Pages

Saturday, March 26, 2011

Żewġ Poeti Taljani waqt Lejla ta’ Poeżija



Għal darb’oħra l-Għaqda Poeti Maltin, flimkien mal-Istitut Taljan tal-Kultura, tellgħet Lejla ta’ Poeżija, fejn kienu wkoll mistednin żewġ poeti mill-Italja ta’ Fuq. Dan seħħ nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu, 2011, fis-7pm. Alberto Figliolia, minn Milan, u Clirim Muca, oriġinarjament mill-Albanija imma jgħix Livorno, kienu mistednin biex jipparteċipaw waqt dis-serata fejn inqraw poeżiji bil-Malti u bit-Taljan mill-membri tal-Għaqda Poeti Maltin, u anki poeżiji bit-Taljan u xi wħud bl-Albaniż minn Figliolia u Muca.
Kienet serata mimlija sinerġija, fejn il-membri tal-Għaqda qraw il-parti l-kbira tal-poeżiji tagħhom bit-Taljan, anki biex jagħmluha aktar faċli lill-mistednin biex jifhmu. Figliolia u Muca, irringrazzjaw lil dawk li qraw talli għoġobhom jagħżlu poeżiji bit-Taljan, imma rringrazzjaw ukoll lil dawk li qraw poeżiji bil-Malti ladarba setgħu japprezzaw l-isbuħija ta’ lsienna, bir-ritmi u l-melodiji partikolari tiegħu.
Bħal bosta drabi l-kantawtur Walter Micallef żewwaq il-Lejla bil-mużika u l-kanzunetti impenjati tiegħu. Mexxa l-Lejla s-Segretarju, Charles Magro, filwaqt li l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Internazzjonali, Dr. Emmanuel Attard Cassar, fetaħ u mexxa l-parti ddedikata liż-żewġ mistednin. Figliolia huwa ġurnalist, filwaqt li Muca għandu dar tal-pubblikazzjoni tal-kotba, Albalibri. F’din il-parti Figliolia u Muca qraw numru sabiħ ta’ poeżiji minn tagħhom li ttrattaw suġġetti bħall-imħabba, il-mewt, il-familja u anki t-teknoloġija. Dawk preżenti setgħu jgawdu spettaklu mill-isbaħ fejn iż-żewġ poeti urew ukoll li l-poeżija hija wkoll divertiment, logħba bil-kliem, eżerċizzju li kapaċi jħallik b’ħalqek miftuħ u mibluh. Il-quċċata ta’ dan l-ispettaklu ntlaħqet meta ż-żewġ poeti flimkien qraw u fl-istess ħin iddrammatizzaw wieħed mix-xogħol tagħhom, b’Figliolia jdur u jgħanni vrusu fost dawk preżenti, filwaqt li Muca, bilqiegħda, jwieġbu, iservi ta’ eku, jgħid l-istess vrus imma b’ritmu jew ton differenti. Hawn wieħed jifhem li l-poeżija xi drabi għandha tiġi wkoll mgħajta.
Kienet Lejla ta’ Poeżija interessanti anki għax dawk li pparteċipaw kienu ta’ etajiet differenti, b’parteċipazzjoni femminili qawwija u anki poeti żgħażagħ. Huwa żgur li Lejliet u okkażjonijiet bħal dawn ħaqqhom udjenza ħafna ikbar, anki għax dawk preżenti jkunu jistgħu jgawdu minn esperjenza speċjali u mhux daqstant frekwenti.
Din mhix l-ewwel darba li l-Għaqda Poeti Maltin stiednet poeti barranin. Insemmu lil Stephen Morris mill-Ingilterra, u lil Paola Mara De Maestri mill-Italja.
Lejn l-aħħar tas-serata dawk preżenti setgħu jixtru xi pubblikazzjonijiet tal-poeti mistednin. Alberto Figliolia u Clirim Muca mbagħad ffirmaw il-kotba tagħhom. Okkażjonijiet bħal dawn huma ideali biex poeti lokali u dawk li jħobbu l-poeżija jiltaqgħu ma’ talenti barranin u jpartu ideat u esperjenzi.

Saturday, February 19, 2011

IL-KONKORS TAL-POEŻIJA GĦAT-TFAL 2010 JIĠI FI TMIEMU



Il-Konkors tal- Poeżija għat-Tfal 2010 ġie fi tmiemu f'Lejla ta' Premjazzjoni li saret fil-Foyer tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, il-Furjana, nhar il-Ġimgħa 11 ta' Frar 2011. Il-Lejla tmexxiet minn Dr Joseph Axiaq li flimkien ma' Dr Emmanuel Attard Cassar kienu jiffurmaw il-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin li ħadet ħsieb l-organizzazzjoni tal-Konkors.

Il-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa f'Kelmtejn tal-Okkażjoni wera l-importanza ta' dan il-Konkors meta wieħed iħares lejn il-ġejjieni tal-poeżija f'pajjiżna. Massa fisser kif it-tfal l-ewwel għandhom jiġu mħajra jersqu lejn il-poeżija billi wieħed jurihom is-sbuħija u s-siwi tagħha. Li l-poeżija mhix xi ħaġa marbuta mal-eżamijiet biss. Tkun ħaġa tajba jekk il-ġenituri jagħtu eżempju lil uliedhom billi huma wkoll jaqraw u jisimgħu xi poeżiji fil-kumpanija ta' wliedhom. Imbagħad it-tfal għandhom jitħallew fil-libertà jekk jitħajrux jiktbu xi versi, jużaw liema lingwa jridu. Imma jekk jitħajru jagħmlu dan tajjeb li dejjem ikunu ggwidati kemm mill-ġenituri kif ukoll mill-għalliema.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu Massa rringrazzja lill-Ġurija, lill-Kummissjoni u lid-Djar tal-Pubblikazzjoni Agius & Agius u Merlin Library, it-tnejn ta' Blata l-Bajda għar-rigali li offrew lir-rebbieħa.

Il-poetessa Therese Pace qrat ir-Rapport tal-Ġurija li tagħha kienet Chairman. Fir-Rapport issemmew xi nuqqasijiet li wettqu xi tfal, iżda ssemmew ukoll il-merti ta' bosta xogħlijiet, li b'kollox qabżu l-200. Ta' min jgħid li did-darba l-Konkors kien miftuħ biss għal studenti ta' bejn id-disgħa u l-ħdax-il sena.

Imbagħad it-tfal preżenti qraw il-versi rebbieħa tagħhom u rċevew Diplomi u Kotba mill-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa.

Ir-riżultat kien dan: 1. L-Ambjent Malti ta’ Josephine Vella; 2. What I Like ta’ Mark Delicata; 3. Il-Ferħ tal-Milied ta’ Kevin Cassar; 4. Talba lil Ġesù Bambin ta’ Jesmar Gauci; 5. The Poem ta’ Maria Galea; 6. Il-Milied ta’ Andrew Schembri; 7. It-Twissija t’Ommi ta’ Erica Dingli; 8. In-Nannu Karm ta’ James Francalanza; 9. L-Istudju ta’ Mariah Camilleri; 10. Il-Festa ta’ Nicole Farrugia. Issemmew b’ġieħ il-poeżiji Milied ta’ Kimverly May Catania u Iz-Zija Rina ta’ Erica Dingli.

THE CHILDREN’S POETRY COMPETITION 2010


The children’s Poetry Competition 2010 came to a close with the presentation of prizes to the young winners at the foyer of the Eduaction Division, Floriana, on the 11 February. The evening was presented by Dr Joseph Axiaq who, together with Dr Emmanuel Attard Cassar, was part of the Għaqda Poeti Maltin’s Committee who saw to the organization of the competition.

