Thursday, April 28, 2011
LEJLA TA’ POEŻIJA U MUŻIKA FL-IMTARFA
Membri Poeti Tal-Għaqda Poeti Maltin
Nhar it-Tlieta, 26 ta’ April 2011, fis-7.30 p.m. l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika oħra f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Il-post magħżul kien l-Iskola Primarja tal-Imtarfa. Din mhix l-ewwel darba li dawn iż-żewġ entitajiet ħadmu flimkien f’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Imtarfa 2011, u bħal dejjem l-attendenza għas-serata kienet waħda tajba ħafna.
Il-Lejla ta’ Poeżija u Mużika tmexxiet mis-Segretarju tal-Għ.P.M., Charles Magro. Il-viċi-President, Patrick Sammut, għamel id-diskors tal-bidu, u dan fl-assenza tal-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa, li kien indispost. Sammut insista fuq l-importanza li tinqara l-poeżija, imqar waħda jew tnejn fil-ġimgħa. Dan għax il-poeżija minnha nnifisha hija konċiża u riflessiva, u tiddiskuti kull tip ta’ tiġrib li ngħaddu minnu. Sammut qal ukoll li ma għandniex nillimitaw il-poeżija għall-ktieb imma nistgħu nużaw ukoll l-internet biex naraw saħansitra poeżiji moqrija minn poeti magħrufa, niksbu tagħrif marbut mad-dinja tal-poeżija, u nsiru nafu dwar assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu għat-tkattir tal-imħabba tal-poeżija bħalma tagħmel l-Għaqda Poeti Maltin f’pajjiżna.
Waqt din il-Lejla ta’ Poeżija u Mużika nqraw poeżiji kemm mill-membri tal-Għaqda Poeti Maltin preżenti, kif ukoll minn numru sabiħ ta’ tfal u żgħażagħ mill-Imtarfa. Il-kantawtur Vince Fabri pprovda l-mużika permezz tal-kanzunetti tiegħu, kollha b’tema attwali. Parti mill-istess serata kienet il-Premjazzjoni tal-Konkors tal-Poeżija f’rabta ma’ Jum l-Imtarfa. Il-konkorrenti żgħar u żgħażagħ ingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni u r-rebbieħa ngħataw ukoll kotba sponsorjati mil-Librerija Merlin tal-Blata l-Bajda.
Il-Lejla ta’ Poeżija u Mużika ngħalqet minn diskors tas-Sindku tal-Imtarfa, is-Sur Anton Mifsud, li rringrazzja lill-Kunsilliera preżenti u lil dawk kollha li pparteċipaw f’avveniment bħal dan. Huwa qal li l-Kunsill huwa dejjem miftuħ għal okkażjonijiet simili. Wara huwa ta rigal lill-Għaqda Poeti Maltin bħala ħajr għax-xogħol tagħha f’rabta mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Is-Segretarju tal-Għ.P.M., Charles Magro, ukoll ippreżenta żewġ medalji bħala ringrazzjament lis-Sindku, kif ukoll lill-kantawtur Vince Fabri. Fl-aħħar tal-Lejla dawk preżenti gawdew ukoll minn riċeviment ippreparat mill-istess Kunsill Lokali.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment