Tuesday, May 29, 2012
Lejla Mużiko-Letterarja mill-Għaqda Poeti Maltin fl-Imtarfa
Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna biex ittella’ Lejla ta’ Poeżija u Mużika f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa f’rabta ma’ Jum l-Imtarfa. Din is-sena l-Lejla saret is-Sibt, il-21 ta’ April, fis-7.30 p.m. Il-post kien dak abitwali, jiġifieri l-Iskola Primarja tal-Imtarfa. Għal din il-Lejla ta’ Poeżija l-membri tal-Għ.P.M. ipparteċipaw bi ħġarhom u qraw poeżiji bit-tliet ilsna u ttrattaw diversi suġġetti bħalma huma l-ambjent, it-twemmin, is-soċjetà moderna, u aspetti oħrajn. Kien hemm ukoll min qara versi ta’ San Ġwann tas-Salib u min ispira ruħu mill-kitbiet ta’ Thomas Merton. Ħadu sehem ukoll għadd ta’ tfal u persuni oħrajn tal-lokal li qraw versi minn tagħhom. Fetaħ is-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, li esprima l-pjaċir tiegħu li l-Għaqda u l-Kunsill Lokali tal-Imtarfa żammew dan l-appuntament annwali għal dawn l-aħħar erba’ snin u wera ċ-ċertezza li rabta bħal din se tkompli tissaħħaħ. Mexxiet is-serata, Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għ.P.M. li għoġobha żżewwaq il-lejla anki b’numru ta’ kwotazzjonijiet minn kittieba magħrufa dwar il-qasam tal-poeżija. Il-parti mużikali ġiet afdata lill-kantanta żagħżugħa Marie. Fl-aħħar tas-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, Anton Mifsud, taw tokens bħala tifkira tal-okkażjoni. Is-Sindku għalaq il-Lejla b’diskors qasir fejn sostna l-impenn tiegħu biex il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa jaħdem biex ir-residenti jkollhom ukoll dejjem iktar lejliet ta’ natura kulturali bħal dawn. Dawk li attendew għal-Lejla Mużiko-Letterarja fl-aħħar kienu mistiedna wkoll għal bibita.
Wednesday, April 25, 2012
Ċirkolari nru 2 - Serata f'Ħal Safi
II-Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Ħal Safi fl-okkażjoni mill-mewt tal-Poeta Anastasju Cuschieri u l-mitejn sena mit-twelid ta’ Charles Dickens, permezz tal-Kap tal-Iskola, l-Assistenta Kap u l-Għalliema, flimkien mal-Kunsill tal-Iskola qegħdin jistiednu lil membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin flimkien ma’ mistieden/a għal Serata Mużika-Letterarja fil-Jum tal-Premjazzjoni għas-sena skolastika 2010/11. Din se ssir nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2012 fis-6:30 ta’ filgħaxija fis-sala tal-iskola. Minħabba l-postijiet biex wieħed joqgħod bilqiegħda, huwa importanti li dawk li se jattendu jew li mhux se jattendu jinformaw lil President, is-Sur Charles Magro jew lill-Assistent Segetarju, is-Sur Charles Mifsud jew iċemplu fl-iskola fuq in-numru 21649056.
Salv Sammut
SEGRETARJU
Sunday, April 22, 2012
Ċirkolari nru 1 Premjazzjoni Tfal 2012
Ninformakom li nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ April sejra ssir il-premjazzjoni tal-Konkors tal-Poeżija Għat-Tfal 2012. Din se ssir fil-Belt Valletta fiċ-Ċentru tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fis-6:30 ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mitlub li jattendi u jkun fil-ħin.
Monday, April 16, 2012
Lejla ta’ Poeżija mill-Għaqda Poeti Maltin fil-Mosta
Nhar is-Sibt, 14 ta’ April, 2012, fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Dan f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-Lejla nfetħet b’diskors qasir mill-viċi-President tal-Għ.P.M., is-Sur Patrick Sammut, fl-assenza tal-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro. Sammut tkellem dwar il-Kumitat il-ġdid li għandu jservi għat-tliet snin li ġejjin u qal li huwa magħmul kemm minn membri veterani kif ukoll minn demm ġdid, mela membri li jidhru li daħlu b’enerġija u li lesti li jagħtu sehemhom sewwa. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ixerrdu l-kelma u jħeġġu mhux biss lil membri oħra tal-Għ.P.M. biex jattendu għal Lejliet bħal dawn imma anki ħbieb u persuni interessati fil-poeżija. Qal ukoll li tkun idea tajba li Lejliet bħal dawn iservu wkoll bħala vetrina ta’ dak li qed jagħmlu xi membri tal-Għ.P.M. rigward pubblikazzjoni ta’ ġabriet ta’ poeżija u kotba oħra. Waqt din il-Lejla tkellem l-assistent Segretarju tal-Għ.P.M. u poeta Charles Mifsud dwar il-ġabra tiegħu ta’ poeżiji reliġjużi u Marjani, Il-Blata Tiegħi (2011). Dawk preżenti għal-Lejla ta’ Poeżija fil-Mosta kellhom l-opportunità jaqraw iżjed minn poeżija waħda. Inqraw poeżiji b’ilsna, temi u stili differenti. Il-Lejla kienet imżewqa wkoll mill-mużika u kanzunetti folk ta’ Walter Micallef, preżenza regolari waqt Lejliet bħal dawn. Fl-aħħar tas-serata Sammut irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għal-Lejla u anki lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti u l-President tagħha, is-Sur Joe Bartolo, għall-kooperazzjoni li dejjem urew mal-Għ.P.M. Wara l-qari tal-poeżiji, dawk preżenti kienu mistednin għal bibita bejn il-ħbieb.
Friday, March 30, 2012
L-Għaqda Poeti Maltin fl-Iskola ta' Ħal Safi
Din is-sena qegħdin niċċelebraw għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Patri Anastasju Cuschieri, O.Carm. L-Għaqda Poeti Maltin ġa kkommemorat lil dan il-Poeta fir-rivista VERSI.
It-tfal u l-għalliema ta’ l-iSkola Primarja ta’ Ħal Safi, Kulleġġ San Benedittu, imbarkaw fuq proġett biex dan il-Poeta jkun magħruf aktar.
Talbu wkoll l-għajnuna tal-Għaqda Poeti Maltin fl-organizzazzjoni ta’ special assembly, li għaliha attendew l-istaff u l-istudenti kollha ta’ l-iskola. Kienu mistednin ukoll il-ġenituri. Din l-assemblea saret fil-15 ta’ Marzu 2012, fis-sala kbira u sabiħa ta’ l-iSkola, li hi wkoll għall-użu tal-komunità.
Fetaħ il-laqgħa l-President tal-Għaqda Poeti Maltin, Charles Magro, li tkellem ftit fuq l-Għaqda Poeti Maltin, u mbagħad inkwadra lil Patri Anastasju Cuschieri fil-komunità tal-Patrijiet Karmelitani, li hi l-ħajja li għażel li jgħix minħabba d-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna; devozzjoni li wasslitu biex jibqa’ magħruf bħala “Il-Poeta tal-Madonna”. Inkwadrah ukoll bħala bniedem politiku fi żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa, biex ippreżentah bħala ħabib kbir ta’ l-Ilsien Malti, u ta’ dak kollu li hu Malti.
L-istduenti ta’ l-iSkola ddrammatizzaw xi poeżiji ta’ Patri Cuschieri. Is-Segretarju tal-Għ.P.M., Salv. Sammut, qara biografija qasira tal-Poeta. Charles Mifsud, Assistent Segretarju tal-Għ.P.M., qara studju qasir, miktub minn Patrick Sammur, Viċi President tal-Għ.P.M., li ttratta lill-Poeta mill-ħidma tiegħu għall-Ilsien Malti. Bernardette Mercieca, Assistent Kap ta’ l-iSkola qrat studju qasir li għamlet fuq waħda mill-poeżiji ta’ Cushieri li dari konna naqraw fil-kotba tal-Malti li kellna aħna meta konna għadna mmorru l-iskola primarja.
Il-Kap ta’ liSkola, Maria Montebello, għalqet il-laqgħa billi rringrazzjat lil kulmin ħa sehem, spjegat fuq fuq il-proġett ta’ l-iSkola, u qalet li l-iSkola li tmexxi mhux se tieqaf taħdem biex dak kollu li hu Malti mhux biss ma jintilifx, iżda tikber l-importanza tiegħu f’qalb il-poplu Malti kollu.
Thursday, March 1, 2012
Peter Caruana
B'soghba ngħarrfukom li miet Peter Caruana, membru onorarju tal-GħPM. Funeral għada il-Ġimgħa 2 ta' Marzu, knisja ta' Ħal Tarxien 4.15pm.
