Membru Tal-Ghaqda Poeti Maltin
Salv Sammut twieled fl-4 ta’ Marzu tas-sena 1947 f’Ħal Lija. Huwa l-iżgħar minn sitt ulied li erbgħa minnhom mietu f’eta bikrija. Minn tfulitu kien jiftakar lil missieru dieħel u ħiereġ minn ġewwa l-isptarijiet. Dan il-fatt mingħajr ma kien mixtieq wassal għal sitwazzjoni ta’ distanza fir-relazzjoni ta’ bejniethom kif ukoll għarfien rejali tas-sitwazzjoni ekonomika li kellha tnissel fih għaqal u kawtela. Iċ-ċirkostanzi li minn tfulitu il-familja bidlet bosta djar, minn Ħal Lija għal Isla imbagħad għal Ħal Balzan u mill-ġdid għal Ħal Lija u meta żżewweġ mar joqgħod Ħal Balzan u fl-aħħar nett l-Imtarfa, ġgħalitu jkun Indipendenti mill-element parrokjali kif ukoll trabba fih sens ta’ bniedem solitarju minkejja li jkun fost il-kotra.
Salv Sammut ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Ħal Lija, l-Isla u dik sekondarja fis-St. Joseph Technical School ta’ Raħal Ġdid. Wara bosta snin ħa kors universitarju fl-Istudji Soċjali u fir-Relazzjonijiet Industrijali fejn kiseb Diploma.
Fis-snin sittin kien attiv fil-politika fil-qasam taż-Żgħażagħ f’dik l-era ta’ taqlib soċjali u politiku-reliġjuż. Lejn l-aħħar tas-snin sittin biddel it-triq u minn dik ta’ politika issieħeb fil-kamp trejdunjonistiku billi ġie maħtur jirrappreżenta lil sħabu l-ħaddiema f’dik li qabel kienet St. Paul’s Press u wara saret Interprint. Għal xi snin irtira minn din il-ħidma u żamm profil baxx sakemm fl-1985 reġa daħal f’karigi oħra li wassluh biex tela’ l-iskaluni kollha tal-karigi fejn fis-sena 2001, laħaq President tal-General Workers’ Union sakemm spiċċa bl-eta ta’ l-irtirar fis-sena 2008. Din il-posizzjoni minbarra li laqqgħatu ma’ bosta personalitajiet kemm ta’ naħa u kemm ta’ oħra, ġabitu wiċċ imb’wiċċ mar-rejalta ta’ l-arena tal-ħajja pubblika. Iżda fl-istess waqt kattret fih aktar dixxiplina personali u maturita li seta’ jifhem iżjed il-psikoloġija tal-bniedem u l-konflitt personali u egoistiku tiegħu. F’din il-ħidma wkoll, Salv Sammut kellu l-opportunita li jżur bosta bliet ewropej li ħallew impatt qawwi fuqu kif jixhdu wħud mill-poeżiji tiegħu.
Bejn is-snin 1989/92 Salv Sammut kien l-ewwel Segretarju amministrattiv ta’ l-Għaqda Residenti Mtarfa li twaqqfet bil-għan li tgħin lir-residenti tal-lokal jgħelbu l-problemi li sabu wiċċhom magħhom bix-xiri tad-djar tagħhom flimkien mal-problemi li setgħu joħorġu bil-proġett ġdid ta’ bini ta’ Belt ġdida fl-Imtarfa.
FIL-QASAM TAL-KITBA:
Salv Sammut ħasx l-ewwel tqanqila għal kitba fis-sena 1964. Beda jikteb il-poeżiji u jaqsamhom ma’ poeti żgħażagħ oħra bħal Trevor Zahra, Raymond Mahoney u Charles Flores li magħhom kellu ħbiberija aktar mill-qrib minn ta’ oħrajn. Mal-poeżija beda jikteb il-proża li dak iż-żmien kien influwenzat ħafna mill-kitba ta’ Edgar Allan Poe u f’dik li hija poeżija minn John Keats u Emily Bronte. Fil-letteratura maltija kienu jaffaxinawh il-patrijottiżmu ta’ Dun Karm u l-lirika ta’ Rużar Briffa. Il-poeżija kif ukoll il-proża kienu jixxandru minn fuq ir-Rediffusion kif ukoll jiġu pubblikati fil-ġurnali lokali li kienu joħorġu dak iż-żmien.
