Pages

Saturday, October 23, 2010

SERATA FL-ISTITUT KULTURALI TALJAN



Il-Ġimgħa, 22 ta' Ottubru 2010, l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna tieħu sehem f'Serata bħala parti mis-Settimana della Lingua Italiana nel Mondo. Is-Serata saret fl-Istitut Kulturali Taljan, il-Belt. Ħadu sehem diversi membri tal-Għaqda li qraw poeżiji bit-Taljan waqt li kien hemm min qara wkoll versi ta' Poeti Maltin li kitbu bit-Taljan, bħal Dun Karm Psaila. Inqraw anki poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż b'rabta mal-Italja.

Saru interventi mużikali mill-mezzo sopran Miriam Camilleri li kantat erba' kanzunetti; tnejn bit-Taljan u tnejn bl-Ingliż li ntlaqgħu tajjeb ħafna minn dawk preżenti.

Id-Direttur tal-Istito di Cultura Italiano, Dott. Bruno Busetti f'diskors qasir lejn tmiem is-Serata, irringrazzja lill-Għ.P.M. għas-sehem tagħha. Huwa qal li kienet Serata adattata ferm bħala għeluq ta' ġimgħa sħiħa ta' attivitajiet dwar l-Ilsien Taljan fid-dinja. Dott. Busetti awgura li Serati simli jissuktaw isiru fil-futur.

Ippreżenta s-Serata Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.

Thursday, September 16, 2010

Tislima xierqa lil Patri Wistin Born OP


Nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Settembru 2010, l-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin organizzaw Serata f’Ġieħ Patri Wistin Born OP f’għeluq il-100 sena minn twelidu. Din is-Serata li kienet taħt il-patroċinju tal-E.T. Mons. Pawl Cremona OP, Arċisqof ta’ Malta saret fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-Belt Valletta. L-attendenza kienet waħda tajba ħafna.

Inqraw diversi xogħlijiet ta’ Patri Born filwaqt li Marilyn Borg qrat studju dwar Il-Klassi Soċjali fir-Rumanzi ta’ Wistin Born. Il-parti mużikali kienet f’idejn il-4th System Clarinet Quartet.

Saru tliet diskorsi. Alfred Massa, President tal-Għaqda Poeti Maltin tkellem dwar it-tifkiriet li għandu ta’ dan l-awtur, Carmel Azzopardi, President tal-Akkademja tal-Malti, insista dwar l-importanza li l-Għaqda tal-Malti jaħdmu aktar flimkien u Patri Frans Micallef, Vigarju tal-Ordni Dumnikana f’pajjiżna feraħ liż-żewġ għaqdiet talli qegħdin ifakkru awtur li bil-pinna tiegħu tant għamel ġid lis-soċjetaÏ Maltija.

Mons. Arċisqof sostna li għalkemm Patri Wistin Born ta sehem kbir fil-letteratura u fix-xandir, l-akbar mertu tiegħu hu li dejjem ta importanza lill-bniedem bħala persuna. Għalhekk, kienet ħaġa xierqa li ż-żewġ għaqdiet fakkru l-100 sena ta’ twelidu. Mons. Cremona fisser li Patri Born barra l-pinna tajba li kellu kien anki predikatur mill-aħjar u b’hekk żamm ħaj il-motto dumnikan li jwassal il-Kelma t’Alla lill-oħrajn.

Il-preżentur tas-Serata kien Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M. Fi tmiem is-Serata sar trattament għal dawk preżenti.

Saturday, September 4, 2010

L-Għ.P.M. taħtar lil Lina Brockdorff

bħala Membru Onorarju


Nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Settembru, 2010, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fejn ħatret lill-kittieba, poetessa u membru tagħha bħala Membru Onorarju ad vitam. Il-post magħżul kienet is-Sala tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fil-Belt Valletta, l-istess sala fejn fl-1986 l-Għ.P.M. ħatret l-ewwel grupp ta’ Membri Onorarji, li kienu Karmenu Vassallo, George Zammit, Ġużè Chetcuti, Ġużè Aquilina, Ġorġ Pisani, Wallace Gulia u patri Wistin Born.
Is-serata tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro, filwaqt li l-kantawtur Vince Fabri pprovda siltiet mużikali divertenti u mill-isbaħ. Il-Viċi President, Patrick Sammut, fl-assenza tal-President, Alfred Massa, għamel diskors qasir tal-ftuħ u sostna li l-Għaqda dejjem ippromwoviet il-poeżija, anki billi onorat lill-poeti. Bil-ħatra ta’ Lina Brockdorff bħala Membru Onorarju l-Għ.P.M. onorat lil membru li ta kontribut qawwi lill-qasam letterarju lokali, imma tat spinta biex il-kittieba nisa joħorġu aktar għad-dawl u kitbiethom jiġu apprezzati aktar mill-pubblikaturi u mill-qarrejja.
L-attendenza kienet tajba ħafna u kien hemm aktar minn okkażjoni waħda biex il-membri preżenti u persuni oħra li attendew setgħu jaqraw il-poeżiji tagħhom bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. It-temi u l-istili kienu mill-aktar varjati u interessanti.
Il-parti ċentrali tas-serata kienet iddedikata lil Lina Brockdorff li ġiet intervistata minn Patrick Sammut dwar l-attività letterarja tagħha. Dan wara li t-Tezoriera, Doris Chircop, qrat bijografija qasira. Wara kien hemm ħin biex Lina Brockdorff taqra xi poeżiji minn tagħha. Inqrat ukoll poeżija ddedikata lilha minn Anthony Farrugia, u miktuba minn Alfred Palma. Fl-aħħar, Brockdorff ingħatat id-Diploma tal-Ħatra bħala Membru Onorarju u medalja kommemorattiva ta’ meta l-Għ.P.M. għalqet għaxar snin mit-twaqqif tagħha. L-istess medalja ngħatat lil Vince Fabri bħala apprezzament tal-kontribut mużikali tiegħu waqt il-lejla ta’ poeżija.

Wednesday, August 25, 2010

Il-Kelma Tal-President - Word From The President - Settembru 2010

Mhux l-ewwel darba li kkummentajt dwar l-importanza li l-Għaqda tagħna tagħti lill-kuntatti li għandha ma' għaqdiet tal-poeżija barranin.

Ilna s-snin li sseħibna fil-World Congress of Poets u dan l-aħħar ngħaqadna fil-World Academy of Arts and Culture. Għandna kuntatti regolari wkoll maċ-Circolo Culturale Filatelico Morbegnese u mal-Movimiento Poetas del Mundo.
Dawn il-kuntatti mhux biss jagħtu lill-Għ.P.M. għarfien internazzjonali, imma jgħinuha ssir taf xi jkun għaddej fil-qasam poetiku f'diversi nħawi tad-dinja.

Mhux unur għall-Għaqda tagħna li tiġi mistiedna mis-Segretarju Ġenerali tal-W.C.P., Dr Germain Droogenbroodt, biex torganizza f'pajjiżna l-edizzjoni li jmiss (il-31 edizzjoni) ta' dan il-Kungress Internazzjonali flimkien mal-Ministeru tal-Kultura lokali? Idea li qed tkun studjata mill-Kumitat.

Din hija l-Għaqda tagħna. L-Għaqda li għażilna nkunu membri tagħha.

ALFRED MASSA

Monday, August 16, 2010

Il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria jilqa' lill-Poeta Malti Emmanual Attard Cassar





Nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju 2010 il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria, fl-Awstralja, tella’ laqgħa mużiko-letterarja fejn għaliha kien mistieden Dr. Emmanuel Attard Cassar li hu s-Segretarju Internazzjonali tal-Għaqda Poeti Maltin. Attard Cassar kien fuq btala l-Awstralja mal-familja tiegħu biex iżur xi qraba. Il-laqgħa saret fis-Sala taċ-Ċentru Malti ta’ Parkville ġewwa Melbourne.

Għal-laqgħa li bdiet fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar u damet sa xi l-erbgħa attendew madwar ħamsin persuna. Kienu preżenti wkoll il-Konslu Ġenerali ta’ Malta fil-Victoria, is-Sur Charles Mifsud, flimkien mas-Sinjura tiegħu, Anna Maria, Dr Victor Sammut, President tal-Grupp Letteratura Maltija, u s-Sur Gejtu Deguara, Viċi-President tal-Kunsill Malti tal-Victoria flimkien mas-Sinjura tiegħu Mary. Paul Vella, PRO tal-GLM, flimkien ma’ Ray Anastasi, Teżorier, mexxew il-programm. Paul Vella kien ukoll l-organizzatur tal-laqgħa.

E. Attard Cassar qara żewġ poeżiji tiegħu li huma “Ma Bkejtx” u “F’Kull Silenzju” kif ukoll dawn il-poeżiji: “Malta Titkellem” ta’ Dr. Joseph Axiaq, “Għaliex Int u Le Jiena” ta’ Mary Doris Chircop, “Tgħid Għalija..?” ta’ Miriam Ellul, “Malta fl-Ewropa” ta’ Charles Magro, “Milied 2003” ta’ Alfred Massa” u “Abbissi” ta’ Patrick Sammut. Dawn l-awturi huma kollha membri tal-Għaqda Poeti Maltin. Emmanuel qara wkoll traduzzjoni tiegħu tal-poeżija “Malta” miktuba minn Paola Mara De Maestri. Kittieba mill-GLM ukoll qraw xogħlijiet tagħhom. Dawn kienu Dr Victor Sammut, Ray Anastasi, Marie Louise Anastasi, Paul Vella, Joe Camilleri, Dr Lou Drovenik, Michael Xuereb, Maria Catania, Laurie Armato, Rosemary Attard, Fredu Cachia u Manwel Cassar. Il-Konslu, is-Sur Charles Mifsud, qara poeżiji ta’ Rużar Briffa u Trevor Żahra.

L-attività kienet imżewqa bid-daqq fuq il-mandolina minn Laurie Armato kif ukoll b’xi kanzunetti Maltin. Armato, iben missier Sqalli u omm Maltija, ilu jgħix ġewwa l-Awstralja aktar minn erbgħin sena.

Minbarra l-qari ta’ xogħlijiet letterarji kien hemm diskorsi minn Dr Victor Sammut, li spjega l-għan tal-GLM, mis-Sur Charles Charles Mifsud, li tkellem dwar l-impatt tal-poezija f’żoghżitu, u Emmanuel Attard Cassar li tkellem dwar l-istorja tal-GħPM.

Lejn l-aħħar tal-laqgħa l-President tal-GLM, ippreżenta numru ta’ kotba u recordings fuq CDs lil E. Attard Cassar. Dan il-materjal kien jinkludi antoloġiji ta’ poeti Maltin Awstraljani, CD b’poeżiji minn Laurie Armato u recording tal-Lejla Mużiko-Letterarja li nżammet fiċ-Ċentru Malti f’Settembru li għadda, xogħol ta’ Paul Vella. F’isem l-GħPM imbagħad Attard Cassar ippreżenta kotba kif ukoll midalja li l-GħPM ħarġet f’għeluq l-għaxar snin mit-twaqqif tagħha lil Dr Victor Sammut, President tal-GLM. Il-kotba li ġew ippreżentati kienu antoloġiji tal-GħPM kif ukoll pubblikazzjonijiet ta’ dawn il-membri tal-GħPM: Alfred Massa, Charles Magro, Patrick Sammut u Paul Saliba. Ingħataw ukoll kotba ta’ Dr Mons Amante Buontempo (1920-2004), fundatur tal-GħPM.

Fl-aħħar tal-laqgħa ġew servuti rinfreskanti u ikel lil dawk preżenti. Ringrazzjament dovut imur ukoll għall-membri tal-GLM li ppreparaw u servew l-ikel u x-xorb. Grazzi jmur lil dawk li għenu b’xi mod jew ieħor biex din is-serata tkun suċċess, speċjalment lil Laurie Amato, is-Sur Gejtu Deguara u lill-Kunsill Malti tal-Victoria li pprovdew is-sala, kif ukoll lil Salvina Vella u Sam u Yvonne Caruana, li ħadu ħsieb jippreparaw l-ikel għal wara.

Saturday, August 14, 2010

LEJLA TA' POEŻIJA U MUŻIKA F'ĦAL TARXIEN



L-Għaqda Poeti Maltin u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien nhar il-Ġimgħa 13 ta' Awwissu 2010 organizzaw Lejla ta' Poeżija u Mużika fil-bitħa tad-Dar tal-Kejka f'Ħal Tarxien. L-attendenza kienet tajba ħafna. Ippreżenta Dr Joseph Axiaq, Ass. Segretarju tal-Għ.P.M.
Inqraw numru ta' poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż. Patrick Sammut, Viċi President tal-Għaqda intervista lil Peter A. Caruana, kittieb u poeta Tarxiniż u Membru Onorarju tal-Għ.P.M., filwaqt li Walter Micallef kellu f'idejh il-parti mużikali. Micallef kanta ħames għanjiet folkoloristi akkompanjat fuq il-kitarra.
Saru diskorsi kemm minn Alfred Massa, President tal-Għ.P.M. kif ukoll mill-Kav. Paul Farrugia, Sindku ta' Ħal Tarxien. Massa rrefera għas-sehem li Ħal Tarxien ta lill-arti Maltija, speċjalment lil-letteratura u semma awturi bħal Ġuże' Aquilina, Kilin, Ġuże' Chetcuti, Ninu Cremona, Ġuże' Cassar Pullicino, E.B. Vella, Mons. Prof. Carmelo Santa, Mons. Ġużeppi Schembri u Rafel Bonnici Cali' li kollha kellhom xi tiop ta' rabta ma' dan ir-raħal. Farrugia esprima l-intenzjoni tal-Kunsill li jibqa' jagħti importanza lill-attivitajiet bħal dawn.
Il-Lejla nfetħet b'minuta silenzju kemm minħabba l-mewt tal-President Emeritus, il-Prof. Guido DeMarco, kif ukoll minħabba l-vittmi Mostin li ftit qabel mietu fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar u ntemmet bil-kanta tal-Ave Maria mill-mezzo sopran, Miriam Camilleri.
Wara saret bibita għal dawk preżenti.

Wednesday, August 11, 2010

ĦATRA TA' MEMBRU ONORARJU

L-Għaqda Poeti Maltin ser taħtar uffiċjalment lil Lina Brockdorff bħala l-ewwel Membru Onorarju femminili tagħha. Iċ-Ċerimonja tal-ħatra se ssir nhar il-Ġimgħa, 3 ta' Settembru 2010 fis-Sala tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, Valletta. Il-ħin ikun fis-7.00 pm. Il-membri huma mħeġġin biex jattendu mal-familjari jew ma' ħbiebhom u jġibu magħhom xi poeżija biex jaqrawha waqt is-Serata.

Monday, July 26, 2010

Lejla ta' Poeżija

Lejla ta' Poeżija u mużika nhar il-Ġimgħa 13 ta' Awwissu 2010, fis-7.00pm fuq stedina tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien. Post: Id-Dar tal-Kejka,Triq Xintill, Ħal Tarxien. Lejla ta' Tifkira ta' Patri Wistin Born OP organizzata bejn l-Għ.P.M. u l-Akkademja tal-Malti. Dettalji aktar 'il quddiem.

Friday, July 23, 2010

KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2010

REGOLAMENTI

1. Kull poeżija tista’ tkun f’kull forma, ma tridx tkun itwal minn tletin (30) vers u trid tkun oriġinali u qatt imxandra jew ippubblikata qabel.
Tista’ tkun bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan.
2. Kull poeżija trid tkun ittajpjata fi tliet (3) kopji bi spazju doppju.
3. Il-Konkors hu miftuħ għal kulħadd, mhux għall-Membri tal-Għ.P.M. biss. Iżda l-Membri tal-Kumitat tal-Għ.P.M. ma jistg]ux jie]du sehem.
4. Kull konkorrent jista’ jibgħat sa tliet (3) poeżiji.
5. Kull poeżija għandha tidher taħt psewdonimu. Isem il-poeżija, l-isem u l-indirizz tal-konkorrent flimkien mal-psewdonimu addottat,
għandhom ikunu f’envelop issiġillat, li għandu jkun mehmuż mal-poeżiji.
6. Jingħataw tliet (3) premjijiet lill-ewwel tliet (3) poeżiji rebbieħa bil-Malti. Ir-rebbieħ ta’ l-ewwel premju jingħata wkoll il-Premju Mons.
Buontempo. Jingħataw żewġ (2) premjijiet oħra għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bl-Ingliż u żewġ (2) premjijiet għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bit
-Taljan.
7. L-Għaqda Poeti Maltin iżżomm il-jedd li tippubblika bla ħlas (għallinqas darba) il-poeżiji li jidħlu għall-Konkors.
8. Il-poeżiji li jitressqu għall-Konkors ma jingħatawx lura.
9. Ħadd ma jkollu jedd għal aktar minn premju wieħed, iżda jista’ jissemma b’ġieħ għal aktar minn poeżija waħda.
10. Il-Ġurija titħabbar mar-riżultat u d-deċiżjoni tagħha tkun finali.
11. Kull konkorrent irid jibgħat €6 jekk mhux membru tal-Għ.P.M. Jekk hu membru jibgħat €4 Ewro, basta jkun regolari fil-ħlas tas-Sħubija
(2010). Dan għandu jsir immaterjalment minn jekk il-konkorrent jiħux sehem b’poezija waħda, tnejn jew tlieta. Il-ħlas għandu jsir b’ċekk,
jew money order, indirizzat lis-Sur C. Magro, u inkluż mal-poeżiji u l-envelop issiġillat bid-dettalji ta’ min jieħu sehem. Ħlas f’bolol ma
jiġix aċċettat.
12. Il-poeżiji u l-ħlas iridu jaslu għand is-Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Charles Magro, “Darna”, 42, Triq is-Sur, Fgura, FGR
1249,sat-31 t’Awissu 2010.
13. Lista tax-xogħlijiet li jkunu waslu għand is-Segretarju tidher fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda www.ghpm.netfirms.com wara d-data
tal-għeluq.
14. Id-data taċ-ċerimonja tal-Premjazzjoni titħabbar aktar tard.
15. Min jonqos f’xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jiġi mal-ewwel skwalifikat.

Monday, July 5, 2010

l-Għ.P.M. u Il-Maltese Literature Group inc.

Ir-rivista Maltese Literature Group inc. (Grupp Letteratura Maltija Ink.) tat prominenza liż-żjara li qed jagħmel fl-Awstralja is-Segretarju Internazzjonali tal-Għ.P.M., Dr Emmanuel Attard Cassar fil-ħarġa tagħha ta' Lulju 2910 (nru 171). Ingħata prominenza lill-Messaġġ li bagħat lill-Grupp il-President tal-Għaqda, Alfred Massa; messaġġ li nstema' u ntwera waqt Lejla Mużiko-Letterarja li saret fiċ-Ċentru Malti, Parkville fil-11 ta' Lulju 2010. Ir-rivista rreferiet ukoll għal-laqgħa li l-Għ.P.M. għamlet f'restorant fil-Belt ad unur tal-poeta membru tal-Grupp Awstraljan u tagħha, Manwel Cassar waqt żjara li għamel f'Malta mal-familja tiegħu. Ġie deċiż miż-żewġ Għaqdiet li tinżamm rabta bejniethom permezz ta' bdil ta' informazzjoni.

Thursday, June 10, 2010

Il-Kelma Tal-President - Word From The President - Ġunju 2010

Bir-raġun niftaħru li l-Għaqda għandha sit sabiħ u aġġornat għall-aħħar. Iżda peress li l-attivitajiet tagħna qegħdin dejjem jiżdiedu, inħasset il-ħtieġa li nintroduċu Blogg ġdid.
Il-ħasra hi li dan is-sit donnu aktar jiġbed lejh individwi li mhumiex membri tagħna, milli lill-membri nfushom. Xhieda ta' dan kien il-fatt li dawk li ma kinux ġabru l-volum tal-Antoloġija Malta Nuntempa Poezio qagħdu jistennew il-FOLJU preċedenti biex jagħmlu dan, meta l-avviż kien ilu jidher sewwa fis-sit.
Dan m'għandux ikun. Anzi, kieku l-membri jaraw is-sit regolarment niffrankaw ħafna spejjeż ta' pustaġġ.
La qed insemmi s-sit, naħseb li wasal iż-żmien biex dawk li għandhom versi fih jibagħtu oħrajn ġodda u min għadu ma bagħatx jikkuntattja lis-Sur Raymond Grech u dan jgħidlu x'għandu jagħmel.
Nawgura Sajf ta' mistrieħ lil kulħadd.

