Pages

Saturday, August 14, 2010

LEJLA TA' POEŻIJA U MUŻIKA F'ĦAL TARXIEN



L-Għaqda Poeti Maltin u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien nhar il-Ġimgħa 13 ta' Awwissu 2010 organizzaw Lejla ta' Poeżija u Mużika fil-bitħa tad-Dar tal-Kejka f'Ħal Tarxien. L-attendenza kienet tajba ħafna. Ippreżenta Dr Joseph Axiaq, Ass. Segretarju tal-Għ.P.M.
Inqraw numru ta' poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż. Patrick Sammut, Viċi President tal-Għaqda intervista lil Peter A. Caruana, kittieb u poeta Tarxiniż u Membru Onorarju tal-Għ.P.M., filwaqt li Walter Micallef kellu f'idejh il-parti mużikali. Micallef kanta ħames għanjiet folkoloristi akkompanjat fuq il-kitarra.
Saru diskorsi kemm minn Alfred Massa, President tal-Għ.P.M. kif ukoll mill-Kav. Paul Farrugia, Sindku ta' Ħal Tarxien. Massa rrefera għas-sehem li Ħal Tarxien ta lill-arti Maltija, speċjalment lil-letteratura u semma awturi bħal Ġuże' Aquilina, Kilin, Ġuże' Chetcuti, Ninu Cremona, Ġuże' Cassar Pullicino, E.B. Vella, Mons. Prof. Carmelo Santa, Mons. Ġużeppi Schembri u Rafel Bonnici Cali' li kollha kellhom xi tiop ta' rabta ma' dan ir-raħal. Farrugia esprima l-intenzjoni tal-Kunsill li jibqa' jagħti importanza lill-attivitajiet bħal dawn.
Il-Lejla nfetħet b'minuta silenzju kemm minħabba l-mewt tal-President Emeritus, il-Prof. Guido DeMarco, kif ukoll minħabba l-vittmi Mostin li ftit qabel mietu fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar u ntemmet bil-kanta tal-Ave Maria mill-mezzo sopran, Miriam Camilleri.
Wara saret bibita għal dawk preżenti.