Pages

Saturday, November 3, 2012

L-GĦPM Ser tipparteċipa Waqt Il-Fiera Tal-Ktieb

Membri tal-Għaqda Poeti Maltin se jaqraw xogħolijiet tagħhom waqt il-Fiera tal-Ktieb.

07-11-2012  Omar Seguna 6.00pm-6.30pm
08-11-2012  Omar Seguna 6.00pm-6.30pm
09-11-2012  Godwin Ċini 5.15pm-5.30pm
10-11-2012  Salv Sammut  5.30pm-6,00pm
10-11-2012  Miriam Ellul 6.00pm-6.30pm
11-11-2012  Leanne Ellul 3.00pm-3.30pm
11-11-2012  Joseph Sciberras 6.00pm-6.30pm 
11-11-2012  Emmanuel Attard Cassar 6.00pm-6.30pm

Saturday, October 27, 2012

LEJLA TA’ POEŻIJA F’ĠIEĦ ANTON BUTTIGIEG


Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Ottubru 2012, fis-7p.m., l-Għaqda Poeti Maltin, tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-“Poeta tan-Natura”, Anton Buttigieg. Din id-darba l-post magħżul kien ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fil-Mosta (li llum hu wkoll Ċentru Kulturali Nazzjonali),  immexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-lejla tmexxiet mill-P.R.O. tal-Għ.P.M., Miriam Ellul. Id-diskors tal-ftuħ sar mill-President ta’ din l-għaqda, Charles Magro. Hu qal li hu xieraq li jitfakkar il-mitt anniversarju mill-mewt ta’ dan il-poeta li kien ukoll President ta’ Malta. Fakkar li Buttigieg kiteb bosta poeżiji dwar in-natura għax hemm kien isib is-serħan u l-armonija, filwaqt li kien jemmen li l-bniedem ftit għandu post fil-versi tiegħu ladarba dan hu sinonimu ta’ qirda. Wara nqraw bijografija ta’ Anton Buttigieg u studju kritiku dwar il-forom metriċi u prosodiċi mħaddma minn dan il-poeta matul is-snin. Il-membri tal-Għ.P.M. qraw għadd ta’ poeżiji kemm miktubin mill-istess Anton Buttigieg, kif ukoll poeżiji oriġinali - miktubin minn xi membri tal-Għ.P.M. u persuni preżenti - ispirati minn dan il-poeta romantiku. Għal din is-serata kienu preżenti t-tliet ulied ta’ Anton Buttigieg: Dr. John Buttigieg, is-Sinjura Rose Brincat u Dr. Emmanuel Buttigieg, magħruf ukoll bħala Manol. Dan tal-aħħar qara tliet poeżiji minn tiegħu ddedikati lil missieru, filwaqt li Dr. John Buttigieg irrakkonta xi aneddoti interessanti dwar meta kien jgħix ma’ missieru fil-Ħamrun. Għal darb’oħra l-intervalli mużikali tħallew f’idejn il-kantanta lirika Analise Sciriha li żewqet is-serata billi kantat għanjiet klassiċi b’ilsna differenti. Wara s-serata kien hemm bibita għal dawk li attendew.

Sunday, October 21, 2012

Lejla Anton Buttigieg

Nhar il-Ġimgħa 26 ta' Ottubru, fis-7 p.m., l-Għaqda Poeti Maltin, flimkien mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti, se ttella' Lejla ta' Poeżija oħra, din id-darba biex tfakkar il-100 sena mit-twelid tal-poeta Għawdxi, Anton Buttigieg. Il-post se jkun fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta, wara r-Rotunda. 

Dawk li jattendu se jkollhom ukoll ħin biex jaqraw il-poeżiji tagħhom. Waqt is-serata f'ġieħ Anton Buttigieg jistgħu jinqraw kemm poeżiji tal-Poeta kif ukoll poeżiji dwar dan il-"Poeta tan-Natura" miktubin minn dawk li jattendu.

Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b'xejn.

Friday, October 19, 2012

L-Għaqda Poeti Maltin taħtar Membru Onorarju ġdid




Nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru, fis-7 p.m., fis-sala ewlenija tas-Soċjetà tal-Arti Manifattura u Kummerċ, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika li matulha ħatret lis-Sur Rigu Bovingdon bħala Membru Onorarju tagħna. Il-lejla infetħet mill-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li fid-diskors tiegħu fakkar li l-Għaqda ilha mwaqqfa sa mill-1975 u li matul dawn is-snin kollha ħatret bosta Membri Onorarji bħal Karmenu Vassallo, Ġorġ Zammit, Ġużè Aquilina, Ġużè Chetcuti, Wallace Gulia, Ġorġ Pisani, patri Wistin Born, imma anki oħrajn reċenti bħal V.M. Pellegrini, Carmel Mallia, Ġianninu Cremna, il-Kan. Joe Meilaq, Kelinu Vella Haber, Marċell Mizzi, Alfred Palma, Lina Brockdorff u Peter Caruana. Magro fakkar ukoll li matul dawn is-snin l-Għaqda gawdiet prestiġju kbir bħalma kienu l-għaxar edizzjonijiet tal-Premio Città di Valletta li kien taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta u li kien jingħata lil personalitajiet li jkunu eċċellaw f’oqsma artistiċi differenti. Magro sostna li isem l-Għ.P.M. huwa magħruf u maħbub anki barra minn Malta, inkluż fl-Awstralja, fejn għandha wkoll il-membri tagħha. Qal ukoll li l-ħatra ta’ Bovingdon bħala Membru Onorarju żgur għandha sservi ta’ spinta lill-istess Għaqda biex isimha jkompli jinfirex fil-kontinent Awstraljan.
Il-lejla tmexxiet mis-Sinjura Miriam Ellul, il-P.R.O., li qrat ukoll bijografija tal-mistieden speċjali. Is-Sur Paul Buhagiar ipprovda l-intervalli mużikali b’kanzunetti b’ilsna differenti. Waqt il-lejla l-membri preżenti qraw xi poeżiji minn tagħhom bit-tliet ilsna ewlenin, waqt li tkellmu fil-qosor dwar l-isfond tal-poeżiji tagħhom. Il-lejla laħqet il-quċċata meta Rigu Bovingdon qara waħda mill-poeżiji tiegħu, miktuba b’Malti mill-isbaħ u mirqum. Wara, il-President, Charles Magro, u l-viċi-President, Patrick Sammut, ippreżentaw id-diploma ta’ ħatra bħala Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin lil Rigu Bovingdon, flimkien ma’ xi kopji tal-antoloġiji poetiċi li l-Għaqda ppubblkat matul is-snin u medalja. F’diskors qasir, Bovingdon esprima l-ħajr tiegħu għall-fiduċja li l-Għ.P.M. wriet fih u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jiftakru f’dawk il-Maltin kollha li ħallew lil art twelidhom biex bnew il-familji tagħhom f’pajjiżi barranin, imma li xorta baqgħu jħobbu lil Malta b’qalbhom kollha.
Fl-aħħar is-Sur Rigu Bovingdon ippreżenta lill-President tal-Għ.P.M. ċekk ta’ 100 Ewro bħala turija ta’ ħajr fl-Għaqda msemmija.

Wednesday, October 10, 2012

Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija għat-tfal 2012

Regolamenti

1.       L-istudenti parteċipanti jridu jkunu ta’ eta’ ta’ bejn id-disgħa u l-ħdax –il sena.

2.      Il-poeżiji jistgħu jkunu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u s-suġġett huwa wieħed liberu.

3.      Kull konkorrent irid jibgħat tliet kopji separati ta’ kull poeżija li jibgħat (mhux aktar minn tliet poeżiji kull persuna) f’dan l-indirizz:
Charles Mifsud
51, “Caris” Triq F Zahra,
Birkirkara
BKR 1782

4.      Ma’ kull poeżija jinħtieġ li jidhru b’mod ċar l-isem u l-kunjom, l-eta’ tal-konkorrent, l-indirizz residenzjali, numru tat-telefon/mobajl, flimkien mal-isem tal-iskola fejn jattenti/tattendi. 