Daħal membru ta’ l-Għaqda Letterarja Maltija u fis-sena 1967 kien wieħed minn tal-bidu nett meta twaqqaf uffiċjalment il-Moviment Qawmien Letterarju. Kien tella’ b’suċċess ġewwa Ħal Lija Lejla ta’ Beat u Letteratura fejn is-Sala Parrokjali kienet litteralment maħnuqa b’kull ġeneru tas-soċjeta ta’ Ħal Lija. Xandar xi poeżiji f’xi Antoloġiji li kienu ġew pubblikati f’dik il-ħabta.
L-istess bħalma kien ġralu fil-kamp tat-trade union, hawnhekk ukoll, Salv Sammut bejn is-snin 1976 u 1994 daħal f’irtir letterarju u ma kiteb xejn aktar. Reġa beda l-kitba tiegħu wara l-1994 u ma waqafx minn dakinhar ’l hawn.
Bejn is-snin sebġħin, Salv Sammut kiteb żewġ rumanzi. Wieħed politiku soċjali (Staqsi lir-Riħ) bażat fuq is-snin sittin u l-ieħor soċjo-morali (Fid-Dell tal-Pellikan). It-tnejn li huma nqraw minn fuq il-PBS minn Charles Arrigo waqt li Staqsi lir-Riħ kien inqara wkoll minn Ġorġ Portelli fuq Super One Radio. Staqsi lir-Riħ ġie pubblikat fil-Gwida Magazine u Fid-Dell tal-Pellikan pubblikat fl-Antenna Magazine. Wara dawn, kiteb ieħor Id-Dar ta’ ħdejn il-Baħar.
Minn barra dan, Salv Sammut kiteb aktar minn tletin novella, bosta artikli għal ġurnal l-Orizzont, kif ukoll Drammi li wieħed minnhom ġie mtella’ fuq il-PBS, ieħor intgħażel biex jinħadem bħala assignment minn sħabu l-istudenti ta’ l-Istudju Soċjali fl-Universita waqt li ieħor ittella’ mill-Bronk Production fl-okkażżjoni tas-sittin sena mit-twaqqif tal-General Workers’ Union fis-sena 2003. L-Istazzjon tal-PBS, permezz ta’ Charles Caruana kien tella’ programm ta’ kull ġimgħa bl-isem ta’ Kwarta Kollox fejn Charles Caruana kien jaqra kitba ta’ Salv Sammut bażata fuq espressjonijiet minn nies magħrufa barranin. Fuq l-istess tip ta’ programm, Charles Caruana kien tella’ programm ieħor bl-isem Kliem Mixtar. Wara dan il-qari, Charles Caruana kien ikollu psikologu mistieden biex jagħti l-fehma tiegħu fuq dik il-kitba.
Fis-sena 2000, Salv Sammut flmkien ma’ Ġorġ Peresso, Rena Balzan u Charles Caruana kien ħareġ il-ktieb tal-poeżiji bl-isem ta’ Alfa liema ktieb kien ġie fit-tieni post fil-konkors nazzjonali Premju Letterarju 2001. Fis-sena 2008, ħareġ it-tieni ktieb, din id-darba waħdu bl-isem ta’ Tiżwiqa.
Fis-sena 2007, Salv Sammut daħal membru ta’ l-Għaqda Poeti Maltin. Minn ġewwa din l-Għaqda Salv Sammut għamel ħbieb ġodda kif ukoll permezz tal-lejliet ta’ qari ta’ poeżiji kattar it-taħlita ta’ ħsibijiet u kiseb esperjenza ta’ tqanqiliet ta’ poeti u ntellettwalisti oħra.
METAMORFOSI
Ilbieraħ kont gwerrier mimli bil-qilla,
F’kull eventwalità li setgħet ġiet.
Illum l-armi ħallejthom f’ġenb jissaddu,
Jinksew bl-għanqbut ta’ dak li kien ilbieraħ.
Ilbieraħ kont vulkan mix-xfar jiżbroffa,
Bil-lava tinżel taħraq kull fejn tgħaddi.
Illum inbeżżaq bżiq ta’ ndifferenza
Lejn dawk li stmajt w huma ma stmawniex lura.
Ilbieraħ żbaljajt noħloq l-avversarji,
Illum matur aktar nagħmel il-ħbieb.
Marzu 3, 2010
RIFLESSJONI QUDDIEM IL-MERA
Inħares ġewwa l-mera kull filgħodu
U nara l-verità ħierġa quddiemi ...
Tiċċappas biswiti.
Tinkini biż-żmien l’għadda fuqi.
Fil-mera jidher wiċċ
Kemmxejn kiebi u ħosbien
Għadu nieqes mit-tikmix.
L-għajnejn żebbieġa qed iħarsu lejja
Donnhom binokkju biex nara l-passat
U jien inħares lejhom ħalli nfittex
Insibx il-“jien” mitluf
Li ssawwar fuq medda ta’ snin
Qabel joħorġu r-raddi fuq dal-wiċċ
Ta’ bniedem solitarju ...
Vjaġġatur li terraq fis-solitudni
Tal-kotra għaġġelija fit-triqat.
Illum jinsab waħdu ...
Jiftakar fil-bieraħ
Jgħix f’illum
U jistenna l-għada jasal.
Mejju 8, 2010
JEKK JIEN ...
Jekk jien fjura li niftaħ infewwaħ
Fi ġnien l-umanità –
Ħu ħsiebi u saqqieni
Bl-ilma tal-ħajja
W iżborni mill-ħaxix ħażin li jinbet
Madwari.
Imma jekk jien xewka tniggeż fix-xagħri
F’għalqa żdingata mimlija għollieq
B’ħamrija iebsa miżgħuda b’firien –
Aqtagħni mill-għeruq u xħetni ’l bogħod
Fejn ninħaraq mix-xemx li tiżreġ f’għodwa
Ġdida ta’ jum sabiħ fuq sema nir.
Mejju 19, 2010
spirtu
jien nisma’ l-għanja moribonda f’leħen
il-pitirros minsub ġewwa t-trabokk.
it-tfexfix melodjuż tal-ilma ġieri
minn nixxiegħat għaddejja taħt l-għerien.
nogħxa bir-riħa tas-sagħtar imnibbet
mix-xquq tal-blat fit-truf tal-irdumijiet.
niġġerra bħal farfett il-lejl f’widien
se naħbat, ma naħbatx,
u norqod rasi ’l isfel
bla sens u bla gost.
jien ngħix f’sotterrani mudlama
fi qlub u mħuħ ta’ bnedmin indeċiżi
u nimraħ f’kerrejiet ta’ rwieħ minsija
f’labirint mingħajr ilwien
fejn il-lampa tat-tama ma tinxtegħelx.
jien dik l-assenza
li tħuf ’l hawn u ’l hinn
li ma tidhirx bil-għajn ’ma tinħass sew
fis-sensibilità tar-ruħ muġugħa
jew min lest jilqagħni għandu.
Mejju 10, 2010
PERĊEZZJONI
Rajt wiċċek miġbud,
U ħsibt l’int supperv.
... Ma fhimtx li kont mikdud.
Smajtek titkellem,
U kliemek kien maħtuf.
... Seta’ nifsek kien maqtugħ.
Għamiltek bla kultura,
Għax hekk bixritek tatni l-impressjoni.
... Meta l-intellet tiegħek kien mod ieħor.
Pinġejtek kif stħajjiltek tkun impinġi,
Mingħajr ma qist li m’għandi ebda dritt
Nagħmel ġudizzju jew tikketta fuqek.
Kemm niżbalja malajr meta
Perċezzjoni nagħmilha mingħajr ħsieb
... Għax hekk dherli, għax hekk ħsibt!
Ġunju 6, 2010
Friday, January 1, 2010
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment