Mhux l-ewwel darba li lmentajt dwar in-nuqqas ta' wħud mill-membri fl-attivitajiet tal-Għaqda. Tajjeb infakkar li bosta minn dawn l-attivitajiet isiru propju għall-membri nfushom.
Bħalissa ninsabu fis-Sajf. L-attivitajiet tagħna jibqgħu għaddejjin, għalhekk wieħed jistenna li l-attendenza tal-membri tiżdied għax is-Sajf iġib miegħu inqas irbit.
Ma jdumx ma jitħabbar il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2011. Okkażjoni fejn il-membri jistgħu jesponu vrushom; immaterjali jispiċċawx rebbieħa jew le. Jisgħobbija ngħid li kultant aktar ikollna parteċipanti li mhumiex membri milli mill-membri nfushom. Dan m'għandux ikun.
Ta' min ifakkar li l-Għaqda Poeti Maltin qiegħda hemm biex tgħin qabel xejn lill-membri tagħha billi fost affarijiet oħra toffrilhom opportunitajiet biex joħorġu għad-dawl il-poeżiji li jkunu nisġu matul is-sena.
Jalla aħna l-membri ngħinu lill-Għaqda u fl-istess ħin nagħmlu użu mill-għajnuna li l-Għaqda toffri lilna.
ALFRED MASSA
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment