Pages

Monday, October 1, 2012

Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija f’B’Kara mill-Għaqda Poeti Maltin



Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru, 2012, fis-7 p.m., l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ B’Kara. Lejla bħal din seħħet in kontemporanja ma’ lejliet ta’ poeżija oħra madwar id-dinja kollha bħala parti mill-inizzjattiva 100,000 Poets for Change li seħħet għall-ewwel darba fl-2011. Din is-sena saru mat-800 reading f’115 pajjiż differenti. It-temi ewlenin ittrattati mill-poeti parteċipanti huma l-paċi, is-sostenibbiltà u l-bidla lejn dinja aħjar.
Il-Lejla nfetħet b’diskors tal-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li wera l-pjaċir tiegħu li Malta, permezz tal-Għaqda, kienet għal darb’oħra qed titpoġġa fuq il-mappa dinjija permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-event internazzjonali. Qal ukoll li l-poeta għandu d-dmir li jaħdem biex iġib dinja aħjar, u dan permezz tal-poeżija tiegħu. Matul il-Lejla mtella’ mill-Għ.P.M. u li għaliha attendew bosta persuni, ipparteċipaw mal-15-il poeta li qraw poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Il-Lejla tmexxiet minn Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għaqda u l-kantanta lirika Analise Schiriha żewqet l-avveniment b’kanzunetti jew għanjiet mir-repertorju liriku Malti u internazzjonali.
Għal darb’oħra avveniment bħal dan seta’ jseħħ bl-għajnuna tal-membru attiv u poeta, Therese Pace. Avveniment bħal dan u l-poeżiji li nqraw matul il-Lejla se jittella’ fuq is-sit virtwali u internazzjonali www.100TPC.org Wara s-serata dawk preżenti kienu mistiedna għal bibita.

Friday, September 21, 2012

Lejla Internazzjonali ta' Poeżija

L-Għaqda Poeti Maltin se ttella'
nhar il-Ġimgħa, 28 ta' Settembru, fis-7 p.m. f'kollaborazzjoni mal-avveniment internazzjonali 100 Thousand Poets for Change. Il-post se jkun il-Kunsill Lokali ta' Birkirkara, Ċentru Ċiviku, Triq Tumas Fenech (wara l-Knisja ta' Santa Liena). L-idea wara dan l-avveniment internazzjonali huwa biex tinħoloq kuxjenza favur il-bidla ambjentali, soċjali u politika, u dan kollu fi struttura ta' paċi u sostenibbilta'. Għalhekk il-Membri tal-Għaqda Poeti Maltin, flimkien ma' dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-poeżija u anki dak kollu li hu favur il-paċi, huma mistiedna jattendu u jġibu magħhom poeżiji, anki b'ilsna differenti, biex jaqrawhom quddiem dawk preżenti. Ma ninsewx li din il-Lejla se tkun parti minn avveniment internazzjonali li għandu l-istess għanijiet. Malta diġa' pparteċipat is-sena l-oħra f'dan l-avveniment permezz tal-Għaqda Poeti Maltin. Nerġgħu nkunu preżenti u nħajru lil dawk ta' madwarna biex jattendu, jaqraw jew jisimgħu poeżiji differenti biex ningħaqdu ma' bosta pajjiżi oħra mid-dinja kollha.

SOROPTIMIST PEACE EVENT PRGRAMME

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għal Paċi, id-19 ta’ Settembru, is-Soroptimist Peace Movement – Malta, tellgħat lejla ta’ attività kulturali b’risq il-Paċi ħdejn il-qanpiena l-kbira qrib il-breakwaters. F’dik il-lejla tkantaw kanzunetti u inqraw poeżiji u messaġġi dwar il-valur u l-importanza tal-paċi bejnietna u madwar id-dinja. L-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna tieħu sehem. Il-President, is-Sur Charles Magro; il-Segretarju, is-Sur Salv Sammut u l-Assistent Teżorier, is-Sur Godwin Cini laqgħu din l-istedina fejn is-Sur Godwin Cini, f’isem l-Għaqda Poeti Maltin, qara poeżija miktuba minnu stess waqt li l-President u s-Segretarju xegħlu xemgħa ċkejkna kull wieħed fil-bidu tal-attività u waħda mdaqqsa nxtegħlet mill-President waqt il-messaġġ tas-Sur Godwin Cini. Fl-aħħar tal-attività, saru messaġġi mis-Sinjura Kate Gonzi, mart il-Pim Ministru u s-Sinjura Michelle Muscat, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni. Wara, tfal żgħar tajru ħamiem bħala turija ta’ paċi. Made of Love Life is made of Roses, bright stars and of love. Life is made of sunshine, blue seas and of white doves. Life is made of Smiles, caring and giving kisses. Life is made of hugging, handshakes and the sincerest wishes. Death is made of hatred, bloodsheds and of evil desire. Death is made of Torture, killing And of tire. So let’s forgive, love And shelter together And hand in hand, we can live for ever. Godwin Cini Published by The Ghaqda Poeti Maltin, International Library of Poets and by Green Peace International.

Made of Love

Life is made of
Roses, bright stars
and of love.

Life is made  of
sunshine, blue seas
and of white doves.

Life is made of
Smiles, caring and
giving kisses.

Life is made of
hugging, handshakes
and the sincerest wishes.

Death is made of
hatred, bloodsheds
and of evil desire.

Death is made of
Torture, killing
And of tire.

So let’s forgive, love
And shelter together
And hand in hand, we can live for ever.

Godwin Cini
Published by The Ghaqda Poeti Maltin,
International Library of Poets and
by Green Peace International.

Friday, September 7, 2012

Serata f’ġieħ is-Sur Alfred Massa

Fil-5 ta’ Settembru, ġewwa Dar il-Kejka Ħal-Tarxien, L-Għaqda Poeti Maltin tellgħet serata f’ġieħ is-Sur Alfred Massa, ex-President tal-istess għaqda. Fost il-pubbliku kienhemm is-Sindku ta’ Ħal-Tarxien il-Kav.Pawlu Farrugia, il-Viċi Sindku, kunsilliera u membri. Waqt din l-attivita’ xi membri qraw uħud mix-xogħlijiet ta’ dan il-kittieb ... fosthom poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan u siltiet minn rumanzi u novelli. Il-President attwali, s-Sur Charles Magro, ppreżenta din is-serata u fetaħ billi għamel diskors ta’ apprezzament dwar is-Sur Massa. Il-kantawtur Walter Micallef żewwaq din l-attivita’ bi kliem u mużika mil-isbaħ li ħarġu mil-pinna tiegħu stess. Alfred Massa ġie ukoll mogħti t-titlu prestiġjuż ta’ president Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. Fid-diskors tiegħu is-Sur Massa qal kif flimkien mas-Sur Amante Buontempo kienu l-ewwel pijunieri tal-Għaqda Poeti Maltin u pass wara pass u b’ħidma b’ħafna dedikazzjoni laħaq sal-ogħla kariga. Huwa qal illi jixtieq jgħaddi messaġġ lil-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro, l-istess messaġġ illi għaxar snin qabel kien ġie mgħoddi lilu mil-Professur Buontempo ... biex jibqa jħobb l-Għaqda. Huwa rringrazzja lil-dawk kollha preżenti, lis-Sindku u anki lil-membri tas-sehem illi taw u li qegħdin jagħtu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas irringrazzja wkoll lis-sinjura tiegħu talli dejjem kienet ta’ għajnuna u ta sapport matul l-impenn tiegħu fi ħdan l-Għaqda Poeti Maltin. Is-Sindku il-Kav. Pawlu Farrugia faħħar lis-Sur Massa għax-xogħol metikoluż tiegħu u ta’ ħidmietu mhux biss fl-Għaqda Poeti Maltin imma wkoll għax-xogħol li jwettaq għal-parroċċa ta’ Ħal-Tarxien, li tant iħobb. Is-Sur Massa ingħata wkoll tifkiriet għal-okkażjoni.