In a short speech, Mr Alfred Massa, president of the Association, highlighted the importance of such competitions given the bleak predicament of poetry in Malta. Massa stressed that children should first be brought to poetry and shown its beauty and its worth. Children should extricate poetry from the dreariness of exams and parents would do well to be of example to their offspring by enjoying a poetry read en famille. The children should be left free to express themselves in verse, in whatever language they may opt for. But in such a case, parental guidance should be sought as well as help from teachers.

At the end of his speech, Massa thanked the Judging Panel, the Commission and publishers Agius and Agius Ltd, and Merlin Library, both of Blata l-Bajda, for the gifts they offered to the winners.

Poetess Therese Pace then read the report of the Judging Panel, which she chaired. She listed a number of shortcomings in the 200 poems entered, but very positive remarks were not lacking. One must keep in mind that here the average age for the competing children was between 9 and 11 years.

The winners then read out their respective poems and were presented with diplomas and books by Mr Massa.

These were the winners: 1. L-Ambjent Malti – Josephine Vella; 2. What I Like – Mark Delicata; 3. Il-Ferħ tal-Milied– Kevin Cassar; 4. Talba lil Ġesù Bambin – Jesmar Gauci; 5. The Poem – Maria Galea; 6. Il-Milied – Andrew Schembri; 7. It-Twissija t’Ommi – Erica Dingli; 8. In-Nannu Karm – James Francalanza; 9. L-Istudju – Mariah Camilleri; 10. Il-Festa – Nicole Farrugia.
Honorary mentions went to: Milied - Kimberley May Catania and Iz-Zija Rina – Erica Dingli.

Alfred Palma

Tuesday, January 11, 2011

Midja - Media 2011

"The Malta Independent on Sunday" (20.11.2011): International poetry event marked in Malta
"Il-Mument" (07.08.2011): L-Għ.P.m. tfakkar lil V.M. Pellegrini.
"Il-Mument" (16.10.2011): Messaġġ għal Jum il-Poeżija 2011.
"Il-Mument" (16.10.2011): Lejla ta' Poeżija Internqazzjonali.
"Leħen is-Sewwa" (29.10.2011): L-Għ.P.M. tfakkar lil Dun Karm.
"Il-Mument" (23.10.2011): L-Għ.P.M. tfakkar lil Dun Karm.
"The Sunday Times" (30.10.2011): Dun Karm's Poetry Marked.
"il-mument" (13.03.2011): Premjazzjoni ta' konkors ta' poeżija gtħast-tfal.
"Il-Ġensillum" (19.02.2011): il-Konkors tal-Poeżija għat-Tfal jiġi fi tmiemu.
"The Sunday Times" (20.02.2011): Cildren's poetry competition.
"The Malta Independent" (20.02.2011): Another issue of "Versi", poetry magazine.
"The Sunday Times" (06.02.2011): Lack of appreciation for Dun Karm Psaila.
"Il-Mument" (09.01.2011): Lejla ta' Poeżija u Mużika f'Ħal Tarxien.
"Torċa" (09.01.2011): Lejla ta' Poeżija u Mużika f'Ħal Tarxien.

Wednesday, December 29, 2010

IL-Kelma Tal-President - Word From The President - Diċembru 2010

Diċembru jiftaħ il-bieb għax-Xitwa. L-istaġun tal-maltemp imżewwaq bir-riħ, bix-xita u bil-ksieħ. Imma x-Xitwa tgħaddi u warajha jiġu staġuni oħra li forsi għal xi wħud huma aktar pjaċevoli.

Hekk il-ħajja. Tiżwiqa sħiħa ta' kuntrasti. Anki l-Għaqda tagħna tgħaddi minn taqlib bħal dan. Jiddependi minna l-imseħbin kemm jirnexxielna mmexxuha tajjeb speċjalment fi żminijiet diffiċli. U din mhix ħaġa tal-Kumitat waħdu; il-membri kollha jġorru din ir-responsabbilta',

Ma' tmiem kull sena jsiru diversi proponimenti għas-sena l-ġdida. Jalla lkoll kemm aħna nagħtu sehemna biex matul l-2011 inkunu aktar attivi fi ħdan l-Għ.P.M. B'hekk jintleħaq żgur l-għan li għalih twaqqfet din l-Għaqda fl-1975; li tippromwovi l-poeżija fost il-poplu Malti u Għawdxi.

L-isbaħ xewqat lill-membri kollha u lill-familjari tagħhom għal Milied hieni u għal Sena Ġdida mimlija riżq, hena u barka.

ALFRED MASSA

Tuesday, December 14, 2010

LEJLA TA POEŻIJA U MUŻIKA F'ĦAL TARXIEN




Issa saret appuntament annwali li nhar it-13 ta' Diċembru l-Għaqda Poeti Maltin tkun mistiedna mill-Għaqda Mużikali "Marija Annunzjata" ta' Ħal Tarxien biex flimkiem jorganizzaw Lejla ta' Poeżija u Mużika dwar il-Milied.

Membri tal-Għaqda qraw numru ta' poeżiji bit-tema Il-Milied jew Ix-Xitwa filwaqt li l-allievi tal-Banda "Marija Annunzjata" daqqew innijiet marbutin mal-Milied. It-taqsima mużikali tmexxiet mis-surmast direttur tal-banda, Mro Victor V ella; Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M., ħa ħsieb il-koordinament tal-parti poetika.

F'kelmtejn fil-bidu tas-Serata, Alfred Massa, President tal-Għ.P.M. fisser kemm l-Għaqda tieħu gost tieħu sehem f'Lejliet simili għax dawn barra milli jagħtu opporunita' mill-membri jaqraw xogħlijiethom iwasslu s-sbuħija tal-poeżija lill-pubbliku inġenerali. Massa qal li l-Għaqda Poeti Maltin qiegħda tagħti sehemha biex tressaq aktar nies lejn il-poeżija, imma hemm bżonn li għaqdiet oħra joffru opporunitajiet billi jistiednu poeti jitkellmu dwar is-siwi ta' din l-arti sublimi. Il-President ilmenta min-nuqqas ta' attivitajiet li jsiru f'pajjiżna b'riżq il-poeżija u ttama li mis-sena l-ġdida dawn jiżdiedu.

L-aħħar diskors sar mill-President tal-Għaqda Mużikali "Marija Annunzjata" Victor Seguna li rringrazzja lill-Għ.P.M. għas-sehem li tat u lil dawn li attendew għas-Serata li qal li kienet opportunmita' fejn wieħed seta' jara kemm il-mużika u l-poeżija jmorru tajjeb flimkien. Wara stiednet lil dawn preżenti għal bibita.

Friday, November 19, 2010

Tuesday, November 2, 2010

SERATA TA' PREMJAZZJONI KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2010




Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija organizzat mill-Għaqda Poeti Maltin ġie fi tmiemu fl-1 ta' Novembru 2010 fil-Foyer tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, il-Furjana. Mexxa s-Serata s-Segretarju tal-Għaqda, Charles Magro.

Din id-darba l-Ġurija kienet komposta mis-Sinjuri Lina Brockdorff, Joe D. Fenech u Godwin Degabriele. Għall-Konkors darħlu 100 poeżija li kienu mqassmin hekk: 70 bil-Malti, 21 bl-Ingliż u 9 bit-Taljan.

F'diskors qasir il-President, Alfred Massa qal li jħossu sodisfatt bin-numru ta' konkorrenti; dan meta ftit li xejn l-Għ.P.M. sabet għajnuna fit-tnedija tiegħu mill-mezzi tal-media. Massa qal dan l-interess fil-poeżija juri li ħidmet l-Għ.P.M. qiegħda tħalli l-frott. Huwa appella lil dawk preżenti biex jaqraw aktar poeżiji u jissuktaw jiktbu. Ħasra li konkorsi simili f'pajjiżna naqsu sew, temm jgħid il-kelliem.

Riżultat:
Taqsima Malti: 1. F'Għajnejk (Joe Saliba). 2. Jien u Hi (Therese Vella). 3. Qalb l-Irmixk (Therese Pace).

Taqsima Ingliż: 1. Memories (Alice Buhagiar). 2. San Raflu Lakelet (Maurice Mifsud Bonnici).

Taqsima Taljan: 1. Sogni Miei (Miriam Camilleri). 2. La Roccia del Generale (Maurice Mifsud Bonnici.

Rabbieħ Premju Buontempo: F'Għajnejk (Joe Saliba).

Saturday, October 23, 2010

SERATA FL-ISTITUT KULTURALI TALJAN



Il-Ġimgħa, 22 ta' Ottubru 2010, l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna tieħu sehem f'Serata bħala parti mis-Settimana della Lingua Italiana nel Mondo. Is-Serata saret fl-Istitut Kulturali Taljan, il-Belt. Ħadu sehem diversi membri tal-Għaqda li qraw poeżiji bit-Taljan waqt li kien hemm min qara wkoll versi ta' Poeti Maltin li kitbu bit-Taljan, bħal Dun Karm Psaila. Inqraw anki poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż b'rabta mal-Italja.

Saru interventi mużikali mill-mezzo sopran Miriam Camilleri li kantat erba' kanzunetti; tnejn bit-Taljan u tnejn bl-Ingliż li ntlaqgħu tajjeb ħafna minn dawk preżenti.

Id-Direttur tal-Istito di Cultura Italiano, Dott. Bruno Busetti f'diskors qasir lejn tmiem is-Serata, irringrazzja lill-Għ.P.M. għas-sehem tagħha. Huwa qal li kienet Serata adattata ferm bħala għeluq ta' ġimgħa sħiħa ta' attivitajiet dwar l-Ilsien Taljan fid-dinja. Dott. Busetti awgura li Serati simli jissuktaw isiru fil-futur.

Ippreżenta s-Serata Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.

Thursday, September 16, 2010

Tislima xierqa lil Patri Wistin Born OP


Nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Settembru 2010, l-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin organizzaw Serata f’Ġieħ Patri Wistin Born OP f’għeluq il-100 sena minn twelidu. Din is-Serata li kienet taħt il-patroċinju tal-E.T. Mons. Pawl Cremona OP, Arċisqof ta’ Malta saret fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-Belt Valletta. L-attendenza kienet waħda tajba ħafna.

Inqraw diversi xogħlijiet ta’ Patri Born filwaqt li Marilyn Borg qrat studju dwar Il-Klassi Soċjali fir-Rumanzi ta’ Wistin Born. Il-parti mużikali kienet f’idejn il-4th System Clarinet Quartet.

Saru tliet diskorsi. Alfred Massa, President tal-Għaqda Poeti Maltin tkellem dwar it-tifkiriet li għandu ta’ dan l-awtur, Carmel Azzopardi, President tal-Akkademja tal-Malti, insista dwar l-importanza li l-Għaqda tal-Malti jaħdmu aktar flimkien u Patri Frans Micallef, Vigarju tal-Ordni Dumnikana f’pajjiżna feraħ liż-żewġ għaqdiet talli qegħdin ifakkru awtur li bil-pinna tiegħu tant għamel ġid lis-soċjetaÏ Maltija.

Mons. Arċisqof sostna li għalkemm Patri Wistin Born ta sehem kbir fil-letteratura u fix-xandir, l-akbar mertu tiegħu hu li dejjem ta importanza lill-bniedem bħala persuna. Għalhekk, kienet ħaġa xierqa li ż-żewġ għaqdiet fakkru l-100 sena ta’ twelidu. Mons. Cremona fisser li Patri Born barra l-pinna tajba li kellu kien anki predikatur mill-aħjar u b’hekk żamm ħaj il-motto dumnikan li jwassal il-Kelma t’Alla lill-oħrajn.

Il-preżentur tas-Serata kien Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M. Fi tmiem is-Serata sar trattament għal dawk preżenti.

Saturday, September 4, 2010

L-Għ.P.M. taħtar lil Lina Brockdorff

bħala Membru Onorarju


Nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Settembru, 2010, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fejn ħatret lill-kittieba, poetessa u membru tagħha bħala Membru Onorarju ad vitam. Il-post magħżul kienet is-Sala tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fil-Belt Valletta, l-istess sala fejn fl-1986 l-Għ.P.M. ħatret l-ewwel grupp ta’ Membri Onorarji, li kienu Karmenu Vassallo, George Zammit, Ġużè Chetcuti, Ġużè Aquilina, Ġorġ Pisani, Wallace Gulia u patri Wistin Born.
Is-serata tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro, filwaqt li l-kantawtur Vince Fabri pprovda siltiet mużikali divertenti u mill-isbaħ. Il-Viċi President, Patrick Sammut, fl-assenza tal-President, Alfred Massa, għamel diskors qasir tal-ftuħ u sostna li l-Għaqda dejjem ippromwoviet il-poeżija, anki billi onorat lill-poeti. Bil-ħatra ta’ Lina Brockdorff bħala Membru Onorarju l-Għ.P.M. onorat lil membru li ta kontribut qawwi lill-qasam letterarju lokali, imma tat spinta biex il-kittieba nisa joħorġu aktar għad-dawl u kitbiethom jiġu apprezzati aktar mill-pubblikaturi u mill-qarrejja.
L-attendenza kienet tajba ħafna u kien hemm aktar minn okkażjoni waħda biex il-membri preżenti u persuni oħra li attendew setgħu jaqraw il-poeżiji tagħhom bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. It-temi u l-istili kienu mill-aktar varjati u interessanti.
Il-parti ċentrali tas-serata kienet iddedikata lil Lina Brockdorff li ġiet intervistata minn Patrick Sammut dwar l-attività letterarja tagħha. Dan wara li t-Tezoriera, Doris Chircop, qrat bijografija qasira. Wara kien hemm ħin biex Lina Brockdorff taqra xi poeżiji minn tagħha. Inqrat ukoll poeżija ddedikata lilha minn Anthony Farrugia, u miktuba minn Alfred Palma. Fl-aħħar, Brockdorff ingħatat id-Diploma tal-Ħatra bħala Membru Onorarju u medalja kommemorattiva ta’ meta l-Għ.P.M. għalqet għaxar snin mit-twaqqif tagħha. L-istess medalja ngħatat lil Vince Fabri bħala apprezzament tal-kontribut mużikali tiegħu waqt il-lejla ta’ poeżija.

Wednesday, August 25, 2010

Il-Kelma Tal-President - Word From The President - Settembru 2010

Mhux l-ewwel darba li kkummentajt dwar l-importanza li l-Għaqda tagħna tagħti lill-kuntatti li għandha ma' għaqdiet tal-poeżija barranin.

Ilna s-snin li sseħibna fil-World Congress of Poets u dan l-aħħar ngħaqadna fil-World Academy of Arts and Culture. Għandna kuntatti regolari wkoll maċ-Circolo Culturale Filatelico Morbegnese u mal-Movimiento Poetas del Mundo.
Dawn il-kuntatti mhux biss jagħtu lill-Għ.P.M. għarfien internazzjonali, imma jgħinuha ssir taf xi jkun għaddej fil-qasam poetiku f'diversi nħawi tad-dinja.

Mhux unur għall-Għaqda tagħna li tiġi mistiedna mis-Segretarju Ġenerali tal-W.C.P., Dr Germain Droogenbroodt, biex torganizza f'pajjiżna l-edizzjoni li jmiss (il-31 edizzjoni) ta' dan il-Kungress Internazzjonali flimkien mal-Ministeru tal-Kultura lokali? Idea li qed tkun studjata mill-Kumitat.