Wednesday, February 1, 2012
Laqgħa Ġenerali tal-Għ.P.M.
Nhar is-Sibt, 28 ta' Jannar 2012, l-Għaqda Poeti Maltin għamlet il-Laqgħa Ġenerali tagħha ta' kull tliet snin. Din saret fis-sala ewlenija tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kemmerċ, il-Belt Valletta.
Wara l-qari tar-Rapporti tas-soltu: Minuti, Amministrattiv u Finanzjarju sar id-Diskors tal-President. Alfred Massa qal li jħossu kburi li ra lill-Għaqda titwieled u li kellu sehem attiv fit-twelid tagħha. Imbagħad ta rendikont tax-xogħol li l-Għ.P.M. wettqet tul is-snin. Huwa sellem lill-Kumitati preċedenti li tant ħadmu fil-passat biex illum l-Għaqda tgawdi l-istima ta' dawk li verament għandhom għal qalbhom il-poeżija Maltija. Imbagħad Massa ħabbar li hu ma kienx ser jerġa' joħroġ għall-kariga ta' President minħabba raġunijiet ta' saħħa u għax jemmen li tkun ħaġa tajba li kultant snin kull Għaqda jkollha demm ġdid fit-tmexxija tagħha.
Wara saret l-elezzjoni għall-Kumitat il-ġdid għas-snin 2012/2014. Charles Magro nħatar President, Salv Sammut inħatar Segretarju, filwaqt li Doris Chircop kienet konfermata Teżoriera.
Il-membri l-oħra tal-Kumitat huma Dr. Joseph Axiaq, Patrick Sammut, Charles Mifsud u Omar Seguna. Bħala reviżuri nħatru Alfred Palma u Anthony Farrugia.
Fi tmiem il-Laqgħa Charles Magro wiegħed lill-membri preżenti li se jkompli jibni l-Għaqda fuq dak li sab. Huwa appella għall-koperazzjoni tal-imseħbin kollha għax l-Għaqda mhix tal-Kumitat biss, imma tal-membri kollha kemm huma.
Friday, January 20, 2012
LAQGĦA ĠENERALI TA' KULL TLIET SNIN
L-Għaqda Poeti Maltin tfakkar lill-Membri kollha (wara ċ-Ċirkolari li suppost irċevew) li l-Laqgħa Ġenerali ta' kull tliet snin se ssir nhar is-Sibt, 28 ta' Jannar 2012. Il-ħin ikun fid-9.30 am u l-post is-sala ewlenija tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Ta' min ifakkar li jistgħu jivvutaw biex jinħatar il-Kumitat għas-snin 2012/2014 dawk il-membri biss li jkunu regolari fil-ħlas tal-miżata. Min għadu lura fil-miżata jkun jista' jirranġa mat-Teżoriera dakinhar stess. Il-membri huma mħeġġin biex jattendu.
Sunday, December 18, 2011
L-Għ.P.M. TFAKKAR LIL ĠUŻE' AQUILINA

L-Għaqda Poeti Maltin temmet l-attivitajiet tagħha għas-sena 2011 b'Lejla ta' Poeżija ad unur il-Prof. Ġuże' Aquilina f'għeluq iċ-ċentinarju ta' twelidu. Din saret nhar is-Sibt, 17 ta' Diċembru, fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara u tmexxiet minn Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.
F'Kelmtejn fil-qosor fil-bidu tal-Lejla, il-president Alfred Massa qal li l-2011 kienet waħda importanti għall-Għ.P.M. u għal kulmin iħobb il-poeżija Maltija. Matulha tfakkar il-50 anniversarju tal-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali. Tfakkru wkoll iċ-ċentinarji tat-twelid tan-Nutar V.M. Pellegrini u tal-Prof. Ġuże' Aquilina. Dawn it-tlieta kellhom rabta speċjali mal-Għ.P.M. Dun Karm għax poġġa l-poeżija tagħna fuq pedamenti sodi filwaqt li Pellegrini u Aquilina kienu Membri Onorarji ad vitam tal-Għaqda u ngħataw ukoll mill-istess Għaqda il-Premio Citta' di Valletta' premju prestiġjuż organizzat mill-Għ.P.M. ma' żewġ Assoċjazzjonijiet Taljani u li dejjem sar taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika.
