tad-data tal-konkors u l-kategorija li ser jikkompetu fiha għandha tkun imniżżla qabel it-titlu tal-poeżija.
2. Il-poeżiji jistgħu jkunu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u s-suġġett tal-poeżiji huwa liberu.
3. Kull konkorrent jista’ jissottometti mhux aktar minn tlitt poeżiji fuq karta A4 jew A5, il-karti jridu jkunu mitbugħa (‘printed’).
4. Kull konkorrent irid jibgħat tlitt kopji separati ta’ kull poeżija li ser idaħħal għall-konkors, f’dan l-indirizz :
Charles Mifsud 51, “Caris” Triq F Żahra, Birkirkara BKR 1782

5. Data tal-għeluq tkun nhar it-13 ta’ Marzu 2017
6. Kull konkorrent għandu jniżżel mal-poeżija :
a. Isem u kunjom (ta’ min ħa sehem jew f’isem min qed issir is-sottomissjoni)
b. Indirizz tad-dar (ta’ min ħa sehem jew f’isem min qed issir is-sottomissjoni)
c. Numru tat-telefown jew mobile (ta’ min ħa sehem jew f’isem min qed issir is-sottomissjoni)
d. Età (ta’ min ħa sehem jew f’isem min qed issir is-sottomissjoni)
e. Skola fejn jattendi
f. Kategorija li ser jipparteċipa fiha

7. Jingħataw tliet premjijiet għal kull kategorija, l-ewwel, it-tieni u t-tielet post. Jistgħu jingħataw premjijiet ukoll lil dawk li jissemmew b’ġieħ mill-ġurija.
8. Kull parteċipant jingħata ċertifikat/diploma tal-parteċipazjoni.
9. Data tal-premjazzjoni tkun mħabbra aktar ’il quddiem
10. Kull deċiżjoni tal-ġurija hi finali u inappellabli.