Pages

Monday, September 2, 2013

Serata f'Għawdex



Nhar is-Sibt 31 ta' Settembru, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Ministeru għal Għawdex tellgħu Serata ta' Poeżija u Mużika fil-bini tal-ministeru ġewwa l-Victoria Għawdex.
Kienet Serata mill-isbaħ u milquta b'kollox li għaliha kien hemm preżenti numru sabiħ ta udjenza, fosthom il-Ministru għal-Għawdex l-Onor.Anton Refalo.
Fetaħ is-Serata l-president tal-Għaqda s-Sur Charles Magro fejn ta' merħba 'l dawk preżenti u qal illi din kienet il-ħames attivita' li saret ġewwa Għawdex u t-tielet li kienet qed issir taħt il-patroċinju tal-Ministru għal-Għawdex. Hu qal ukoll illi n-numru sabiħ tal-pubbliku li jattendi għal dawn is-Serati jagħmlilna kuraġġ li dawn għandhom għandhom isiru aktar spiss.

Wara li nqraw l-ewwel erba' poeżiji smajna l-għanja ħelwa 'Marija ta' Wied il-Għajn' mil-kantanta żagħżugħa Josephine Marie Grima akkumpanjata mil-kitarrist Joe Engerer u l-Flawtista Charlene Portelli. Aktar tard kellna wkoll lis-Sopran Rosabel Pavia li flimkien mal-mużiċisti tawna l-kompożizzjoni tagħha stess 'Fis-Swar taċ-Ċittadella' versi ta' Charles Bezzina. 

Matul is-Serata inqraw poeżiji ta' erba' Membri Onorarji Għawdxin li huma: 
Ġannninu Cremona, Marċell Mizzi, Kav. Kelinu Vella Haber u l-Kan. Joe Meilaq.
Filwaqt illi Ġanninu Cremona qara' l-poeżiji tiegħu stess Mark, qara l-poeżiji ta' nannuh Marċell Mizzi u l-poeżiji l-oħrajn ġew fdati f-idejn Salv Sammut u Miriam Ellul. 

Waqt l-intervall saru preżentazzjonijiet lil-kantanti u mużiċisti u lis-Sur Charles Bezzina, il-persuna illi ħadem u għen ħafna biex din is-Serata kienet ta' suċċess kbir! Hawnhekk il-Ministru l-Onor Anton Refalo għamel id-diskors tiegħu. 

Is-Serata kienet ippreżentata minn Miriam Ellul.

Wednesday, July 10, 2013

l-Għaqda Poeti Maltin f'Dar l-Emigrant Lulju 2103

Għal darb’oħra, l-Għaqda Poeti Maltin żammet l-appuntament ta' kull xahar billi xi membri tal-Għaqda u dawk kollha li bħalna niggustaw il-poeżija ltqajna flimkien  nhar is-Sibt, 6 ta’ Lulju f'Dar l-Emigrant. Din  id-darba, il-laqgħa kienet ftit differenti minn laqgħat oħra. Minħabba li din is-sena jaħbat il-ħamsin sena mill-mewt tal-Poeta Rużar Briffa, Dr.Karmenu Mallia għadu kif kiteb essej bl-isem ta’ Il-Poeżija tat-tbatija f’Rużar Briffa b’riferenza għall-poeta Franċiż Alfred de Vigny. Dan l-istess essej ġie miġbur fi ktejjeb ta’ 24 paġna għal dawk kollha li jixtiequ jiksbu kopja tiegħu għal prezz baxx ħafna. Għaldaqstant waqt il-laqgħa, is-sur Salv Sammut qara xi siltiet minn dan il-ktejjeb għan-nom ta' Dr Mallia.  Is-Sur Patrick Sammut qara wkoll xi poeżiji ta' Briffa u għamel diversi riflessjonijiet,  Ma setax jonqos li ħafna minn dak li kienu preżenti qraw ukoll xi xogħoljiet minn tagħhom.

KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA “Mons. A. Buontempo” 2013


 REGOLAMENTI

1.   Kull poeżija tista’ tkun f’kull forma, ma tridx tkun itwal minn tletin (30) vers u trid tkun oriġinali u qatt imxandra jew ippubblikata qabel.  Tista’ tkun bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan.

2.   Kull poeżija trid tkun ittajpjata fi tliet (3) kopji bi spazju doppju.

3.   Il-Konkors hu miftuħ għal kull min għandu ‘l fuq minn 16-il sena, mhux għall-Membri tal-Għ.P.M. biss.  Iżda l-Membri tal-Kumitat tal-Għ.P.M. ma jistgħux jieħdu sehem.

4.   Kull konkorrent jista’ jibgħat sa tliet (3) poeżiji.

5.   Kull poeżija għandha tidher taħt psewdonimu. Isem il-poeżija, l-isem u l-indirizz tal-konkorrent flimkien mal-psewdonimu addottat, għandhom ikunu f’envelop issiġillat, li għandu jkun mehmuż mal-poeżiji.  Imbagħad, flus, envelop issiġillat u poeżiji jintbagħtu f’nevelop wieħed.

6.   Jingħataw tliet (3) premjijiet lill-ewwel tliet (3) poeżiji rebbieħa bil-Malti. Ir-rebbieħ ta’ l-ewwel premju għall-poeżija bil-Malti jingħata l-Premju “Mons. A. Buontempo”.  Jingħataw żewġ (2) premjijiet oħra għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bl-Ingliż, u żewġ (2) premjijiet għall-aħjar żewġ (2) poeżiji bit-Taljan.

7.   L-Għaqda Poeti Maltin iżżomm il-jedd li tippubblika bla ħlas (għallinqas darba) il-poeżiji li jidħlu għall-Konkors.

8.    Il-poeżiji li jitressqu għall-Konkors ma jingħatawx lura.

9.   Ħadd ma jkollu jedd għal aktar minn premju wieħed, iżda jista’ jissemma b’ġieħ għal aktar minn poeżija waħda.

10.   Il-Ġurija titħabbar mar-riżultat u d-deċiżjoni tagħha tkun finali.

11.  Kull konkorrent irid jibgħat €10 jekk mhux membru tal-Għ.P.M.  Jekk hu membru jibgħat €5 Ewro, basta jkun regolari fil-ħlas tas-Sħubija (2012). Dan għandu jsir immaterjalment minn jekk il-konkorrent jiħux sehem b’poeżija waħda, tnejn jew tlieta.  Il-ħlas għandu jsir b’ċekk, indirizzat lis-Sur S. Sammut, u inkluż mal-poeżiji u l-envelop issiġillat bid-dettalji ta’ min jieħu sehem.  Ħlas f’bolol ma jiġix aċċettat.

12.  Il-poeżiji u l-ħlas iridu jaslu għand is-Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Salv. Sammut, 2, “The Quest”, Blk.R, Trejqet il-Ġilju, Mtarfa, MTF 1430,  sal-31 t’Awwissu 2012.

13.  Lista tax-xogħlijiet li jkunu waslu għand is-Segretarju tidher fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda kif jidher hawn fuq wara d-data tal-għeluq.

14.   Id-data taċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni titħabbar aktar tard.

15.  Min jonqos f’xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jiġi mill-ewwel skwalifikat.

Monday, June 24, 2013

L-Għaqda Poeti Maltin u l-Laqgħa tas-Sibt, 6 ta’ Lulju



Billi din is-sena Rużar Briffa qed ikun imfakkar fil-50 sena minn mewtu, l-Għaqda Poeti Maltin ħasbet biex matul il-laqgħa tal-ewwel Sibt tax-xahar li jmiss, jiġifieri fis-6 ta’ Lulju, ikun iddedikat ftit ħin għal dan il-poeta mill-Belt Valletta.
Dr. Carmel Mallia se jaqra esej bil-Malti bl-isem, "Il-Poeżija tat-Tbatija f'Rużar Briffa b'referenza għall-poeta Franċiż  Alfred de Vigny." Dan l-istess studju se jkun ippubblikat fi ktejjeb ta' 24 paġna u se jkun għall-bejgħ waqt din il-laqgħa li ssir f’Dar l-Emigrant – ħdejn dħul il-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq – bejn l-10am u 12pm. Il-ktejjeb se jinbigħ għall-prezz ta’ €3 u l-qligħ imur għall-Għaqda Poeti Maltin. Il-ktejjeb dwar Rużar Briffa se jkun b'xi stampi, jagħti l-karatteristiċi tal-poeżija tat-tbatija ta' Rużar Briffa u fih Dr. Mallia jqabbel xi punti li ħareġ ma' xi karatteristiċi tal-poeta Franċiż Alfred de Vigny (1797-1863). Dan l-esej oriġinarjament inkiteb bl-Esperanto mill-istess Dr. Karmenu Mallia u deher flimkien ma' esejs ta' awturi esperantisti oħra fil-'Festlibro de A al B/por Andre' Albault', ippubblikat mill-Edition Iltis, Franza. 
Kulħadd huwa mistieden. Se jkun hemm ukoll ħin biex dawk preżenti jaqraw kemm poeżiji ta’ Rużar Briffa kif ukoll versi tagħhom stess.

Wednesday, June 12, 2013

Laqgħa bejn il-Kumitat u żewġ kittieba Maltin mill-Awstralja

Nhar il-Ħamis, 6 ta' Ġunju, il-membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin kellhom laqgħa informali ma' żewġ kittieba Maltin mill-Awstralja. Dawn huma Lou Drofenik minn Melbourne, awtriċi ta' rumanzi bħal Birds of Passage, In Search of Carmen Caruana, Of Cloves and Bitter Almonds, Cast the Long Shadow, u l-aktar reċenti, Beloved Convict; u Frank Zammit minn Sydney, awtur ta' ġabriet ta' poeżiji bħal Bejn Żewġ Gżiriet, Qwiel minn Fomm l-Imġarrab, u l-aktar reċenti, Mixjieti fi Triqatek. L-Għ.P.M. u ż-żewġ kittieba Maltin-Awstraljani tkellmu dwar kif jistgħu jitjiebu r-relazzjonijiet bejn l-Għaqda u l-kittieba Maltin fl-Awstralja, u anki dwar kif jistgħu jissaħħu r-rabtiet bejn it-tielet ġenerazzjoni tal-Maltin fl-Awstralja u persuni tal-istess eta' f'Malta.

Sunday, June 2, 2013



Nhar is-Sibt, l-1 ta’ Ġunju, membri tal-Għaqda Poeti Maltin qraw poeżiji tagħhom f’Dar l-Emigrant, ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq, il-Belt Valletta.

Tuesday, May 28, 2013

“Nhar is-Sibt, l-1 ta’ Ġunju, l-Għaqda Poeti Maltin qed tistieden lil dawk kollha li jixtiequ jaqraw poeżiji minn tagħhom b’liema lsien ikun f’Dar l-Emigrant, ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq bejn l-għaxra ta’ filgħodu u nofsinhar. Kulħadd huwa ħieles li jippreżenta l-kitbiet tiegħu fuq liema ġeneru jrid imbasta dan ikun wieħed li ma joffendi lil ħadd. Qiegħda tkun ħaġa sabiħa u ta’ min jinkoraġġiha li tfal żgħar qed jitħajru jiġu biex jaqraw il-poeżiji ukoll jekk dawn ma jkunux kitbuhom huma stess. L-importanti huwa li dawn it-tfal ineħħu l-mistħija minn fuqhom.”

Saturday, May 25, 2013

Serata Ġewwa r-Razzett tal-Markiż


Għal darb'oħra, l-Għaqda Poeti Maltin, tellgħet lejla ta qari ta poeżija ġewwa r-razzett tal-Markiħ fil-Mosta. F'ambjent mill-isbaħ imżewwaq b'kuluri tal-fjuri u żiffa ħelwa, udjenza ġmielha nġabret biex tapprezza l-kitba moqrija minn membri tal-istess Għaqda.
Il-President is-Sur Charles Magro, qal illi għalkemm il-poeżija fiha t-teknika tagħha xorta kull karba jew għajta ta ferħ li toħrog mil-qalb tissejjaħ poeħija. Huwa stieden lil dawk preżenti biex jifhmu u joqgħodu attenti għal dak li se jisimgħu għax b'hekk biss wieħed iħoss sudisfazzjon tal-kitba tiegħu.
Fost il-mistednin kien hemm is-Sur Frank Zammit, Malti li jgħix ġewwa l-Awstralja, u li għamel żmien membru tal-Għaqda Poeti Maltin. Huwa qal illi jixtieq li jerġa jibda jikkorrespondi magħna u wara li qara żewġ poeżiji offra għaxar kotba tiegħu lil Għaqda Poeti Maltin.
Iżżewwaq il-poeżija kien hemm il-Mużika li din id-darba giet offruta lilna mil-kitarrist Ray Ellul li semmalna siltiet sbieħ minn tal-Beatles.
Il-grupp Talent Mosti offra kotba lil Għaqda fl-okkażjoni tal-anniversarju tagħhom. Aħna nirringrazzjawjhom talli ta kull sena joffrulna dan il-post sabiħ biex inkunu nistgħu inqattgħu sagħtejn flimkien f'ambjent tradizzjonali.

