Pages

Friday, August 8, 2014

ANNIVERSARJU ĠUŻÈ CHETCUTI

Nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ Awwissu 2014, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Filantropika Talent Mosti , tellgħu Lejla Mużiko-Letterarja f’ġieħ il-kittieb u poeta Ġużè Chetcuti li proprju din is-sena għalaq mitt sena minn twelidu. Il-ftuħ sar mill-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, li tkellem dwar Chetcuti bħala Poeta, Rumanzier u Drammaturgu, imma anki bħala bniedem li ddedika ħajtu lill-Ilsien Malti. Saviour Camilleri ta ħjiel bijografiku ta’ Ġużè Chetcuti, filwaqt li l-Prof. Oliver Friggieri tkellem dwar il-Proża Realista ta’ Chetcuti. Patrick Sammut qara diskors bl-isem ta’ “Malta bejn il-glorja tal-imgħoddi u l-apatija u l-indifferenza tal-preżent” f’rabta mal-poeżija ta’ Chetcuti, filwaqt li Mons. Victor Grech tkellem dwar xi tifkiriet tiegħu dwar il-kittieb minn Bormla. Waqt is-serata nqraw għadd ta’ kitbiet ta’ Ġużè Chetcuti, fosthom poeżiji bħal Hekk Hi l-Ħajja, F’Shelter, Il-Qniepen tar-Rebħa, Matul is-Snin tal-Ħajja, Id-Dawl Qed Jgħid, u Għamja, u kitbiet oħra bħal It-Testment. Il-qari sar minn Salv Sammut, Yana Psaila, Carmel Bianchi, Dr. George Farrugia, Joseph P. Borg, Rita Saliba, Jane Micallef, Charles Mifsud u Therese Pace. Il-kantawtur Walter Micallef ipprovda l-intervalli mużikali. L-għeluq kien f’idejn is-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, Joe P. Borg. Wara kien hemm riċeviment żgħir. Il-post fejn seħħet din is-serata kien iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Kultura, ir-Razzett tal-Markiż Tabone fil-Mosta.

Wednesday, July 30, 2014

LEJLA TA' POEŻIJA FLIMKIEN MA' POETESSA MILL-ITALJA


Nhar il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, fis-7 p.m. l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta' Poeżija fis-sala ewlenija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol, fil-Furjana. Waqt din il-lejla nqraw poeżiji b'ilsna differenti minn membri tal-Għ.P.M. Iċ-ċentru tal-lejla kienet it-tnedija tal-ġabra ta' poeżiji CON GLI OCCHI DEL CUORE (2014) tal-poetessa Taljana minn Morbegno (Sondrio, Lombardia), Paola Mara De Maestri.

Din hija t-tieni darba li De Maestri pparteċipat f'lejla ta' poeżija mtellgħa mill-Għaqda Poeti Maltin. L-aħħar darba kien fl-2009 fir-Razzett tal-Markiż Tabone, fil-Mosta. Inqrat bijografija qasira tal-poetessa mill-membru u poeta Emmanuel Attard Cassar u aktar tard Patrick Sammut - li kiteb l-introduzzjoni kritika għal dan il-ktieb - intervistaha f'rabta mal-ġabra poetika ġdida tagħha. Preżenti kien hemm ukoll l-artist u għalliem tal-Arti u Storja tal-Arti, Hilary Spiteri, li ħa ħsieb it-tpinġijiet li jakkumpanjaw il-poeżiji ta' De Maestri. Sammut staqsa lil Spiteri dwar din l-esperjenza tiegħu li jittraduċi l-poeżija f'immaġni. Paola Mara De Maestri wieġbet għal numru ta' mistoqsijiet fosthom dwar il-pubblikazzjonijiet tagħha, it-temi li tikteb dwarhom u l-istili li tuża, u qrat ukoll għadd ta' poeżiji mill-ġabra ġdida tagħha.

Waqt il-lejla l-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, għamel id-diskorsi tal-ftuħ u tal-għeluq, Miriam Ellul, l-URP tal-Għaqda, mexxiet il-lejla, filwaqt li Ray Ellul ipprovda l-intervalli mużikali permezz tal-kitarra. Wara s-serata kien hemm ukoll bibita.

Nota bijografika:
Paola Mara De Maestri hija għalliema, ġurnalista u editriċi tal-folju kulturali u letterarjuBottega Letteraria li joħroġ mar-rivista ’l Gazetin f’Sondrio, fl-Italja ta’ Fuq. Hija parti miċ-Circolo Culturale Filatelico Numismatico Morbegnese (So), u tikkollabora f’rabta mas-sit virtwaliTellusfolio. Hija l-moħħ wara inizzjattivi bħal “Poeti, un premio dalle scuole” u ta’ Konkorsi Nazzjonali u Intenazzjonali tal-Poeżija bħal “Montagna viva” , “Il silenzio della montagna e le voci del mare” (proġett li sar flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin),  "Piccolo mondo…antico, presente e futuro di Valtellina, Valchiavenna e del Canton Grigioni”,  u "Ricordi, tradizioni e valori della gente di montagna della Valtellina e della Valchiavenna". Hija l-editriċi ta’ antoloġiji poetiċi bħal “Poeti Lombardi” e "Donne in poesia", f’kollaborazzjoni mad-dar tal-pubblikazzjoni Giulio Perrone. Bħala kittieba ġiet mogħtija rikonoxximent mill-Konkors imniedi mir-Rai "I giovani incontrano l'Europa" (1992), mill-Konkors Nazzjonali "Marcello Landi" (2000) u mill-Konkors Letterarju u Radjufoniku "E il naufragar m'è dolce in questa radio" (2001). Kisbet it-tielet post fil-Konkors Nazzjonali “Città di Imola 2004” u fil-Konkors "Il Natale" (2008). Paola Mara De Maestri kisbet merti oħra f’għadd ta’ konkorsi oħra bejn l-2005 u l-2008.
L-ewwel ġabra poetika tagħha ġġib l-isem ta’ "Dentro la vita" (2001). Is-sena 2004 ġabet magħha l-pubblikazzjoni tat-tieni ġabra poetika tagħha "L'amore parla piano", b’disinni tal-pittriċi Spanjola Mari Carmen Mur. Fl-2008 ippubblikat it-tielet ġabra ta’ poeżiji bl-isem ta’ “Il pane del sorriso”,  u fl-2010 ħarġet ġabra oħra bl-isem "Aquiloni d'argento", maħruġ miċ-Circolo Culturale F/N Morbegnese biex ifakkar il-25 sena ta’ kitba ta’ poeżija min-naħa ta’ De Maestri.
Paola Mara De Maestri kienet diġà mistiedna speċjali tal-Għaqda Poeti Maltin fl-2009 fir-Razzett tal-Markiż.

F’din il-ġabra ġdida tagħha CON GLI OCCHI DEL CUORE t-tema ewlenija hija l-imħabba. L-imħabba tinftiehem bħala ħolqa li tgħaqqad lill-poetessa ma’ missierha u ma’ binha, iż-żewġ persuni li lilhom tiddedika din il-ġabra ta’ poeżiji. Insibu għalhekk anki kuntrasti bħalma huma l-mewt (ta’ missierha) u t-twelid (ta’ binha Goele), waqtiet ta’ swied il-qalb u oħrajn ta’ hena u ferħ. CON GLI OCCHI DEL CUORE tittratta wkoll ir-rabta u sens ta’ kontinwità li jeżistu bejn l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni. Dan il-ktieb għandu daħla kritika minn Patrick Sammut u tpinġijiet ta’ Hilary Spiteri.

Friday, July 11, 2014

SERATA F’ĠIEĦ ĠUŻÈ CHETCUTI

F’GĦELUQ IL-100 SENA MINN TWELIDU


F’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Ġużè Chetcuti, kittieb ta’ għadd ta’ poeżiji kif ukoll proża, l-Akkademja tal-Malti flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin qed jorganizzaw serata kommomerattiva f’ġieħu nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ Awwissu 2014 ġewwa r-Razzett tal-Markiż Tabona fil-Mosta bil-parteċipazzjoni kemm tal-qraba ta’ Ġużè Chetcuti u kemm tal-qarib tiegħu, Monsinjur Victor Grech.

Il-membri taż-żewġ Għaqdiet huma mistiedna jesprimju l-intenzjoni tagħhom jekk humiex lesti li jattendu u kemm jixtiequ jirriżervaw postijiet. Dan jistgħu jagħmluh billi l-membri tal-Akkademja tal-Malti jibagħtu ittra elettroniku fuq info@akkademjatalmalti.com  jew messaġġ fuq 79592231 u dawk il-membri tal-Għaqda Poeti Maltin fuq sammutsalv2@gmail.com jew b’messaġġ fuq 79864550. Importanti li dan jistgħu jagħmluh sa mhux aktar mill-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju.

Thursday, July 10, 2014

Għaqda Poeti Maltin f'Beltissebħ Ma' Paola Mara De Maestri.

Nhar il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, fis-7 p.m. l-Għaqda Poeti Maltin se ttella' Lejla ta' Poeżija fis-Sala Ewlenija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol f'Beltissebħ. Kulħadd hu mistieden u jista' jaqra kemm poeżiji minn tiegħu jew poeżiji ta' ħaddieħor, b'ilsna differenti.
Matul il-Lejla se tiġi mnedija l-ġabra ta' poeżiji ġdida tal-poetessa Taljana mil-Lombardia (Morbegno), Paola Mara De Maestri, CON GLI OCCHI DEL CUORE. Din mhix l-ewwel ġabra tal-poetessa Taljana li kienet Malta, mistiedna tal-Għ.P.M., f'Awwissu tal-2009 fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta.
CON GLI OCCHI DEL CUORE jiġbor fih 30 poeżija bit-Taljan, għandu daħla kritika minn Patrick Sammut u disinji (inkluża l-qoxra) ta' Hilary Spiteri.

_____________

Venerdi, 25 luglio prossimo, alle 7 p.m., l'Associazione dei Poeti Maltesi organizzera' una Serata di Poesia nella Sala Principale del Ministero dell'Istruzione e del Lavoro a Floriana. Tutti sono i benvenuti e possono anche leggere le proprie poesie o poesie aktrui e in lingue diverse.
Durante questa serata sara' presentata al pubblico la nuova raccolta di poesia della poetessa da Morbegno (Lombardia), Paola Mara De Maestri, CON GLI OCCHI DEL CUORE. Questa non e' la prima raccolta della poetessa che e' stata a Malta nell'agosto del 2009 nel Centro Nazionale di Cultura di Mosta e ospite dell'A.P.M.
CON GLI OCCHI DEL CUORE raccoglie 30 poesie in italiano, ha un' introduzione critica di Patrick Sammut e disegni (inclusa la copertina) di Hilary Spiteri.

Serata Kommemorattiva F’għeluq Il-Mitt Sena Mit-Twelid ta’ Ġużè Chetcuti

L-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Poeti Maltin qed iħejju serata kommemorattiva f’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Ġużè Chetcuti, li mhux biss jibqa’ magħruf għall-proża realistika tiegħu li fiha juri l-konsegwenzi tal-faqar fuq il-bniedem imma wkoll bħala poeta mill-aqwa mnebbaħ mill-valuri tal-ġustizzja soċjali u tal-karità Nisranija.Chetcuti ħadem spalla ma’ spalla ma’ Dun Karm, Ġużè Aquilina, Ġużè Bonnici u Anton Buttigieg, fost oħrajn, u ta s-sehem tiegħu fl-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti billi serva bħala Segretarju tal-Għaqda (illum l-Akkademja tal-Malti) meta Dun Karm, il-poeta nazzjonali u, warajh, il-Professur Ġużè Galea, kienu Presidenti. Huwa ħadem fil-bord editorjali tar-rivista letterarja Il-Malti u ta l-għajnuna tiegħu għal snin twal fil-pubblikazzjoni tar-rivista letterarja Leħen il-Malti maħruġa mill-Għaqda tal-Malti (Università). Kien ukoll Viċi-President (1990-1992), President Onorarju (1998-1999), u President tas-sotto-kumitat f’kwistjonijiet  ta’ ortografija. Kien ukoll membru onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, membru fil-kunsill u Segretarju tal-Malta Drama League u fundatur tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti (1939) flimkien mat-tabib Ġużè Bonnici u Anton Buttigieg.
Is-serata se tkun imżewqa bil-proża u bil-poeżija ta’ Ġużè Chetcuti bis-sehem tal-kantawtur magħruf Walter Micallef. Monsinjur Victor Grech, qarib ta’ Chetcuti, se jkun il-mistieden speċjali tagħna.
Is-serata se ssir fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, il-Mosta nhar l-1 ta’ Awwissu 2014 fis-6.30pm. Billi l-postijiet huma limitati, ġentilment nitolbuk tavżana biex nirriservawlek il-post/ijiet li tixtieq sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju, 2014.
Dan tista’ tagħmlu billi tħalli messaġġ (sms) man-numru 79864550 jew b’ittra elettronika: sammutsalv2@gmail.com  u tinsiex tħalli ismek u kemm tixtieq tirriserva postijiet.
Fi tmiem is-serata mużiko-letterarja se jkun hemm bibita ċkejkna.

Salv Sammut
SEGRETARJU

Friday, July 4, 2014

KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2014

KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA
“Mons. A. Buontempo”
2014



REGOLAMENTI

1.   Kull poeżija tista’ tkun f’kull forma, ma tridx tkun itwal minn għoxrin vers (20) vers u trid tkun oriġinali u qatt imxandra jew ippubblikata qabel.  Tista’ tkun bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan.
2.   Kull poeżija trid tkun ittajpjata fi tliet (3) kopji bi spazju doppju.
3.   Il-Konkors hu miftuħ għal kull min għandu ‘l fuq minn 16-il sena, mhux għall-Membri tal-Għ.P.M. biss.  Iżda l-Membri tal-Kumitat tal-Għ.P.M. ma jistgħux jieħdu sehem.
4.   Kull konkorrent jista’ jibgħat sa tliet (3) poeżiji.
5.   Kull poeżija għandha tidher taħt psewdonimu. Isem il-poeżija, l-isem u l-indirizz tal-konkorrent flimkien mal-psewdonimu addottat, għandhom ikunu f’envelop issiġillat, li għandu jkun mehmuż mal-poeżiji.  Imbagħad, flus, envelop issiġillat u poeżiji jintbagħtu f’envelop wieħed.
6.   Jingħataw tliet (3) premjijiet lill-ewwel tliet (3) poeżiji rebbieħa bil-Malti. Ir-rebbieħ ta’ l-ewwel premju għall-poeżija bil-Malti jingħata l-Premju “Mons. A. Buontempo”.  Jingħataw żewġ (2) premjijiet oħra għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bl-Ingliż, u żewġ (2) premjijiet għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bit-Taljan.
7.   L-Għaqda Poeti Maltin iżżomm il-jedd li tippubblika bla ħlas (għallinqas darba) il-poeżiji li jidħlu għall-Konkors.
8.    Il-poeżiji li jitressqu għall-Konkors ma jingħatawx lura.
9.   Ħadd ma jkollu jedd għal aktar minn premju wieħed, iżda jista’ jissemma b’ġieħ għal aktar minn poeżija waħda.
10.   Il-Ġurija titħabbar mar-riżultat u d-deċiżjoni tagħha tkun finali.
11.  Kull konkorrent irid jibgħat €10 jekk mhux membru tal-Għ.P.M.  Jekk hu membru jibgħat €5 Ewro, basta jkun regolari fil-ħlas tas-Sħubija (2014). Dan għandu jsir immaterjalment minn jekk il-konkorrent jiħux sehem b’poeżija waħda, tnejn jew tlieta.  Il-ħlas għandu jsir b’ċekk, indirizzat lil Mrs. M.D. Chircop, u inkluż mal-poeżiji u l-envelop issiġillat bid-dettalji ta’ min jieħu sehem.  Ħlas f’bolol ma jiġix aċċettat, u anqas f’Money Orders.
12.  Il-poeżiji u l-ħlas iridu jaslu għand is-Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Salv. Sammut, 2, “The Quest”, Blk.R, Trejqet il-Ġilju, Mtarfa, MTF 1430,  sal-31 t’Awwissu 2012.
13.  Lista tax-xogħlijiet li jkunu waslu għand is-Segretarju tidher fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda kif jidher hawn fuq wara d-data tal-għeluq.
14.   Id-data taċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni titħabbar aktar tard.
15.  Min jonqos f’xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jiġi mill-ewwel skwalifikat.

ANTOLOĠIJA

Biex tiċċelebra l-40 Sena mit-Twaqqif tagħha
l-Għaqda Poeti Maltin għandha l-ħsieb li tippubblika
Antoloġija ta’ Poeżiji tal-Membri.


Biex ikunu inklużi f’din l-Antoloġja, il-poeżiji għandhom jintbagħtu lis-Sur Patrick Sammut, 9, “Spring Dale”, Triq it-Taħħan, Mosta, MST 4215, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2014.