5.      Kull poeżija ma tridx tkun itwal minn tletin vers.

6.      Data tal-għeluq tkun it-tletin ta’ Novembru 2012.  Wara din id-data ma jiġux aċċettati poeżiji oħra.

7.      Jingħataw tliet premijiet, l-ewwel, it-tieni u t-tielet u jistgħu jingħataw premijiet lil dawk li jissemmew b’ġieh mill-ġurija.

8.      Jingħataw ukoll ċertifikati / diploma lil parteċipanti kollha.

9.      Kull deċiżjoni tal-ġurija hija finali u inappellabbli.

Monday, October 1, 2012

Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija f’B’Kara mill-Għaqda Poeti Maltin



Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru, 2012, fis-7 p.m., l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ B’Kara. Lejla bħal din seħħet in kontemporanja ma’ lejliet ta’ poeżija oħra madwar id-dinja kollha bħala parti mill-inizzjattiva 100,000 Poets for Change li seħħet għall-ewwel darba fl-2011. Din is-sena saru mat-800 reading f’115 pajjiż differenti. It-temi ewlenin ittrattati mill-poeti parteċipanti huma l-paċi, is-sostenibbiltà u l-bidla lejn dinja aħjar.
Il-Lejla nfetħet b’diskors tal-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li wera l-pjaċir tiegħu li Malta, permezz tal-Għaqda, kienet għal darb’oħra qed titpoġġa fuq il-mappa dinjija permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-event internazzjonali. Qal ukoll li l-poeta għandu d-dmir li jaħdem biex iġib dinja aħjar, u dan permezz tal-poeżija tiegħu. Matul il-Lejla mtella’ mill-Għ.P.M. u li għaliha attendew bosta persuni, ipparteċipaw mal-15-il poeta li qraw poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Il-Lejla tmexxiet minn Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għaqda u l-kantanta lirika Analise Schiriha żewqet l-avveniment b’kanzunetti jew għanjiet mir-repertorju liriku Malti u internazzjonali.
Għal darb’oħra avveniment bħal dan seta’ jseħħ bl-għajnuna tal-membru attiv u poeta, Therese Pace. Avveniment bħal dan u l-poeżiji li nqraw matul il-Lejla se jittella’ fuq is-sit virtwali u internazzjonali www.100TPC.org Wara s-serata dawk preżenti kienu mistiedna għal bibita.

Friday, September 21, 2012

Lejla Internazzjonali ta' Poeżija

L-Għaqda Poeti Maltin se ttella'
nhar il-Ġimgħa, 28 ta' Settembru, fis-7 p.m. f'kollaborazzjoni mal-avveniment internazzjonali 100 Thousand Poets for Change. Il-post se jkun il-Kunsill Lokali ta' Birkirkara, Ċentru Ċiviku, Triq Tumas Fenech (wara l-Knisja ta' Santa Liena). L-idea wara dan l-avveniment internazzjonali huwa biex tinħoloq kuxjenza favur il-bidla ambjentali, soċjali u politika, u dan kollu fi struttura ta' paċi u sostenibbilta'. Għalhekk il-Membri tal-Għaqda Poeti Maltin, flimkien ma' dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-poeżija u anki dak kollu li hu favur il-paċi, huma mistiedna jattendu u jġibu magħhom poeżiji, anki b'ilsna differenti, biex jaqrawhom quddiem dawk preżenti. Ma ninsewx li din il-Lejla se tkun parti minn avveniment internazzjonali li għandu l-istess għanijiet. Malta diġa' pparteċipat is-sena l-oħra f'dan l-avveniment permezz tal-Għaqda Poeti Maltin. Nerġgħu nkunu preżenti u nħajru lil dawk ta' madwarna biex jattendu, jaqraw jew jisimgħu poeżiji differenti biex ningħaqdu ma' bosta pajjiżi oħra mid-dinja kollha.

