Pages

Friday, February 5, 2010

Premjazzjoni Konkors Nazzjonali tal-Poeżija għat-Tfal 2009 


Nhar il-Ġimgħa, 5 ta' Frar 2010, l-Għ.P.M. organizzat il-Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali ta' Poeżija għat-Tfal 2009 fis-Sala Ġużeppi Despott, Diviżjoni tal-Edukazzjoni, il-Furjana. Il-preżentatur kien Dr Joseph Axiaq, li flimkien ma' Dr Manuel Attard Cassar ħadu ħsieb l-organizzazzjoni tal-Konkors.

F'kelmtejn għall-okkażjoni, il-President tal-Għaqda, Alfred Massa, qal li għal dawn l-aħħar 9 snin l-Għ.P.M. ħasbet fl-importanza tat-tfal li huma l-irġiel u n-nisa ta' għada. Dan għax fehmet li jekk inderru lit-tfal jinnamraw mal-poeżija nkunu qegħdin ninvestu fl-imħabba lejn din l-arti sabiħa fil-ġejjieni. Massa ħeġġeġ lill-kbar biex ikunu ta' eżempju għaż-żgħar billi huma stess juru interess fil-qari tal-poeżija.  Il-President appella lil dawk preżenti biex jirreferu spiss għas-sit elettroniku tal-Għaqda fejn isibu tagħrif dwar l-attivitajiet tagħha. Fl-aħħar nett Massa irringrazzja lil kulmin ta sehmu biex il-Konkors seta' jkun suċċess kif kieku ta' qablu. Ringrazzjamenti speċjali saru lid-Djar tal-Pubblikazzjoni Merlin Library Ltd u Agius&Agius it-tnejn ta' Blata l-Bajda li sponsorjaw ir-rigali tal-Konkors. 

F'kummenti li għamlet il-Ġurija, magħmula mis-Sinjuri Mary Grace Caruana, Clair Zerafa u l-Kav. Carmel Bianchi, uriet is-sodisfazzjoni tagħha għan-numru sabiħ ta' poeżiji li daħlu, li qabżu l-100, kif ukoll għal-livell ġenerali li deher fil-poeżiji. F'uħud dehret l-għajnuna kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-għalliema. Dis-sena l-Konkors kien miftuħ għall-istudenti tal-aħħar sena tal-primarja u tal-ewwel sena tas-sekondarja.

Riżultat: 1. Refuġjat ta' Daniel Borg (Victoria, Għawdex); 2. Lil Ommi ta' Franklyn Beldacchino (M'Xlokk); 3. St. Paul's Poem ta' Laury Sam Cauchi (San Pawl il-Baħar); 4. L-Isbaħ Milied ta' Janelle Borg (Għajnsielem, Għawdex); 5. In-Nanniet Tiegħi ta' Miguel Gruppetta (Żejtun); 6. Comfort ta' Erika Harvey (Qawra); 7. Il-Fjuri ta' Maria Cassar (Xewkija, Għawdex); 8. Il-Kelb u lo-Qattus ta' Christian Vella (M'Xlokk); 9. TV Time ta' Odin Mamo (Pieta') u 10. A Puppet Called ta' Kristy Borg (Buġibba).

No comments:

Post a Comment