Il-poeżiji għandhom ikunu bil-Malti.

It-tul tal-poeżiji jrid ikun skond l-ispazju li jixtri l-Membru.  Jekk il-poeżiji ma jkunux itwal minn tmien (8) versi, f’paġna waħda jistgħu joqogħdu żewġ (2) poeżiji.  Iżda żgur li l-poeżiji ma  jridux ikunu itwal minn erbgħin (40) vers biex ebda poeżija ma tokkupa iktar minn żewġ paġni.

Kull paġna tiswa tmien  ewro (€8).  Iżda mal-poeżiji tibagħtux flus, għax il-poeżiji jridu jgħaddu mill-approvazzjoni ta’ Kummissjoni maħtura apposta.  Jekk il-poeżija/i tkun/ikunu aċċettata/i, il-Kummissjoni tibgħat tgħidilkom kemm għandkom tħallsu.  Imbagħad jekk il-ħlas ma jsirx, il-poeżija/i jibqgħu barra.

Ħadd ma jista’ jokkupa iktar minn żewġ (2) paġni.  F’żewġ paġni jistgħu joqogħdu (i) poeżija waħda ta’ mhux aktar minn erbgħin (40) vers; (ii) erba’ (4) poeżiji ta’ mhux iktar minn tmien (8) versi -l waħda; (iii)  tliet (3) poeżiji li bejniethom ma jkunux itwal minn erbgħin (40) vers.

Meta l-Antoloġija tiġi stampata, issir ċerimonja ta’ tnedija, u fiha kulmin ikollu l-poeżija/i stampata/i jingħata kopja tal-Antoloġija għal kull €3 li jkun nefaq.

Tuesday, June 17, 2014

Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tat-tfal 2014

Il-premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tat-tfal 2014, imtellgħa mill-Għaqda Poeti Maltin, ser issir nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju 2014, fis-6.30 pm.  Din se ssir fis-sala tal-konferenzi tal-Ministeru tal-Edukazzjon u Impjiegi.

F’isem l-Għaqda Poeti Maltin, nixtieq ngħid prosit mhux biss lir-rebbieħa, imma lit-tfal kollha li ħadu sehem, u lill-ġenituri tagħhom.  Nixtiequ nirringrazjaw minn qalbna lill-għalliema li b’tant dedikazzjoni inkoraġġixxew lit-tfal.

Omar Seguna,
f’isem l-Għaqda Poeti Maltin

Monday, June 9, 2014

Lejla ta’ Poeżija u Mużika f’Ħal Safi

Nhar il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju 2014, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi, organizzat Lejla ta’ Poeżija u Mużika quddiem il-Knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Safi. Inqraw poeżiji mill-membri tal-Għaqda Poeti Maltin b’tema patrijottika ladarba l-avveniment kien qrib is-Sette Giugno, filwaqt li għadd ta’ tfal tal-lokal qraw versi b’tema libera.
Il-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, fetaħ b’diskors u qal li din kienet it-tieni daba li l-Għaqda ġiet fil-lokal. L-U.R.P., Miriam Ellul, mexxiet is-serata. Fost dawk li qraw il-versi tagħhom kien hemm Rigu Bovingdon u Rosemary Attard mill-Awstrajla. Bovingdon qara versi dwar l-“imtarrfin”, mela dwar l-emigranti Maltin fl-Awstralja, filwaqt li Attard tkellmet dwar l-attivitajiet li jtella’ l-Grupp Letteratura Maltija f’Melbourne u qrat versi patrijottiċi tal-mibki Manuel Nicholas Borg. Saviour Sammut qara diskors storiku-dokumentattiv dwar is-Sette Giugno, u parti minn dan ir-rakkont ġie mqiegħed f’versi u moqri mill-membru poeta, Charles Mifsud.
Il-lejla ġiet imżewqa mill-mużika sabiħa tan-Novum Ensemble. Inqraw ukoll poeżiji patrijottiċi ta’ poeti tal-ewwel nofs tas-seklu 20 bħal Nikol Biancardi u Ġużè Chetcuti. Is-sindku ta’ Ħal Safi għalaq l-okkażjoni bid-diskors  tiegħu. Tkellem dwar ir-raħal tiegħu bħala raħal safi u patrijott li lanqas intrebaħ mill-pesta u qal li hu tajjeb ferm li pajjiżna jiġi mfaħħar saħansitra b’ilsna barranin. Fl-aħħar tal-lejla kien hemm ukoll riċeviment żgħir.