Din hija l-Għaqda tagħna. L-Għaqda li għażilna nkunu membri tagħha.

ALFRED MASSA

Monday, August 16, 2010

Il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria jilqa' lill-Poeta Malti Emmanual Attard Cassar





Nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju 2010 il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria, fl-Awstralja, tella’ laqgħa mużiko-letterarja fejn għaliha kien mistieden Dr. Emmanuel Attard Cassar li hu s-Segretarju Internazzjonali tal-Għaqda Poeti Maltin. Attard Cassar kien fuq btala l-Awstralja mal-familja tiegħu biex iżur xi qraba. Il-laqgħa saret fis-Sala taċ-Ċentru Malti ta’ Parkville ġewwa Melbourne.

Għal-laqgħa li bdiet fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar u damet sa xi l-erbgħa attendew madwar ħamsin persuna. Kienu preżenti wkoll il-Konslu Ġenerali ta’ Malta fil-Victoria, is-Sur Charles Mifsud, flimkien mas-Sinjura tiegħu, Anna Maria, Dr Victor Sammut, President tal-Grupp Letteratura Maltija, u s-Sur Gejtu Deguara, Viċi-President tal-Kunsill Malti tal-Victoria flimkien mas-Sinjura tiegħu Mary. Paul Vella, PRO tal-GLM, flimkien ma’ Ray Anastasi, Teżorier, mexxew il-programm. Paul Vella kien ukoll l-organizzatur tal-laqgħa.

E. Attard Cassar qara żewġ poeżiji tiegħu li huma “Ma Bkejtx” u “F’Kull Silenzju” kif ukoll dawn il-poeżiji: “Malta Titkellem” ta’ Dr. Joseph Axiaq, “Għaliex Int u Le Jiena” ta’ Mary Doris Chircop, “Tgħid Għalija..?” ta’ Miriam Ellul, “Malta fl-Ewropa” ta’ Charles Magro, “Milied 2003” ta’ Alfred Massa” u “Abbissi” ta’ Patrick Sammut. Dawn l-awturi huma kollha membri tal-Għaqda Poeti Maltin. Emmanuel qara wkoll traduzzjoni tiegħu tal-poeżija “Malta” miktuba minn Paola Mara De Maestri. Kittieba mill-GLM ukoll qraw xogħlijiet tagħhom. Dawn kienu Dr Victor Sammut, Ray Anastasi, Marie Louise Anastasi, Paul Vella, Joe Camilleri, Dr Lou Drovenik, Michael Xuereb, Maria Catania, Laurie Armato, Rosemary Attard, Fredu Cachia u Manwel Cassar. Il-Konslu, is-Sur Charles Mifsud, qara poeżiji ta’ Rużar Briffa u Trevor Żahra.

L-attività kienet imżewqa bid-daqq fuq il-mandolina minn Laurie Armato kif ukoll b’xi kanzunetti Maltin. Armato, iben missier Sqalli u omm Maltija, ilu jgħix ġewwa l-Awstralja aktar minn erbgħin sena.

Minbarra l-qari ta’ xogħlijiet letterarji kien hemm diskorsi minn Dr Victor Sammut, li spjega l-għan tal-GLM, mis-Sur Charles Charles Mifsud, li tkellem dwar l-impatt tal-poezija f’żoghżitu, u Emmanuel Attard Cassar li tkellem dwar l-istorja tal-GħPM.

Lejn l-aħħar tal-laqgħa l-President tal-GLM, ippreżenta numru ta’ kotba u recordings fuq CDs lil E. Attard Cassar. Dan il-materjal kien jinkludi antoloġiji ta’ poeti Maltin Awstraljani, CD b’poeżiji minn Laurie Armato u recording tal-Lejla Mużiko-Letterarja li nżammet fiċ-Ċentru Malti f’Settembru li għadda, xogħol ta’ Paul Vella. F’isem l-GħPM imbagħad Attard Cassar ippreżenta kotba kif ukoll midalja li l-GħPM ħarġet f’għeluq l-għaxar snin mit-twaqqif tagħha lil Dr Victor Sammut, President tal-GLM. Il-kotba li ġew ippreżentati kienu antoloġiji tal-GħPM kif ukoll pubblikazzjonijiet ta’ dawn il-membri tal-GħPM: Alfred Massa, Charles Magro, Patrick Sammut u Paul Saliba. Ingħataw ukoll kotba ta’ Dr Mons Amante Buontempo (1920-2004), fundatur tal-GħPM.