SOROPTIMIST PEACE EVENT PRGRAMME

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għal Paċi, id-19 ta’ Settembru, is-Soroptimist Peace Movement – Malta, tellgħat lejla ta’ attività kulturali b’risq il-Paċi ħdejn il-qanpiena l-kbira qrib il-breakwaters. F’dik il-lejla tkantaw kanzunetti u inqraw poeżiji u messaġġi dwar il-valur u l-importanza tal-paċi bejnietna u madwar id-dinja. L-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna tieħu sehem. Il-President, is-Sur Charles Magro; il-Segretarju, is-Sur Salv Sammut u l-Assistent Teżorier, is-Sur Godwin Cini laqgħu din l-istedina fejn is-Sur Godwin Cini, f’isem l-Għaqda Poeti Maltin, qara poeżija miktuba minnu stess waqt li l-President u s-Segretarju xegħlu xemgħa ċkejkna kull wieħed fil-bidu tal-attività u waħda mdaqqsa nxtegħlet mill-President waqt il-messaġġ tas-Sur Godwin Cini. Fl-aħħar tal-attività, saru messaġġi mis-Sinjura Kate Gonzi, mart il-Pim Ministru u s-Sinjura Michelle Muscat, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni. Wara, tfal żgħar tajru ħamiem bħala turija ta’ paċi. Made of Love Life is made of Roses, bright stars and of love. Life is made of sunshine, blue seas and of white doves. Life is made of Smiles, caring and giving kisses. Life is made of hugging, handshakes and the sincerest wishes. Death is made of hatred, bloodsheds and of evil desire. Death is made of Torture, killing And of tire. So let’s forgive, love And shelter together And hand in hand, we can live for ever. Godwin Cini Published by The Ghaqda Poeti Maltin, International Library of Poets and by Green Peace International.

Made of Love

Life is made of
Roses, bright stars
and of love.

Life is made  of
sunshine, blue seas
and of white doves.

Life is made of
Smiles, caring and
giving kisses.

Life is made of
hugging, handshakes
and the sincerest wishes.

Death is made of
hatred, bloodsheds
and of evil desire.

Death is made of
Torture, killing
And of tire.

So let’s forgive, love
And shelter together
And hand in hand, we can live for ever.

Godwin Cini
Published by The Ghaqda Poeti Maltin,
International Library of Poets and
by Green Peace International.