Sunday, June 1, 2014

Jitnieda ktieb tal-poeżiji ta’ poetessa mill-Kanada.

Nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Faraxa Publishing, tellgħu Lejla ta’ Poeżija u Mużika fis-Sala tal-Konferenzi fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi fil-Furjana. Waqt din il-lejla ġie wkoll imniedi l-ktieb ta’ poeżiji tal-poetessa Amerikana Sheryll Loeffler, A Land in the Storytelling Sea.
Din ma kenitx l-ewwel lejla tat-tip li l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet. Fl-imgħoddi din l-għaqda kellha mistednin poeti barranin bħal Stephen Morris (mir-Renju Unit) u Paola Mara De Maestri, Alberto Figliolia u Clirim Muca (mill-Italja).
Il-lejla tat-30 ta’ Mejju nfetħet b’diskors mill-president tal-Għ.P.M., Charles Magro. Wara kien hemm ħin biex il-membri u dawk preżenti jaqraw il-poeżiji tagħhom, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Aktar tard saret it-tnedija tal-ktieb A Land in the Storytelling Sea. Inqrat bijografija qasira ta’ Sheryll Loeffler minn Miriam Ellul, l-U.R.P. tal-għaqda u l-persuna li mexxiet is-serata. Imbagħad il-viċi-president tal-Għ.P.M., Patrick Sammut, intervista lill-poetessa li kellha wkoll il-ħin taqra għadd ta’ poeżiji minn din l-antoloġija ġdida tagħħa. Il-lejla kienet akkumpanjata mill-mużika ta’ Maria Luana Ellul (kantanta) u Myles Azzopardi (kitarrist) li huma parti mill-Milk Mi rock band.
Fl-aħħar tal-lejla kien hemm bibita li matulha dawk preżenti setgħu jixtru kopja ta’ A Land in the Storytelling Sea, u jitkellmu mal-poetessa mistiedna li ffirmat kopji tal-ktieb.

Tuesday, May 13, 2014

Lejla ta’ Poeżija u Mużika fl-Istitut Kattoliku mal-Fundazzjoni Papa Ġwanni Pawlu II

L-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika fis-Sala San Ġorġ Preca, fl-Istitut Kattoliku, fil-Furjana. Il-lejla ġiet organizzata flimkien mal-Fundazzjoni JP2 fl-okkażjoni tal-Kanonizzazjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II taħt il-patroċinju tal-Eċċelenza Tiegħu Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju għal Malta.

Inqraw poeżiji f’rabta mal-figura tal-Papa Ġwanni Pawlu II mill-membri tal-Għ.P.M.  Waqt il-lejla, Omar Seguna, Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Lil Hinn minn Xtutna, qara diskors dwar il-ħajja u x-xogħlijiet ta’ Papa Ġwanni Pawlu II. Ipparteċipa wkoll il-Chorus Sancti Ioannes Paulus II.

Ta’ min ifakkar li din is-serata ttellgħet eżattament 33 sena mill-attentat ta’ qtil fuq Papa Ġwanni Pawli II, jiġifieri fit-13 ta’ Mejju tal-1981.

Friday, May 9, 2014

Dar l-Emigrant 3 ta' Mejju 2014

Nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju membri tal-Għaqda Poeti Maltin iltaqgħu bħal ma jagħmlu fl-ewwel sibt ta’ kull xahar, ġo kafeterija fil-Belt Valletta sabiex bejn kikkra kafe’ jew te jaqraw xi poeżji.  Din il-laqgħa qed tintgħoġob ferm ma’ xi membri, għaliex madwar mejda jkun hemm diskussjoni informali bosta drabi li toħroġ minn xi vers jew ħsieb li jkun għadu kif inqara.  It-temi li nqraw, li dejjem ikunu ħielsa, varjaw minn xi weġgħa li l-poeta jkun ġarrab wara xi episodju f’ħajtu jew ħsus oħra li jkun għaddej minnhom.  Charles Mifsud fil-poeżija “Mejju? Sabiħ?”  jikteb dwar dan ix-xahar li bosta minnha, forsi minħabba l-fatt li jiġi fir-rebbiegħa, narawh xahar sabiħ..  Mhux hekk iżda l-poeta, għaliex f’dan ix-xahar ġarrab bosta esperjenzi xejn sbieħ.   Tony Vidal ara silta minn poema sentimentali bl-isem ta’ “Marti l-għażiża”.  Kif juri l-isem, din il-poema hija mafkar ħaj għall-mara tiegħu.  Fil-poema wkoll iqabbel il-mewt mal-materjaliżmu li fl-aħħar mill-aħħar dan imut u jispiċċa, filwaqt li l-imħabba hija eterna.   Fuq l-istess ħsieb, Tony Vella Lungro qara l-poeżija “Mingħajrek Le” fejn jispikka l-element sempliċi li jiżboq l-imħabba sinċiera ta’ bejniethom.  Omar Seguna, “Fl-istrajk ta’ mħabbitna” jibqa’ jittama li minkejja dan is-”silenzju”, dlam u maltemp, “Forsi għada tieqaf ix-xita”.  Josef Borg fil-poeżija “Qortin” jikkritika l-istituzzjonijiet politiċi, fejn