Saturday, May 18, 2013

Ikla fir-Razzett l-Antik f'Ħal Qormi


Nhar is-Sibt, 18 ta' Mejju 2013, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat ikla għall-membri tagħha. Din saret fir-Razzett l-Antik, f'Ħal Qormi, fejn dawk preżenti setgħu jgawdu ikel tipikament Malti. Din kienet okkażjoni oħra fejn il-membri tal-Għ.P.M. setgħu jiltaqgħu u jitkellmu dwar suġġetti differenti f'atmosfera informali.

Wednesday, May 8, 2013

l-Għaqda Poeti Maltin fl-Imtarfa



Nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, tellgħu serata mużiko-poetika ġewwa l-iskola Primarja tal-istess raħal. Għal din l-attivita’ kien hemm preżenti s-Sindku s-Sur Daniel Attard u l-kunsilliera u membri tal-Għaqda Poeti Maltin. Kienhemm ukoll il-Kap tal-Iskola s-sinjura Joanne Mifsud.

Is-serata fetħet b’diskors mil-Viċi President tal-Għaqda s-Sur Patrick Sammut u kompliet b’qari ta’ poeżiji minn diversi membri tal-Għaqda u kunsilliera. Fost il-poeti u qarrejja kienhemm wkoll żewġt itfal li qraw poeżiji miktubin minnhom stess.

Fl-aħħar saret preżentazzjoni ta’ kotba lil-Kap tal-iskola Primarja tal-Imtarfa u wara għamel id-diskors tiegħu is-Sindku.

Għal din l-attivita’ li ġiet ippreżentata minn Miriam Ellul. kellna bħala mistieden il-kantant Lawrence Gray li tagħna tlett kanzunetti mil-isbaħ li komplew żewqu din is-serata.

Lejla ta' Poeżija r-Razzett tal-Markiż

Il-Lejla ta' Poeżija li jmiss ser issir ġewwa r-Razzett tal-Markiż il-Mosta, nhar il-Ġimgħa 24 ta' Mejju, fis-7pm. Kulħadd huwa mistieden biex jiġi jaqra l-poeżiji tiegħu fl-ambjent ħelu ta' dan ir-razzett.

Monday, May 6, 2013

Qari ta’ Poeżiji f’Dar l-Emigrant



Qari ta’ Poeżiji f’Dar l-Emigrant
L-Għaqda Poeti Maltin żammet l-appuntament ta’ kull xahar fejn il-poeti u ħbieb tal-poeżija jiltaqgħu f’Dar l-Emigrant u bejn kikkra kafe’ u oħra, jaqraw xi poeżija u jgħidu kelma.  Illum kien ta’ sodisfazzjon li fostna kien hemm taħlita’ ta’ żgħażagħ flimkien ma’ awturi aktar maturi.  Ma jonqsux ukoll żewġt itfal ħelwin li wkoll qraw poeżija favorita tagħhom.  Interessanti wkoll,  membru ġdid tal-Għaqda Poeti Maltin, persuna li titħaddet tajjeb ir-Russu, l-ewwel lingwa tagħha, l-Ingliż u l-Malti li tgħallmitu matul dawn il-ftit snin kemm ilha Malti.  Mhux biss imma rreċitat ukoll tliet poeżiji minn tagħha, bil-Malti bl-amment!  Bħas-soltu, kull poeżija ta’ kull poeta hija differenti, kull waħda tixhed il-personalita’ differenti tal-poeta.  Iltqajna bħas-soltu għall-ħabta tal-10.00 am.  Inħeġġu lil dawk kollha li jew għandhom xi poeżija, jew anke dawk kollha li forsi qatt ma kitbu imma jħobbu jisimgħu l-poeżija sabiex iżommu l-appuntament għal xahar ieħor u jiltaqgħu magħna. 

Sunday, April 28, 2013

Qari ta' Poeżiji f'Dar l-Emigrant

Nhar is-Sibt, 4 ta' Mejju, filgħodu bejn l-10:00 u nofsinhar, l-Għaqda Poeti Maltin tistieden lil dawk kollha, membri u mhumiex biex jiġu f'Dar l-Emigrant, il-belt Valletta għal nofstanhar ta' qari ta' poeżiji fuq kull ġeneru u b'kull lingwa.

Thursday, April 25, 2013

SERATA TA’ POEŻIJA - JUM L-IMTARFA

L-GĦAQDA POETI MALTIN u l-KUNSILL LOKALI MTARFA
jistiednu lilek, ‘il-familjari tiegħek, u l-ħbieb għal Serata ta’ Poeżija u Mużika bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’JUM L-IMTARFA.

