Pages

Saturday, July 29, 2017

QASAB IĊAQĊAQ ta' Raymond Grech

Aktar minn erbgħin sena ta’ ħsibijiet u kitba stampati fl-ewwel volum, QASAB IĊAQĊAQ. Daħla tal-Prof. Oliver Friggieri, kif ukoll nebħ-apprezzattiv ta' Tarcisio Zarb u Alfred Massa. Ħafna poeżiji li qatt ma ġew stampati jew imxandra qabel.
 
**********************************

QASAB IĊAQĊAQ (Creaking Reeds) – a collection of poems sees the light of day. A labour of love spanning more than forty years in the making is now published in the Maltese language. A translation in English of this first volume is on the drawing board. The next two volumes are on the way.



Tuesday, July 25, 2017

Premjazzjoni tal-Konkors 2017 - Tfal




Nhar il-Ġimgħa 26 ta' Mejju 2017 fis-7.30p.m. saret is-serata ta' premjazzjoni tal-Konkors li l-Għaqda Poeti Maltin organizzat għat-tfal tal-iskejjel primarji u sekondarji, pubbliċi u privati ta' Malta u Għawdex. Ħadu sehem b'kollox 299 tifel u tifla li 242 kienu f'kategorija A (10-11-il sena) u 57 kienu f'Kategorija B (12-16-il sena). Is-serata saret fis-sede tas-Socjeta Filarmonika G.M Fra.Antoine De Paule Banda Kristu Re, Raħal Ġdid. Ħadu sehem fil-programm mużikali tlett ghaqdiet muzikali u l-istudenti żgħażagħ tagħhom. Dawn kienu:
Is-Socjetà Filarmonika GM Fra.Antoine De Paule Banda Kristu Re, Raħal Ġdid, Il-Għaqda Mużikali Banda San Gużepp Ħal-Għaxaq u s-Socjetà Mużikali Każin Banda San Piju X Ħal-Lija. L-istudenti taħt it-tmexxija tas-Surmast Reno Busuttil daqqew programm varjat ta' mużika li żżewqet sew mal-qari tal-poeżiji rebbieħa tal-konkors.

Ir-rebbieħa u dawk imsemmija b'ġieħ ingħataw il-premijiet u ċ-ċertikati ta' rebħ u ġieħ rispettivament mill-President tal-Għaqda, Jesmond Sharples. Il-Viċipresident tal-Għaqda, Miriam Ellul preżentat is-serata.

L-Għaqda Poeti Maltin tixtieq trodd ħajr lis-Socjetà Filarmonika GM Fra.Antoine De Paule Banda Kristu Re ta' Raħal Ġdid talli laqgħetna fis-sala sabiħa tagħhom biex ittellgħet is-serata, lill-kapijiet tal-iskejjel kollha u lill-għalliema tal-Malti li ħeġġew lill-istudenti li ħadu sehem, lill-ġenituri tat-tfal u l-għalliemgħas-sapport u l-għajnuna li ngħataw u lill-Klabb Kotba Maltin għall-għotjiet tal-kotba għall-premijiet.
Il-lista tar-rebbieħa u ta' dawk imsemmija b'ġieħ tinstab mar-ritratti li ttellgħu hawnhekk.

REBBIEĦA F’KATEGORIJA A

1el Premju - Martina Mifsud bil-poeżija ‘It-Torri’   
2ni Premju - Grupp ta’ Studenti (Skola Primarja Ħaż-Żebbuġ) bil-poeżija ‘Ħarġa sal-Wied’
3et Premju - Gabriel Scerri bil-poeżija ‘Dehra’

Dawn il-poeżiji ssemmew b’ġieħ fil-Konkors tal-poeżija tat-tfal Kategorija A.