Friday, September 7, 2012

Serata f’ġieħ is-Sur Alfred Massa

Fil-5 ta’ Settembru, ġewwa Dar il-Kejka Ħal-Tarxien, L-Għaqda Poeti Maltin tellgħet serata f’ġieħ is-Sur Alfred Massa, ex-President tal-istess għaqda. Fost il-pubbliku kienhemm is-Sindku ta’ Ħal-Tarxien il-Kav.Pawlu Farrugia, il-Viċi Sindku, kunsilliera u membri. Waqt din l-attivita’ xi membri qraw uħud mix-xogħlijiet ta’ dan il-kittieb ... fosthom poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan u siltiet minn rumanzi u novelli. Il-President attwali, s-Sur Charles Magro, ppreżenta din is-serata u fetaħ billi għamel diskors ta’ apprezzament dwar is-Sur Massa. Il-kantawtur Walter Micallef żewwaq din l-attivita’ bi kliem u mużika mil-isbaħ li ħarġu mil-pinna tiegħu stess. Alfred Massa ġie ukoll mogħti t-titlu prestiġjuż ta’ president Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. Fid-diskors tiegħu is-Sur Massa qal kif flimkien mas-Sur Amante Buontempo kienu l-ewwel pijunieri tal-Għaqda Poeti Maltin u pass wara pass u b’ħidma b’ħafna dedikazzjoni laħaq sal-ogħla kariga. Huwa qal illi jixtieq jgħaddi messaġġ lil-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro, l-istess messaġġ illi għaxar snin qabel kien ġie mgħoddi lilu mil-Professur Buontempo ... biex jibqa jħobb l-Għaqda. Huwa rringrazzja lil-dawk kollha preżenti, lis-Sindku u anki lil-membri tas-sehem illi taw u li qegħdin jagħtu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas irringrazzja wkoll lis-sinjura tiegħu talli dejjem kienet ta’ għajnuna u ta sapport matul l-impenn tiegħu fi ħdan l-Għaqda Poeti Maltin. Is-Sindku il-Kav. Pawlu Farrugia faħħar lis-Sur Massa għax-xogħol metikoluż tiegħu u ta’ ħidmietu mhux biss fl-Għaqda Poeti Maltin imma wkoll għax-xogħol li jwettaq għal-parroċċa ta’ Ħal-Tarxien, li tant iħobb. Is-Sur Massa ingħata wkoll tifkiriet għal-okkażjoni.

Tuesday, August 28, 2012

PARTEĊIPANTI KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2012

POEŻIJI PARTEĊIPANTI BIL-MALTI Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ Slam - Detox. Lil Uliedi - Warda. Lil Josette - Warda. L-Imħabba - Warda. Sfaret Wisq - Tariqat. Pjaga Mixgħula - Tariqat. Għarqbejn - Tariqat. Serbut Twil Ma Jaqta’ xejn - Obitwarju. Pasturi tax-xema’ - Obitwarju. Nawfraġju Ieħor - Obitwarju. L-arka u Giglio - Insomnia. Ħallini nkun għalik - Insomnia. Ħlomt Bik (Malta) - Insomnia. F’sabratha - Ovidju. Bersall - Ovidju. Crossroads - Ovidju. Murtali - Maltija. Alliterazzjoni - Maltija. Fis-sitta - Maltija. Ħalel - Tamiet. Min hu barra barra - Tamiet. Soru - Tamiet. Ġewwa Sqaq - Felini. Għadda - Passaġġ. Il-Ħmar il-Lejl - Sukkulenti. Il-Liquid u l-Mostru tad-demm - Luċija 2. Sodisfazzjon - Sodisfatt. Il-Qabda - Innoċenti. Għaliex - Dimitrius. Taħt dawlet il-qamar - Tozzi. Fidwet il-marid - Tozzi. Teżor jismu Jaelle - Tozzi. Maħfra - Krietel u Mrietel. Għamilna Dmierna - Poeżija Maltija. It-tama solitarja - Damaris. L-aħħar ballata - Damaris. L-illużjoni tal-imħabba - Damaris. Ħarbana qalbek - Erasmus. Meta jkollok - Cupid. Kundanna - Ħarifa. Bidla - Vjola. Jistenna - Tfulija. Ħamrija - Saqwi. Speranza - Les Sharpes. Xtaqt insebbaħ did-dinja mill-ġdid - Ġakaranda. Faqar - Imħasseb. Gwerer - Nittama. Aħbini - Leo. Il-kliem - Patch. Telefonata - Patch. Meta konna tfal - Kelma. Darba waħda noħlom bik - Kelma. mill-istampi mingħalik konfessjonali - Kelma. rabta - Astronawta. għajta ħiemda - Astronawta. Troglodita - Iktus. Lill-Vittmi Ta’ Tsunami - Iktus. Kwietek - Qawwara. Jekk trid - Mnara. Adelġiza - Scheherazade. X’innotajt fil-Mellieħa - Chopin. Avolja bebbuxu tant ħass għalija - Rimsky Korsakov. Lejla mħeġġa - Għalenija. Għammiela bla ħajja - Għalenija. ---------------------------------------------------------------------------------- POEŻIJI PARTEĊIPANTI BlL-INGLIŻ Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ My Fate - Karma. I love you - Lover. The Rock - Dimitrius. Blue Tongued Lizard - Green Mamba. I Am Waiting - Come Back. My Special Place - Shamrock. Nature Graveyard - Asphodelus. Siege of Glory - Valletta. Why? - Kuruna tar-Rand. Don’t Judge the Thoughts - Patch. Voudeville - Sofia Soleil. ---------------------------------------------------------------------------------- POEŻIJI PARTEĊIPANTI BIT-TALJAN Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ Pentirmi mai - Casada. Intimità - Casada. Ipocrisia - Casada. Patèma - Sitio. Tu Sei - Libsa. Sola - Tajra. Poverta - Tifla.