Massa temm billi kkwota kliem il-Mons. Prof. Karm Sant dwar il-Profs. Aquilina: Isem Ġ. Aquilina hu punt ta' riferiment ewlieni fil-ġrajja kulturali kollha ta' Malta, u hu monument fl-istorja partikolari tal-Malti. (Leħen il-Malti, 1977).
Wara inqraw diversi xogħlijiet tal-Prof. Aqulina minn dawk preżenti. Inqraw ukoll kitbiet dwaru minn Therese Pace, Peter A. Caruana u Marlene Saliba Toledo.
Fi tmiem il-Lejla, il-President Alfred Massa ta Diploma u Medalja tal-Għ.P.M. lill-poetessa Therese Pace bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħha fi ħdan l-Għaqda.
Il-parti mużikali kienet afdata f'idejn il-kant-awtur Walter Micallef.
Monday, December 5, 2011
LEJLA TA’ PREMJAZZJONI - Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija 2011

Il-Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija organizzat mill-G]aqda Poeti Maltin [ie fi tmiemu waqt Lejla ta’ Premjazzjoni li saret il-Ħamis, 1 ta’ Diċembru 2011, fis-sala tas-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, il-Belt. Din tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro.
F’diskors fil-bidu taċ-ċerimonja l-President tal-Għaqda, Alfred Massa qal li sa mit-twaqqif tagħha fl-1975, l-Għ.P.M. mill-ewwel ħasbet biex tibda torganizza diversi attivitajiet ħalli tqajjem kuxjenza pubblika favor il-poeżija f’pajjiżna. Fost dawn l-attivitajiet kien hemm il-Konkors ta’ Poeżija li kellu jibda jsir kull sena. U hekk sar u hekk nittama li jibqa’ jsir. Għax dan il-Konkors qed jgħin lil ħafna poeżiji li jkunu ilhom is-snin maqfulin fil-kxaxen tal-individwi li jkunu nisġuhom.
Kull sena dan il-Konkors ġibed lejh numru konsiderevoli ta’ parteċipanti kemm poeti stabbiliti kif ukoll oħrajn prinċipjanti. L-aktar meta dan infetaħ għall-poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan; bl-enfasi, naturalment, dejjem tkun fuq il-Malti. Imbagħad il-kelliem irringrazzja lil kulmin ħa sehem fl-organizzazzjoni tal-Konkors u feraħ lill-parteċipanti kollha, rebbieħa u mhumiex.
Wara l-Ġurija qrat ir-Rapport tagħha. Intqal li fuq nota ġenerali l-konkors kien wieħed ta’ livell tajjeb ħafna. Saru wkoll suġġerimenti lil dawk li għadhom tarjin fin-nisġa tal-versi biex jaqraw aktar poeżiji kemm ta’ poeti Maltin kif ukoll ta’ poeti barranin.
Imbagħad inqraw il-poeżiji rebbieħa u tqassmu l-Premjijiet mill-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa. Ir-riżultat kien dan li ġej:
TAQSIMA MALTI:
1. Flaxbekk ta’ Stefano Farrugia (rebbieħ ukoll tal-Premju Buontempo);
2. Lil R ta’ Keith Azzopardi;
3. Meta l-Aħħar Xemgħa ta’ Jane Micallef.
TAQSIMA INGLIŻ:
1. The Physician ta’ Kristina Miggiani;
2. Those few moments in time ta’ Raymond Grech.
TAQSIMA TALJAN:
1. Sotto il legno crocifisso nella mia stanza ta’ Mario Attard;
2. Da capo ta’ Christine Farrugia.
Issemmew b'ġieħ poeżiji mit-tliet taqsimiet, din id-darba ta' Therese Pace, Robert Zammit, Therese Vella, Stefano Farrugia, Kevin Tanti, Keith Azzopardi u Robert Gatt.
Monday, November 21, 2011
Serata f'Ġieħ il-Prof. Ġuże' Aquilina
L-Għaqda Poeti Maltin ser torganizza Serata f'Ġieħ il-Prof. Ġuże' Aquilina (ex Membru Onararju ad vitam ) f'għeluq il-100 sena ta' twelidu, nhar is-Sibt, 17 ta' Diċembru 2011 fis-Sala tal-Kunsill Lokali, B'Kara. Il-ħin: 6.30 pm. Kulħadd mistieden biex jattendi.
Serata ta' Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija
L-Għaqda Poeti Maltin tħabbar li s-Serata ta' Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2011 se ssir nhar il-Ħamis, 1 ta' Diċembru 2011 fis-Sala tas-Soċjeta', Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, Valletta. Ħin: 6.30 pm. Il-parteċipanti kollha huma mistiedna biex jattendu.
