Pages

Saturday, September 4, 2010

L-Għ.P.M. taħtar lil Lina Brockdorff

bħala Membru Onorarju


Nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Settembru, 2010, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fejn ħatret lill-kittieba, poetessa u membru tagħha bħala Membru Onorarju ad vitam. Il-post magħżul kienet is-Sala tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fil-Belt Valletta, l-istess sala fejn fl-1986 l-Għ.P.M. ħatret l-ewwel grupp ta’ Membri Onorarji, li kienu Karmenu Vassallo, George Zammit, Ġużè Chetcuti, Ġużè Aquilina, Ġorġ Pisani, Wallace Gulia u patri Wistin Born.
Is-serata tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro, filwaqt li l-kantawtur Vince Fabri pprovda siltiet mużikali divertenti u mill-isbaħ. Il-Viċi President, Patrick Sammut, fl-assenza tal-President, Alfred Massa, għamel diskors qasir tal-ftuħ u sostna li l-Għaqda dejjem ippromwoviet il-poeżija, anki billi onorat lill-poeti. Bil-ħatra ta’ Lina Brockdorff bħala Membru Onorarju l-Għ.P.M. onorat lil membru li ta kontribut qawwi lill-qasam letterarju lokali, imma tat spinta biex il-kittieba nisa joħorġu aktar għad-dawl u kitbiethom jiġu apprezzati aktar mill-pubblikaturi u mill-qarrejja.
L-attendenza kienet tajba ħafna u kien hemm aktar minn okkażjoni waħda biex il-membri preżenti u persuni oħra li attendew setgħu jaqraw il-poeżiji tagħhom bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. It-temi u l-istili kienu mill-aktar varjati u interessanti.
Il-parti ċentrali tas-serata kienet iddedikata lil Lina Brockdorff li ġiet intervistata minn Patrick Sammut dwar l-attività letterarja tagħha. Dan wara li t-Tezoriera, Doris Chircop, qrat bijografija qasira. Wara kien hemm ħin biex Lina Brockdorff taqra xi poeżiji minn tagħha. Inqrat ukoll poeżija ddedikata lilha minn Anthony Farrugia, u miktuba minn Alfred Palma. Fl-aħħar, Brockdorff ingħatat id-Diploma tal-Ħatra bħala Membru Onorarju u medalja kommemorattiva ta’ meta l-Għ.P.M. għalqet għaxar snin mit-twaqqif tagħha. L-istess medalja ngħatat lil Vince Fabri bħala apprezzament tal-kontribut mużikali tiegħu waqt il-lejla ta’ poeżija.

No comments:

Post a Comment