Sunday, August 5, 2012

LEJLA TA’ QARI TA’ POEŻIJI FIL-KALKARA

L-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Awwissu, tellgħat Lejla oħra ta’ qari ta’ poeżiji. Is-serata tmexxiet minn Sa Miriam Ellul flimkien mas-Sur Ray Ellul u Paul Buhagiar li ħadu ħsieb il-mużika ta’ bejn il-qari tal-poeżiji. Fetaħ il-Lejla, il-President tal-Għaqda, is-Sur Charles Magro li għamel kelmtejn tal-okkażjoni. Wara, diversi membri tal-Għaqda flimkien ma’ resident mill-Kalkara, qraw ix-xogħlijiet tagħhom flimkien ma’ Joanne u Ann Marie Mifsud mill-Kalkara stess kantaw kanzunetta kull wieħed. Fl-aħħar tas-serata għamel messaġġ is-Sindku tal-Kalkara, is-Sur Michael Cohen u wara, il-President tal-Għaqda Poeti Maltin ippreżenta memento ta’ tifkira lis-Sindku.

Tuesday, May 29, 2012

Lejla Mużiko-Letterarja mill-Għaqda Poeti Maltin fl-Imtarfa

Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna biex ittella’ Lejla ta’ Poeżija u Mużika f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa f’rabta ma’ Jum l-Imtarfa. Din is-sena l-Lejla saret is-Sibt, il-21 ta’ April, fis-7.30 p.m. Il-post kien dak abitwali, jiġifieri l-Iskola Primarja tal-Imtarfa. Għal din il-Lejla ta’ Poeżija l-membri tal-Għ.P.M. ipparteċipaw bi ħġarhom u qraw poeżiji bit-tliet ilsna u ttrattaw diversi suġġetti bħalma huma l-ambjent, it-twemmin, is-soċjetà moderna, u aspetti oħrajn. Kien hemm ukoll min qara versi ta’ San Ġwann tas-Salib u min ispira ruħu mill-kitbiet ta’ Thomas Merton. Ħadu sehem ukoll għadd ta’ tfal u persuni oħrajn tal-lokal li qraw versi minn tagħhom. Fetaħ is-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, li esprima l-pjaċir tiegħu li l-Għaqda u l-Kunsill Lokali tal-Imtarfa żammew dan l-appuntament annwali għal dawn l-aħħar erba’ snin u wera ċ-ċertezza li rabta bħal din se tkompli tissaħħaħ. Mexxiet is-serata, Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għ.P.M. li għoġobha żżewwaq il-lejla anki b’numru ta’ kwotazzjonijiet minn kittieba magħrufa dwar il-qasam tal-poeżija. Il-parti mużikali ġiet afdata lill-kantanta żagħżugħa Marie. Fl-aħħar tas-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, Anton Mifsud, taw tokens bħala tifkira tal-okkażjoni. Is-Sindku għalaq il-Lejla b’diskors qasir fejn sostna l-impenn tiegħu biex il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa jaħdem biex ir-residenti jkollhom ukoll dejjem iktar lejliet ta’ natura kulturali bħal dawn. Dawk li attendew għal-Lejla Mużiko-Letterarja fl-aħħar kienu mistiedna wkoll għal bibita.