Fl-aħħar tal-laqgħa ġew servuti rinfreskanti u ikel lil dawk preżenti. Ringrazzjament dovut imur ukoll għall-membri tal-GLM li ppreparaw u servew l-ikel u x-xorb. Grazzi jmur lil dawk li għenu b’xi mod jew ieħor biex din is-serata tkun suċċess, speċjalment lil Laurie Amato, is-Sur Gejtu Deguara u lill-Kunsill Malti tal-Victoria li pprovdew is-sala, kif ukoll lil Salvina Vella u Sam u Yvonne Caruana, li ħadu ħsieb jippreparaw l-ikel għal wara.

Saturday, August 14, 2010

LEJLA TA' POEŻIJA U MUŻIKA F'ĦAL TARXIEN



L-Għaqda Poeti Maltin u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien nhar il-Ġimgħa 13 ta' Awwissu 2010 organizzaw Lejla ta' Poeżija u Mużika fil-bitħa tad-Dar tal-Kejka f'Ħal Tarxien. L-attendenza kienet tajba ħafna. Ippreżenta Dr Joseph Axiaq, Ass. Segretarju tal-Għ.P.M.
Inqraw numru ta' poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż. Patrick Sammut, Viċi President tal-Għaqda intervista lil Peter A. Caruana, kittieb u poeta Tarxiniż u Membru Onorarju tal-Għ.P.M., filwaqt li Walter Micallef kellu f'idejh il-parti mużikali. Micallef kanta ħames għanjiet folkoloristi akkompanjat fuq il-kitarra.
Saru diskorsi kemm minn Alfred Massa, President tal-Għ.P.M. kif ukoll mill-Kav. Paul Farrugia, Sindku ta' Ħal Tarxien. Massa rrefera għas-sehem li Ħal Tarxien ta lill-arti Maltija, speċjalment lil-letteratura u semma awturi bħal Ġuże' Aquilina, Kilin, Ġuże' Chetcuti, Ninu Cremona, Ġuże' Cassar Pullicino, E.B. Vella, Mons. Prof. Carmelo Santa, Mons. Ġużeppi Schembri u Rafel Bonnici Cali' li kollha kellhom xi tiop ta' rabta ma' dan ir-raħal. Farrugia esprima l-intenzjoni tal-Kunsill li jibqa' jagħti importanza lill-attivitajiet bħal dawn.
Il-Lejla nfetħet b'minuta silenzju kemm minħabba l-mewt tal-President Emeritus, il-Prof. Guido DeMarco, kif ukoll minħabba l-vittmi Mostin li ftit qabel mietu fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar u ntemmet bil-kanta tal-Ave Maria mill-mezzo sopran, Miriam Camilleri.
Wara saret bibita għal dawk preżenti.

Wednesday, August 11, 2010

ĦATRA TA' MEMBRU ONORARJU

L-Għaqda Poeti Maltin ser taħtar uffiċjalment lil Lina Brockdorff bħala l-ewwel Membru Onorarju femminili tagħha. Iċ-Ċerimonja tal-ħatra se ssir nhar il-Ġimgħa, 3 ta' Settembru 2010 fis-Sala tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, Valletta. Il-ħin ikun fis-7.00 pm. Il-membri huma mħeġġin biex jattendu mal-familjari jew ma' ħbiebhom u jġibu magħhom xi poeżija biex jaqrawha waqt is-Serata.