ALFRED MASSA

Monday, May 24, 2010

Patri Wistin Born OP imfakkar fil-Kalkara

Fuq stedina tal-kappillan tal-Kalkara Dun Anton Galea Scannura l-Għaqda Poeti Maltin kienet preżenti għaċ-ċerimonja ta' tifkira f'għeluq il-100 sena mit-twelid ta' Patri Wistin Born OP li saret bejn il-Kunsill Lokali u l-parroċċa tal-post. L-Għaqda laqgħet l-istedina u kienet rappreżentata peress li Patri Born kien Membru Onorarju tagħha.

Sunday, May 23, 2010

IKLA TA' TIFKIRA

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet biex l-Għaqda Poeti Maltin tfakkar il-35 sena mit-twaqqif tagħha, nhar is-Sibt 22 ta' Mejju 2010, il-Kumitat organizza ikla f'restorant ġewwa Buġibba li għaliha attendew numru konsiderevoli ta' membri.

The Maltese Poets Association celebrates its 35th Anniversary on Saturady 22nd May 2010, at a restaurant in Buġibba. Quite a number of poet members and their families attended.

Saturday, May 22, 2010

L-GĦAQDA POETI MALTIN FIL-FGURA


Bħala parti mill-"Ġimgħa Marjana" organizzata mill-Kummissjoni Kultura u Radju fi ħdan l-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu, Fgura, l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna biex tieħu sehem f'Sarata Kulturali Marjana ta' Poeżija u Mużika li saret fil-Każin tal-lokal nhar il-Ġimgħa, 21 ta' Mejju 2010.
Flimkien ma' numru ta' poeti li qraw poeżiji b'temi Marjani, ħadu sehem ukoll il-4th System Quartet u l-bandist Charles Ciantar. Patrick Sammut tkellem dwar Patri Anastasju Cuschieri OC, Il-Poeta tal-Madonna.
Alfred Massa f'diskors fil-bidu tas-Serata feraħ lill-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu f'għeluq il-25 sena mit-twaqqif tagħha. Imbagħad irrefera għall-artiklu dwar il-Poeżija ta' Don David M. Turoldo li deher f'rivista Marjana ta' Civitavecchia, ġewwa l-Italja. Dan is-saċerdot xebbah lill-poeti mal-antenni radjufoniċi u televiżivi għax bħalhom iwasslu messaġġi lill-umanita'. Hawn il-President tal-Għ.P.M. fisser li f'kull poeżija hemm messaġġ għalhekk tajjeb li nipprovaw niskopruh.
Fi tmiem is-Serata is-Sur A. Pezzuto, President tas-Soċjeta' ippreżenta tifkira lill-Għ.P.M.
Mexxa s-Serata Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M.

Tuesday, May 11, 2010

Raymond Grech (1953 - )

Raymond Grech twieled Tas-Sliema. Ħa l-edukażżjoni tiegħu St. Catherine High School, il-Kulleġġ Stellamaris u Sir Temi Żammit Sec. Tech. School. Ilu jikteb il-poeżiji mindu kien żgħir u jikteb kemm bill-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Beda d-dinja tax-xogħol mal-Forzi Armati ta’ Malta fil-kapaċita ta’ Technical Storeman i/c. Wara ħadem ma' diversi kumpaniji kummerċjali fil-kapaċitajiet ta’ Office Manager u Stores Executive.Għal dawn l-aħħar snin mexxa n-negożju tiegħu taħt it-titlu ta’ Raymond Grech Enterprises. Huwa wkoll għalliem tal-Kompjuter f’skejjel privati u jispeċjaliżża u jikkonsulta fil-Computerised Accounting u l-Business Administration.

Huwa membru attiv tal-Għaqda Poeti Maltin, tal-Għaqda Letterarja Maltija u tal-International Society of Poets. Huwa wkoll produttur u preżentatur ta' programmi letterarji radjufoniċi.

Fis-sena 2004 - Rebbieħ ta' l-ewwel premju tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija fit-taqsima tal-Malti, bil-Poeżija Paceville Insomnja.