“f'dal-ħawt magma
bil-piż tiegħu mtaqqlin
jerfgħu s-soror ta' sororna
moħbijin f'keffet
il-kannizzata tad-destin.”

Salv Sammut jibqa’ fuq dan l-istess ħsieb, forsi ftit aktar immersiv u b’ton sarkastiku sottili.   Raymond Grech ifakkar fit-traġedja ta’ Beslan fejn minkejja  li“instema' wisq biki minn bikri bla srieħ” il-poeta huwa ottimist li “xemx oħra trid titla’”. 
Ma jistax jonqos li l-qari tal-poeżiji jiġu mżewqa bid-diskussjoni.  U xi waqtiet tkun imqanqla mhux ħażin!

Wednesday, April 30, 2014

L-Imtarfa 26 ta' April 2014

Lejla ta’ qari ta’ poeżiji u mużika ġewwa l-Imtarfa.

Bħal dawn l-aħħar snin, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa għal darb’oħra tellgħu Lejla ta’ qari ta’ Poeżiji u Mużika ġewwa l-iskola primarja San Nikola tal-lokal. Minbarra l-membri tal-Għaqda Poeti Maltin disat itfal mill-Imtarfa stess qraw poeżiji tagħhom kif ukoll ta’ poeti stabbiliti. Din is-sena, matul din l-attività saret il-preżentazzjoni ta’ Ġieħ l-Imtarfa lil waħda residenta li ddistingwid ruħha fil-qasam filantropiku tal-lokal. Waqt din is-serata, tfajla mill-Imtarfa henniet lill-udjenza b’siltiet mużikali fuq il-pjanu kif ukoll intwera DVD dwar l-iżvilupp tal-lokal tal-Imtarfa matul is-snin.

Monday, March 17, 2014

SERATA TA’ POEŻIJA U MUŻIKA

L-Għaqda Poeti Maltin tistieden lill-Membri kollha, lill-familjari u ’l-ħbieb għal Serata ta’ Poeżija u Mużika

Data:    Il-Ġimgħa, 4 ta’ April 2014

Ħin:    Fis-7:00 ta’ filgħaxija

Post:   Is-Sala tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni - Beltissebħ, il-Furjana


Dawk li se jaqraw poeżiji ppubblikati fi ktieb,
jistgħu jġibu l-ktieb biex issirlu ftit pubbliċità.


NOTA:  Dawk li se jattendu, iridu jidħlu mill-bieb prinċipali tal-Ministeru, jimxu safejn hemm il-lift, jidħlu fih u jagħfsu l-buttuna mmarkata “-1”. Imbagħad jimxu sar-reception area.

Tuesday, March 4, 2014

Lino Grech

L-Għaqda Poeti Maltin tat l-aħħar tislima lil poeta membru tagħha Lino Grech. Il-Funeral tiegħu sar it-Tlieta 4 ta' Marzu fit-8.30am, fil-Knisja ta' San Girgor Tas-Sliema.

Lino ħareġ diversi ġabriet ta' poeżiji fosthom "Għerf il-Bniedem" u "Ilsien Bla Rażan". Minbarra l-poeżija, Lino kien jikteb ukoll diversi novelli u kitbiet oħra, u narawhom fost oħrajn fil-ktieb "Ħajja ta' Bniedem" u "Non omnis moriar", ktieb bl-Ingliż.