Wednesday, April 25, 2012

Ċirkolari nru 2 - Serata f'Ħal Safi

II-Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Ħal Safi fl-okkażjoni mill-mewt tal-Poeta Anastasju Cuschieri u l-mitejn sena mit-twelid ta’ Charles Dickens, permezz tal-Kap tal-Iskola, l-Assistenta Kap u l-Għalliema, flimkien mal-Kunsill tal-Iskola qegħdin jistiednu lil membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin flimkien ma’ mistieden/a għal Serata Mużika-Letterarja fil-Jum tal-Premjazzjoni għas-sena skolastika 2010/11. Din se ssir nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2012 fis-6:30 ta’ filgħaxija fis-sala tal-iskola. Minħabba l-postijiet biex wieħed joqgħod bilqiegħda, huwa importanti li dawk li se jattendu jew li mhux se jattendu jinformaw lil President, is-Sur Charles Magro jew lill-Assistent Segetarju, is-Sur Charles Mifsud jew iċemplu fl-iskola fuq in-numru 21649056. Salv Sammut SEGRETARJU

Sunday, April 22, 2012

Ċirkolari nru 1 Premjazzjoni Tfal 2012

Ninformakom li nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ April sejra ssir il-premjazzjoni tal-Konkors tal-Poeżija Għat-Tfal 2012. Din se ssir fil-Belt Valletta fiċ-Ċentru tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fis-6:30 ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mitlub li jattendi u jkun fil-ħin.

Monday, April 16, 2012

Lejla ta’ Poeżija mill-Għaqda Poeti Maltin fil-Mosta



Nhar is-Sibt, 14 ta’ April, 2012, fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Dan f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-Lejla nfetħet b’diskors qasir mill-viċi-President tal-Għ.P.M., is-Sur Patrick Sammut, fl-assenza tal-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro. Sammut tkellem dwar il-Kumitat il-ġdid li għandu jservi għat-tliet snin li ġejjin u qal li huwa magħmul kemm minn membri veterani kif ukoll minn demm ġdid, mela membri li jidhru li daħlu b’enerġija u li lesti li jagħtu sehemhom sewwa. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ixerrdu l-kelma u jħeġġu mhux biss lil membri oħra tal-Għ.P.M. biex jattendu għal Lejliet bħal dawn imma anki ħbieb u persuni interessati fil-poeżija. Qal ukoll li tkun idea tajba li Lejliet bħal dawn iservu wkoll bħala vetrina ta’ dak li qed jagħmlu xi membri tal-Għ.P.M. rigward pubblikazzjoni ta’ ġabriet ta’ poeżija u kotba oħra. Waqt din il-Lejla tkellem l-assistent Segretarju tal-Għ.P.M. u poeta Charles Mifsud dwar il-ġabra tiegħu ta’ poeżiji reliġjużi u Marjani, Il-Blata Tiegħi (2011). Dawk preżenti għal-Lejla ta’ Poeżija fil-Mosta kellhom l-opportunità jaqraw iżjed minn poeżija waħda. Inqraw poeżiji b’ilsna, temi u stili differenti. Il-Lejla kienet imżewqa wkoll mill-mużika u kanzunetti folk ta’ Walter Micallef, preżenza regolari waqt Lejliet bħal dawn. Fl-aħħar tas-serata Sammut irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għal-Lejla u anki lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti u l-President tagħha, is-Sur Joe Bartolo, għall-kooperazzjoni li dejjem urew mal-Għ.P.M. Wara l-qari tal-poeżiji, dawk preżenti kienu mistednin għal bibita bejn il-ħbieb.