Ħlewwa - Gabriel Scerri       
Tislima ta’ Wild Ħad-Dingli - James Borg       
Il-Ħanut tal-Fjuri  - Martina Magro       
I Am - Aimee Vassallo       
Inżul ix-Xemx - Karol Zammit       
Ngħajtu Lkoll Flimkien - Laura Sammut Birmingham       
Lill-Baħar - Matthew Camenzuli   

REBBIEĦA F’KATEGORIJA B
1el Premju - Matthew Debono bil-poeżija ‘Qtajt Fjura’
2ni Premju - Nathaniel Pio Scicluna bil-poeżija ‘Bosk ta’ Mħabba’
3et Premju - Francesca Grillo bil-poeżija ‘Il-Ħasda’

Dawn il-poeżiji ssemmew b’ġieħ fil-Konkors tal-poeżija tat-tfal Kategorija B.

Sheep - Kluivert Galea   
Choices  - Martina Grech   
Life Passed By - Francesca Grillo   
Familja fil-Milied -  Matthew Debono   
Qlub Maqsuma - Ruslana Barbara   
Dmugħ - Matthew Debono   
Ħalliel - Nathaniel Pio Scicluna   
Friends Will be Friends- Yana Busuttil   


IT-TORRI

Hemm huwa s-suldat
li l-istorja tat,
jixxemmex bla heda
fuq il-blat ixxamplat.

It-torri għassies
fuq medda bla qies,
jittawwal mill-għoli
bħal iħares lin-nies.

Jilmaħ il-bajja
fis-sajf hekk ħajja;
mhux hekk tkun fix-xitwa
l-eċitata plajja.

Jara l-għelieqi
b’għajnejh it-twieqi
mill-bogħod qishom twapet,
isaħħnu l-iljieli.

U ġieli theżżeż,
ried jibqa’ jgħasses;
sa baħħ id-dlam ċappa
lil dawk għajnejh jgħakkes

MARTINA MIFSUD – Rebbieħa tal-1el Premju Kategorija A


ĦARĠA SAL-WIED

Bħala skola morna l-wied,
il-Bambin hekk donnu ried:
ngawdu s-seħer tan-natura,
o xi ġmiel din kollha ħdura.

Ġiżimin, ward u pepprin,
dawn l-għelieqi mħaddrin.
Il-bebbux ħdejn il-lellux,
it-tuffieħ dan ma jħobbux!

Fix-xemx tiddi f’sema blu,
jiġru t-tfal bdew bil-ballun,
tifla mqarba fjuri qatgħet,
biex tpoġġihom fil-vażun.

Aħna mxejna mal-mogħdija,
min bil-ħeffa jew tbatija.
Qażquż qabeż ma’ qattus,
dlonk intefgħu ħdejn fellus!

Siġar, għasafar, żnażan u friefet,
bniet u subien, donnhom xi qniefed
jiġru mal-wied, addijo l-kwiet;
hemm ħofra daqs pied,
jekk jaqgħu x’inkwiet,
l-għalliema warajhom, tiġri stordiet!

Inżul ix-xemx għoddu wasal,
kulħadd kiel il-ħobż bil-basal!
Ħadna gost ġewwa dal-wied,
dil-ġurnata kif għaddiet!

GRUPP TA’ STUDENTI – SKOLA PRIMARJA ĦAŻ-ŻEBBUĠ
2ni Premju Kategorija A

DEHRA

Inħobb nippassiġġa
f’dik l-arja pura
fejn ilmaħt dehra
qalb il-ħdura.

Ilmaħt bizzilla
qalb dawk il-fjuri
mill-isbaħ, l-ifjen
ta’ tant sinjuri.

Mimlija nida
kmieni filgħodu
boċċa fejn boċċa
kollha joqogħdu.

Id-dawl jaħkimhom
u jibdew ileqqu
u tiċċassa lejhom
u għajnejja jitbexxqu.

Bieżla l-brimba
bl-għanqbuta tagħha
tinseġ u timxi
bil-ħajt li ġġorr magħha.

Bħal donnu ntbaħt
minn dir-realtà
tixbiha ħelwa
‘ma b’serjetà.

GABRIEL SCERRI – Rebbieħ tat-3et Premju Kategorija A

QTAJT FJURA
Meta kont tfajjel ċkejken,
mimli innoċenza,
lil ommi qtajtilha fjura,
warda
ta’ kulur demmi,
jbaqbaq bl-imħabba!