Fis-sena 2005 - Rebbieħ ta' l-ewwel premju tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija fit-taqsima tal-Malti, bil-Poeżija Nostalġija.

Fis-sena 2006 Rebbieħ ta' l-ewwel premju tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija fit-taqsima tal-Ingliż, bil-Poeżija Fossils In My Sanctuary.

Fis-sena 2008 Rebbieħ ta' l-ewwel premju tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija fit-taqsima tal-Ingliż, bil-Poeżija Solitaire.

Fis-sena 2009 Rebbieħ ta' l-ewwel premju tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija fit-taqsima tal-Ingliż, bil-Poeżija Intelligent Design.

Ħuwa qed jippjana li joħroġ l-ewwel antoloġija tieghu.Il-Poeżiji ta’ Raymond Grech dehru f’għadd ta’ antoloġiji, rivisti letterarji, gazzetti u ġurnali Maltin u barranin, kif ukoll ġew imxandra fuq ir-radju.

Miżżewweġ bi tliet subien. Aktar detalji fuq il-blogg tiegħu http://raymondcgrech.blogspot.com.mt/


Raymond Grech was born in Sliema, Malta. Educated at St. Catherine High School, Stella Maris College and at Sir Temi Zammit Sec. Tech. School. Started writing poetry at an early age both in Maltese and English. Raymond's poems are published in various books, magazines, blogs, newspapers etc.; He is an active member of the Maltese Poets Association and the Maltese Literary Society. A producer and presenter of radio phonic literary programs. Award-winning poet - five times First-Prize winner in the Malta National Poetry Competition - 2004 ‘Paceville Insomnja’ in the Maltese category. 2005 ‘Nostalġija’ in the Maltese category. 2006 ‘Fossils in My Sanctuary’ in the English category. 2008 'Solitaire' in the English category. 2009 'Intelligent Design' in the English category. More details on his blog http://raymondcgrech.blogspot.com.mt/

Jien Ħamiema

Jien ħamiema ntir fl-għoli
immur 'l bogħod lil bogħod.
Is-sliem ħieles jien inħobb
avolja l-bur jirtogħod.

Għalxejn jisparaw fuqi
mid-dmija nsib fejqan.
Għalxejn jiġru warajja
il-bies u il-badan.

Għalxejn jonsbuni l-isqra
mil-wied minfuq l-gholjet.
Għalxejn jgħamluli ħofra
ħa naqá f'dlamijiet.

Għajjien bil-għatx mifluġi
jien narga' lura lejn id-dar;
għax hemm minn jistennieni
fid-dwiemi lejl u nħar.

Raymond Grech
5 ta' Ottubru 2008


Qam Għalina il-Grigal
(Nhar l-24 ta' Jannar 2008)

Rih l-irwiefen fuq iż-żwiemel
twaħħad qilla mas-sibien;
ħalli jqellu ġo l-imrasi
ħalli jifqgħu il-bibien.

Rikkieb il-ħallel dan ir-riħ
tqanqil l-ibħra w jaf jitbgħal;
bħal milgħuba jaf jiftaħar,
"Jiena huwa il-Grigal!"

Qaċċat ħbula qaleb dgħajjes
lewa slielem tal-ħadid,
faqa’ mħażen tas-sajjieda
Marsamxett kien taħt thedid

Sant'Jiermu libes l-elmu
u lesta l-azzarin,
għax ħarstu kiennet tbeżża
w għax kellu ħsieb ħażin.

Fort'Tini xedd kurazza
ħariġlu il-kanun,
għax rawgħtu ġiet bid-deni
w għax kellu xeħt miġnun.

Jilheġ laħaq il-Fortizza
Stgħaġbu l-għasses u l-gwardjan.
Tela' fl-għoli w niżel l-isfel
laħaq Torri San Ġiljan.

Il-bajja ż-żgħira daħal
hemm għamel xi ħerbiet
sa wasal sal-balluta
u tbadbad għal qaliet.

Met'ghada jerġa' jqellel
u jiġi bil-mirjieħ
ħalluħ imajna-jmewet
ħadd minna ma jmerieħ.

Raymond Grech
24 ta' Jannar 2008