Sunday, October 16, 2011
L-Għ.P.M. tfakkar lil Dun Karm
Quddiem udjenza sabiħa ferm fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Serata biex tfakkar il-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali tagħna.
F'diskors qasir il-President, Alfred Massa qal li jekk l-Għ.P.M. fl-imgħoddi fakkret diversi poeti lokali kemm kien xieraq tfakkar lil Dun Karm. Massa ssokta jgħid li lil dan il-poeta kbir tagħna tawh diversi titli, fosthom dawk ta' Poeta Nazzjonali, Poeta tal-Protesta u Poeta tat-Tama. Hu kkwota lill-Prof. Ġuże' Aquilina li f'artiklu fil-ħarġa speċjali tar-rivista Il-Malti (1986) kiteb illi biex wieħed jifhem tajjeb lil Dun Karm irid jifhem iż-żmien li għex fih. Fl-aħħarnett, il-kelliem irrefera wkoll għal kliem ta' Ġuże' Chetcuti, li Dun karm għadu u jibqa' magħna minħabba l-wirt kbir li ħallielna.
Fis-Serata nqraw kemm poeżiji ta' Dun Karm, oħrajn miktubin dedikati lilu, u xogħlijiet kritiċi dwar temi mill-versi dunkarmjani. Instemgħu wkoll xi Innijiet b'arranġament ta' Mro Joe Vella kantati mill-Kor Għawdxi Laudate Pueri.
Is-Serata tmexxiet mis-Segretarju tal-Għ.P.M., Charles Magro.
Lejla f'Ħal Tarxien

Il-Ġimgħa, 14 ta' Ottubru 2011, l-Għaqda Poeti Maltin ħadet sehem f'Lejla Kulturali quddiem il-knisja parrokkjali ta' Ħal Tarxien. Din kienet parti minn manifestazzjoni mqassma fuq tlett ijiem bl-isem Puniċi organizzata mill-Kunsill Lokali tal-post.
Barra kant minn kantanti stabbiliti, il-poeti preżenti qraw xogħlijiethom. It-temi kienu marbutin mar-raħal ta' Ħal Tarxien, mal-Lunzjata u mal-Istorja ta' Malta inġenerali.
F'diskors qasir fil-bidu tas-Serata, li tmexxiet b'mod eċċellenti minn Dr Joseph Axiaq, Ass. Segretarju tal-Għ.P.M., il-President Alfred Massa tkellem dwar l-importanza tal-Istorja għax minnha nistgħu nitgħallmu nibnu l-preżent aħjar u jfasslu ġejjieni xieraq għal uliedna. Massa faħħar lill-organizzaturi talli fil-programm inkludew rokna dedikata lill-Dun Karm Psaila f'għeluq il-50 sena minn mewtu.
Fil-fatt aktar tard inqraw bijografija tal-Poeta Nazzjonali u Innu li Dun Karm kiteb fl-1936 biex jitkanta fil-purċissjoni titulari tal-lokal.
Is-Sindku, il-Kav. Paul Farrugia fi tmiem is-Serata rringrazzja lil kulmin ta sehmu fis-Serata.
Thursday, October 6, 2011
Żewġ Serati mill-Għ.P.M.
Il-Ġimgħa, 14 ta' Ottubru 2011 fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta' Ħal Tarxien fis-7.00 pm fliem mal-Kunsill Lokali. Serata Klassika imżewqa bil-kant u l-mużika. Min jiġi jġib poeżija miegħu. Kulħadd mistieden.
Is-Sibt, 15 ta' Ottubru 2011 fis-6.30 pm filPaslazz tal-Markiż, il-Mosta. Serata Poe-Mużikali f'tifkira tal-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. Min jiġi jġib miegħu poeżija/proża konnessa ma' Dun karm. Ser nisimgħu jindaqqu Innijiet miktubin minn Dun Karm. Kulħadd mistieden.
Is-Sibt, 15 ta' Ottubru 2011 fis-6.30 pm filPaslazz tal-Markiż, il-Mosta. Serata Poe-Mużikali f'tifkira tal-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm, il-Poeta Nazzjonali. Min jiġi jġib miegħu poeżija/proża konnessa ma' Dun karm. Ser nisimgħu jindaqqu Innijiet miktubin minn Dun Karm. Kulħadd mistieden.
Subscribe to:
Posts (Atom)