Meta kont żagħżugħ,
mimli bluha,
lit-tfajla qtajtilha varjetà
ta’ ward u qronfol,
kulur in-nar,
mkebbes mill-imħabba żagħżugħa tiegħi!

Meta sirt kuntrattur,
mimli esperjenza,
qtajt fjura
biex bnejt villa,
u oħra
biex bnejt pixxina,
u oħra
biex bnejt ġnien pubbliku,
u fih ħawwilt xi siġar
mibnijin ġo fabbrika,
biex jagħtu tikka arja u tikka kulur,
ġo dinja sewda u mdardra.

Meta kont xwejjaħ,
mgħawweġ u bil-bastun,
mort fil-ġnien,
u ħawwilt xi fjuri,
li kibru u taw il-kulur.

Meta rajt li kollox kien lest,
poġġejt bilqiegħda fuq
bank,
u xtriħajt
u lmaħt
lil tfajjel ċkejken,
jaqta’ warda,
ħamra bħar-rabja tbaqbaq,
u jagħtiha lil ommu,
b’innoċenza u imħabba!
X’fiha billi taqta’ fjura?


MATTHEW DEBONO – Rebbieħ tal-1el Premju - Kategorija B.


BOSK TA’ MĦABBA

Bosk mimli siġar.
U għasafar, tal-passa jew tal-bejt.
U naħal, iweġġgħu jew jithennew.
Bosk mimli ward.

Ġuvni kurjuż.
Ġuvni immatur.
Ġuvni maħbub.
Ġuvni bil-magħmul.

Fil-Bosk il-ġuvni ħabb il-kappar.
Fil-Bosk il-ġuvni ħabb il-għasel.
Fil-Bosk il-ġuvni ħabb il-kaboċċa.
Fil-Bosk il-ġuvni ħabb naħla.

Kappara morra.
Għasel ħelu.
Kaboċċa komuni.
Naħla liebsa ta’ warda.

In-naħla libset ta’ ward.
U ħafna nies waqgħu għad-dehra tagħha.
U ġuvni kurjuż imur. Imur
iħuf din il-warda. Tant sabiħa.

    ***

Il-Ġuvni sar ħbieb mal-ward
U ma’ sħabha għamilha.
U lil familtha sar jaf.
Il-Ġuvni sar iħobbha l-warda.

Warda żgħira.
Warda ħelwa.
Waħda ħanina.
Warda f’maskla.

Iżda l-warda sabet għasfur
U sabet maħbub
U ieħor wara l-ieħor
Sakemm sabet l-għasfur tal-qlub.

    ***

Il-Ġuvni spiċċa mdejjaq.
Hekk kif fil-passat
Il-warda ħabbet lilu
Hekk issa nsietu.

Qalbu telqet.
Qalbu ħdaret.
Qalbu dabet.
Qalbu lagħbet.
   
Hekk kif qabel ħabbitu
U b’qabu lagħbitlu u moħħu ħawditlu.
U rasu ġennitlu.  Waqt li flusu użatlu.
Għannqitu u sentimenti kissritlu.

Tgħanniqa kbira.
Tgħanniqa sabiħa.
Tgħanniqa tifga.
Tgħanniqa taħkmu.

Iżda l-warda ħarġe xewka
In-naħa niggżitlu sidru.
Rasu kibritlu u ġildu fjammatlu.
Id-dwejjaq daħlu u xewqtu qatgħetlu.

Xewqitu kissritlu.
Xewqtu ħammġitlu.
Xewqtu mmankatlu.
Xewqtu qatgħetlu.

Il-warda qatgħetlu idu. Bħal sikkina
Fil-butir.  Il-marki ħallietlu.  Fuq
idu penġietlu. Il-kulur aħmar ħallietlu.

    ***

Il-Ġuvni darba sema’ l-għasfur.
L-għasfur tal-qlub.  Li kissritlu
ħajtu u qalbu.  Jittama li jitlaq lill-warda.
Il-Ġuvni ħasdu u ħawdu.

Ħasda li tħalli marka.
Ħasda li tħalli impatt.
Ħasda li tispjega ħafna.
Ħasda stramba ħafna.

Il-Ġuvni semma’ l-għarus tal-qlub.
U għal xi raġun qallu,
li hu m’għandux jinkwieta
għax hu l-għarus tal-qlub.

Il-Ġuvni għamel l-impossibbli.
L-għadu ġabu f’qalbu u żammu,
Waqt li ra mħabbtu u ħajtu tmut.
U l-warda tmur mal-għarus tal-qlub.

L-għasfur li jfuħ.
L-għasfur li jbus.
L-għasfur tal-flus.
L-għasfur tal-qlub.

Il-Ġuvni ma baqax kurjuż.
U immatur ma kienx.
U maħbub ma baqax.
Iżda l-magħmul ma marx.

Magħmul tal-bluh.
Magħmul tal-flus.
Magħmul mal-għasfur.
Magħmul mal-qlub.

Il-Ġuvni ħares ‘il fuq.
U l-ħamiema ħarsitlu.
U l-infinit għajjatlu.
Il-Ġuvni sabu f’qalbu.

Sab paċi.
Sab maħbub.
Sab l-anġlu.
Sab l-infinit.

NATHANIEL PIO SCICLUNA – Rebbieħ tat-2ni Premju – Kategorija B.


IL-ĦASDA

Fejn darba ma kien hemm xejn miżrugħ
Bla fidi, bla tama u kollox maqlugħ
Indifnet żerriegħa ċkejkna bla ruħ
U s-sema tieħu ħsiebha, issaqiha bid-dmugħ

X’imkien fil-għoli, mal-istilel u s-sħab
Man-nies għeżież tagħna li sfaxxaw fit-trab

L-anġli kollha b’leħen wieħed
Jgħannu kliem ħelu f’dan il-lejl sieket

Iħarsu b’għajnejn vojta lejn l-innoċenza tat-tfulija
Filwaqt li x-xjuħ bla saħħa juruhom emaptija

U wiċċ l-anġli jibqa’ skantat kif jinbidlu l-uċuh
U minn l-għeżież ċkejkna f’radda ta’ salib jispiċċaw xjuħ

B’kuntrast maż-żerriegħa li donnha baqgħet midfuna
Fgata fit-trab għadha hemm miżmuma

Iżda stqarr ir-riħ darba fost l-oħrajn
Li kif bdiet tiżfen ix-xita u l-ħamrija saret tajn

Sema’ żewġ għasafar jibku u jpespsu ġol-bejta
Għax kienu raw werqa bl-uġigħ nofsha mejta

U b’hekk kien li ħajja ġdida
Għaddielha l-ħin u tilfet l-isfida

Kien ġie jiġri tifel żgħir
U qata’ l-werqa bla ma ħasibha darbtejn
U dak li kien hemm fil-wied
Malajr spiċċa fix-xejn

U meta dak it-tifel kiber u sar xiħ
Kien l-ewwel wieħed biex gerger minnufih

Żtfal egoisti hawn bil-mija”
Iżda mur saqsi lill-qammar u jagħmillek stqarrija

Fuq il-passat tiegħek u kif bħalhom kont tagħmel
Issa nxteħet tibki u bid-dmugħ imla l-bramel


U iġri għall-wied biex issaqqi l-ħajja mejta
Fosi taħsel idejk u tgħid li mhux int fottejtha

Idejk flimkien, issa titlob għal miraklu
U bħaċ-ċuċ li int tibqa’ tistenna l-ipettaklu

Għandi mnejn ngħidlek li bħalma diġà bsart
Ftit taż-żmien ieħor sa tibilgħek l-art

U se tpinġi pittura sew tad-diqa
Kif tkun qed tinħaraq l-infern tittawwal mit-tieqa

FRANCESCA GRILL0  - Rebbieħa tat-3et Premju Kategorija B