Is-Serata se ssir is-Sibt, 4 ta’ Mejju 2012, fis-7:30 pm fl-iSkola Primarja ta’ l-iMtarfa

Ġibu l-Poeżiji tagħkom biex taqrawhom. Tistgħu taqraw ukoll poeżiji ta’ ħaddieħor. Kulħadd hu mistieden biex jieħu sehem.

Saturday, April 20, 2013

It-Tnedija tal-Ktieb Vacanza Romane 2012



Nhar il-Ġimgħa 19 t’April saret it-tnedija tal-ktieb Vacanza Romane 2012, liema ktieb ħareġ mil-pinna ta’ Dr. Emmanuel Attard Cassar. Il-preżentazzjoni ġiet fdata f’idejn l-Għaqda Poeti Maltin u saret ġewwa ċ-Ċentru Kommunita’ Franġiskana tal-Furjana.   Waqt din is-serata inqraw siltiet ta’ proża u poeżija mill-ktieb u bħas-soltu kellna tisbiħ bil-mużika u l-kant ta’ Walter Micallef.

Numru sabiħ ta’ membri tal-Għaqda flimkien mal familja ta’ Emmanuel u membri tal-Gruppi Familji Franġiskani setgħu virtwalment jgħaddu mit-toroq ta’ Ruma u jħossu il-ġmiel ta’ din il-Belt eterna’, kif inhi msejħa. Il-ktieb jispjega tajjeb l-esperjenzi illi Emmanuel għadda minnhom flimkien mal-familja tiegħu ġewwa Ruma. Waħda mil-kitbiet tiegħu, illi ġġib l-isem ta’ Il Frate di Via Cairoli, toħodna lura għas-snin tmenin meta l-awtur u xi ħbieb tiegħu kienu marru jżuru xi kunventi ġewwa Ruma flimkien ma Patri Filippu, illi kien ukoll preżenti għal din is-serata.

L-introduzzjoni saret mill-President tal-Għaqda s-Sur Charles Magro fejn qal illi kien pjaċir tal-Għaqda illi tippreżenta dan il-ktieb ta’ membru tagħha u esprima wkoll sodisfazzjon għan-numru mdaqqas ta’ udjenza. Huwa qal illi Ruma hija tlitt ibliet f’waħda ... Ruma Kristjana, Ruma storika u Ruma moderna. Il-President tal-għaqda rringrazzja wkoll lil-kantant Walter Micallef talli aċċetta l-istedina tagħna.
Wara din l-introduzzjoni Charles Magro qara l-poeżija mil-l-istess ktieb Vacanze Romane 2012 ... Roma u wara smajna lil Patrick Sammut jaqra s-silta Il Frate di Via Cairoli. Il-poeżija Magnificenza nqrat minn Salv Sammut ... poeżija fejn l-awtur jiddeskrivi mument ta’ paċi fil-kumpanija tal-familja tiegħu waqt li qegħdin jieħdu l-fatra ġewwa l-lukanda. Un Problema Irrisolvibile silta ħelwa mil-ktieb inqrat mis-Sur Azzopardi, membru fi ħdan il-Grupp Familji Franġiskani.

Hawnhekk wasal il-ħin biex Emmanuel jagħmel l-intervent tiegħu u beda billi tkellem dwar l-esperjenza illi kellu s-sena l-oħra ġewwa Ruma, fejn mar flimkien mal-familja tiegħu biex jakkumpanjaw lit-tifel Jack, ġewwa l-Vatikan, bħala abbati. Huwa qal illi din l-esperjenza ġiegħlithom jikbru u jissaħħu flimkien u ħass illi għandu jesprimniha f’dan il-ktieb. Huwa qal ukoll illi kellhom l-opportunita’ illi jżuru Assisi, pajjiż kwiet u trankwilll kif jiddeskrivu tajjeb it-tlitt poeżiji illi nqraw u li jġibu l-istess isem.

Wara d-diskors t’ Emmanuel inqrat poeżija oħra tiegħu minn Omar Seguna bl-isem ta’ Percorso u fl-aħħar inqraw ukoll poeżiji mil-membri tal-Għaqda Poeti Maltin, Therese pace u John Mallia.

Is-serata ingħalqet minn Patri Filippu Cutajar, li qali li kien ilu ħafna snin jaf lil Emmanuel u jħossu kburi illi dan il-kittieb għażel iċ-Ċentru Komunita’ Franġiskana għal-preżentazzjoni tal-ktieb tiegħu fejn wieħed jista’ jinduna wkoll bl-ispirtu Franġiskan.
Wara kulħadd baqa’ fiċ-ċentru għal-bibita.

Ippreżentat din is-serata Miriam Ellul.