Tuesday, August 28, 2012

PARTEĊIPANTI KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2012

POEŻIJI PARTEĊIPANTI BIL-MALTI Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ Slam - Detox. Lil Uliedi - Warda. Lil Josette - Warda. L-Imħabba - Warda. Sfaret Wisq - Tariqat. Pjaga Mixgħula - Tariqat. Għarqbejn - Tariqat. Serbut Twil Ma Jaqta’ xejn - Obitwarju. Pasturi tax-xema’ - Obitwarju. Nawfraġju Ieħor - Obitwarju. L-arka u Giglio - Insomnia. Ħallini nkun għalik - Insomnia. Ħlomt Bik (Malta) - Insomnia. F’sabratha - Ovidju. Bersall - Ovidju. Crossroads - Ovidju. Murtali - Maltija. Alliterazzjoni - Maltija. Fis-sitta - Maltija. Ħalel - Tamiet. Min hu barra barra - Tamiet. Soru - Tamiet. Ġewwa Sqaq - Felini. Għadda - Passaġġ. Il-Ħmar il-Lejl - Sukkulenti. Il-Liquid u l-Mostru tad-demm - Luċija 2. Sodisfazzjon - Sodisfatt. Il-Qabda - Innoċenti. Għaliex - Dimitrius. Taħt dawlet il-qamar - Tozzi. Fidwet il-marid - Tozzi. Teżor jismu Jaelle - Tozzi. Maħfra - Krietel u Mrietel. Għamilna Dmierna - Poeżija Maltija. It-tama solitarja - Damaris. L-aħħar ballata - Damaris. L-illużjoni tal-imħabba - Damaris. Ħarbana qalbek - Erasmus. Meta jkollok - Cupid. Kundanna - Ħarifa. Bidla - Vjola. Jistenna - Tfulija. Ħamrija - Saqwi. Speranza - Les Sharpes. Xtaqt insebbaħ did-dinja mill-ġdid - Ġakaranda. Faqar - Imħasseb. Gwerer - Nittama. Aħbini - Leo. Il-kliem - Patch. Telefonata - Patch. Meta konna tfal - Kelma. Darba waħda noħlom bik - Kelma. mill-istampi mingħalik konfessjonali - Kelma. rabta - Astronawta. għajta ħiemda - Astronawta. Troglodita - Iktus. Lill-Vittmi Ta’ Tsunami - Iktus. Kwietek - Qawwara. Jekk trid - Mnara. Adelġiza - Scheherazade. X’innotajt fil-Mellieħa - Chopin. Avolja bebbuxu tant ħass għalija - Rimsky Korsakov. Lejla mħeġġa - Għalenija. Għammiela bla ħajja - Għalenija. ---------------------------------------------------------------------------------- POEŻIJI PARTEĊIPANTI BlL-INGLIŻ Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ My Fate - Karma. I love you - Lover. The Rock - Dimitrius. Blue Tongued Lizard - Green Mamba. I Am Waiting - Come Back. My Special Place - Shamrock. Nature Graveyard - Asphodelus. Siege of Glory - Valletta. Why? - Kuruna tar-Rand. Don’t Judge the Thoughts - Patch. Voudeville - Sofia Soleil. ---------------------------------------------------------------------------------- POEŻIJI PARTEĊIPANTI BIT-TALJAN Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ Pentirmi mai - Casada. Intimità - Casada. Ipocrisia - Casada. Patèma - Sitio. Tu Sei - Libsa. Sola - Tajra. Poverta - Tifla.

Sunday, August 5, 2012

LEJLA TA’ QARI TA’ POEŻIJI FIL-KALKARA

L-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Awwissu, tellgħat Lejla oħra ta’ qari ta’ poeżiji. Is-serata tmexxiet minn Sa Miriam Ellul flimkien mas-Sur Ray Ellul u Paul Buhagiar li ħadu ħsieb il-mużika ta’ bejn il-qari tal-poeżiji. Fetaħ il-Lejla, il-President tal-Għaqda, is-Sur Charles Magro li għamel kelmtejn tal-okkażjoni. Wara, diversi membri tal-Għaqda flimkien ma’ resident mill-Kalkara, qraw ix-xogħlijiet tagħhom flimkien ma’ Joanne u Ann Marie Mifsud mill-Kalkara stess kantaw kanzunetta kull wieħed. Fl-aħħar tas-serata għamel messaġġ is-Sindku tal-Kalkara, is-Sur Michael Cohen u wara, il-President tal-Għaqda Poeti Maltin ippreżenta memento ta’ tifkira lis-Sindku.

Tuesday, May 29, 2012

Lejla Mużiko-Letterarja mill-Għaqda Poeti Maltin fl-Imtarfa

Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna biex ittella’ Lejla ta’ Poeżija u Mużika f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa f’rabta ma’ Jum l-Imtarfa. Din is-sena l-Lejla saret is-Sibt, il-21 ta’ April, fis-7.30 p.m. Il-post kien dak abitwali, jiġifieri l-Iskola Primarja tal-Imtarfa. Għal din il-Lejla ta’ Poeżija l-membri tal-Għ.P.M. ipparteċipaw bi ħġarhom u qraw poeżiji bit-tliet ilsna u ttrattaw diversi suġġetti bħalma huma l-ambjent, it-twemmin, is-soċjetà moderna, u aspetti oħrajn. Kien hemm ukoll min qara versi ta’ San Ġwann tas-Salib u min ispira ruħu mill-kitbiet ta’ Thomas Merton. Ħadu sehem ukoll għadd ta’ tfal u persuni oħrajn tal-lokal li qraw versi minn tagħhom. Fetaħ is-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, li esprima l-pjaċir tiegħu li l-Għaqda u l-Kunsill Lokali tal-Imtarfa żammew dan l-appuntament annwali għal dawn l-aħħar erba’ snin u wera ċ-ċertezza li rabta bħal din se tkompli tissaħħaħ. Mexxiet is-serata, Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għ.P.M. li għoġobha żżewwaq il-lejla anki b’numru ta’ kwotazzjonijiet minn kittieba magħrufa dwar il-qasam tal-poeżija. Il-parti mużikali ġiet afdata lill-kantanta żagħżugħa Marie. Fl-aħħar tas-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, Anton Mifsud, taw tokens bħala tifkira tal-okkażjoni. Is-Sindku għalaq il-Lejla b’diskors qasir fejn sostna l-impenn tiegħu biex il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa jaħdem biex ir-residenti jkollhom ukoll dejjem iktar lejliet ta’ natura kulturali bħal dawn. Dawk li attendew għal-Lejla Mużiko-Letterarja fl-aħħar kienu mistiedna wkoll għal bibita.

Wednesday, April 25, 2012

Ċirkolari nru 2 - Serata f'Ħal Safi

II-Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Ħal Safi fl-okkażjoni mill-mewt tal-Poeta Anastasju Cuschieri u l-mitejn sena mit-twelid ta’ Charles Dickens, permezz tal-Kap tal-Iskola, l-Assistenta Kap u l-Għalliema, flimkien mal-Kunsill tal-Iskola qegħdin jistiednu lil membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin flimkien ma’ mistieden/a għal Serata Mużika-Letterarja fil-Jum tal-Premjazzjoni għas-sena skolastika 2010/11. Din se ssir nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2012 fis-6:30 ta’ filgħaxija fis-sala tal-iskola. Minħabba l-postijiet biex wieħed joqgħod bilqiegħda, huwa importanti li dawk li se jattendu jew li mhux se jattendu jinformaw lil President, is-Sur Charles Magro jew lill-Assistent Segetarju, is-Sur Charles Mifsud jew iċemplu fl-iskola fuq in-numru 21649056. Salv Sammut SEGRETARJU

Sunday, April 22, 2012

Ċirkolari nru 1 Premjazzjoni Tfal 2012

Ninformakom li nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ April sejra ssir il-premjazzjoni tal-Konkors tal-Poeżija Għat-Tfal 2012. Din se ssir fil-Belt Valletta fiċ-Ċentru tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fis-6:30 ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mitlub li jattendi u jkun fil-ħin.

Monday, April 16, 2012

Lejla ta’ Poeżija mill-Għaqda Poeti Maltin fil-Mosta



Nhar is-Sibt, 14 ta’ April, 2012, fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Dan f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-Lejla nfetħet b’diskors qasir mill-viċi-President tal-Għ.P.M., is-Sur Patrick Sammut, fl-assenza tal-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro. Sammut tkellem dwar il-Kumitat il-ġdid li għandu jservi għat-tliet snin li ġejjin u qal li huwa magħmul kemm minn membri veterani kif ukoll minn demm ġdid, mela membri li jidhru li daħlu b’enerġija u li lesti li jagħtu sehemhom sewwa. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ixerrdu l-kelma u jħeġġu mhux biss lil membri oħra tal-Għ.P.M. biex jattendu għal Lejliet bħal dawn imma anki ħbieb u persuni interessati fil-poeżija. Qal ukoll li tkun idea tajba li Lejliet bħal dawn iservu wkoll bħala vetrina ta’ dak li qed jagħmlu xi membri tal-Għ.P.M. rigward pubblikazzjoni ta’ ġabriet ta’ poeżija u kotba oħra. Waqt din il-Lejla tkellem l-assistent Segretarju tal-Għ.P.M. u poeta Charles Mifsud dwar il-ġabra tiegħu ta’ poeżiji reliġjużi u Marjani, Il-Blata Tiegħi (2011). Dawk preżenti għal-Lejla ta’ Poeżija fil-Mosta kellhom l-opportunità jaqraw iżjed minn poeżija waħda. Inqraw poeżiji b’ilsna, temi u stili differenti. Il-Lejla kienet imżewqa wkoll mill-mużika u kanzunetti folk ta’ Walter Micallef, preżenza regolari waqt Lejliet bħal dawn. Fl-aħħar tas-serata Sammut irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għal-Lejla u anki lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti u l-President tagħha, is-Sur Joe Bartolo, għall-kooperazzjoni li dejjem urew mal-Għ.P.M. Wara l-qari tal-poeżiji, dawk preżenti kienu mistednin għal bibita bejn il-ħbieb.

Friday, March 30, 2012

L-Għaqda Poeti Maltin fl-Iskola ta' Ħal Safi




Din is-sena qegħdin niċċelebraw għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Patri Anastasju Cuschieri, O.Carm. L-Għaqda Poeti Maltin ġa kkommemorat lil dan il-Poeta fir-rivista VERSI.

It-tfal u l-għalliema ta’ l-iSkola Primarja ta’ Ħal Safi, Kulleġġ San Benedittu, imbarkaw fuq proġett biex dan il-Poeta jkun magħruf aktar.

Talbu wkoll l-għajnuna tal-Għaqda Poeti Maltin fl-organizzazzjoni ta’ special assembly, li għaliha attendew l-istaff u l-istudenti kollha ta’ l-iskola. Kienu mistednin ukoll il-ġenituri. Din l-assemblea saret fil-15 ta’ Marzu 2012, fis-sala kbira u sabiħa ta’ l-iSkola, li hi wkoll għall-użu tal-komunità.

Fetaħ il-laqgħa l-President tal-Għaqda Poeti Maltin, Charles Magro, li tkellem ftit fuq l-Għaqda Poeti Maltin, u mbagħad inkwadra lil Patri Anastasju Cuschieri fil-komunità tal-Patrijiet Karmelitani, li hi l-ħajja li għażel li jgħix minħabba d-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna; devozzjoni li wasslitu biex jibqa’ magħruf bħala “Il-Poeta tal-Madonna”. Inkwadrah ukoll bħala bniedem politiku fi żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa, biex ippreżentah bħala ħabib kbir ta’ l-Ilsien Malti, u ta’ dak kollu li hu Malti.

L-istduenti ta’ l-iSkola ddrammatizzaw xi poeżiji ta’ Patri Cuschieri. Is-Segretarju tal-Għ.P.M., Salv. Sammut, qara biografija qasira tal-Poeta. Charles Mifsud, Assistent Segretarju tal-Għ.P.M., qara studju qasir, miktub minn Patrick Sammur, Viċi President tal-Għ.P.M., li ttratta lill-Poeta mill-ħidma tiegħu għall-Ilsien Malti. Bernardette Mercieca, Assistent Kap ta’ l-iSkola qrat studju qasir li għamlet fuq waħda mill-poeżiji ta’ Cushieri li dari konna naqraw fil-kotba tal-Malti li kellna aħna meta konna għadna mmorru l-iskola primarja.

Il-Kap ta’ liSkola, Maria Montebello, għalqet il-laqgħa billi rringrazzjat lil kulmin ħa sehem, spjegat fuq fuq il-proġett ta’ l-iSkola, u qalet li l-iSkola li tmexxi mhux se tieqaf taħdem biex dak kollu li hu Malti mhux biss ma jintilifx, iżda tikber l-importanza tiegħu f’qalb il-poplu Malti kollu.

Thursday, March 1, 2012

Peter Caruana

B'soghba ngħarrfukom li miet Peter Caruana, membru onorarju tal-GħPM. Funeral għada il-Ġimgħa 2 ta' Marzu, knisja ta' Ħal Tarxien 4.15pm.

Wednesday, February 1, 2012

Laqgħa Ġenerali tal-Għ.P.M.


Nhar is-Sibt, 28 ta' Jannar 2012, l-Għaqda Poeti Maltin għamlet il-Laqgħa Ġenerali tagħha ta' kull tliet snin. Din saret fis-sala ewlenija tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kemmerċ, il-Belt Valletta.

Wara l-qari tar-Rapporti tas-soltu: Minuti, Amministrattiv u Finanzjarju sar id-Diskors tal-President. Alfred Massa qal li jħossu kburi li ra lill-Għaqda titwieled u li kellu sehem attiv fit-twelid tagħha. Imbagħad ta rendikont tax-xogħol li l-Għ.P.M. wettqet tul is-snin. Huwa sellem lill-Kumitati preċedenti li tant ħadmu fil-passat biex illum l-Għaqda tgawdi l-istima ta' dawk li verament għandhom għal qalbhom il-poeżija Maltija. Imbagħad Massa ħabbar li hu ma kienx ser jerġa' joħroġ għall-kariga ta' President minħabba raġunijiet ta' saħħa u għax jemmen li tkun ħaġa tajba li kultant snin kull Għaqda jkollha demm ġdid fit-tmexxija tagħha.

Wara saret l-elezzjoni għall-Kumitat il-ġdid għas-snin 2012/2014. Charles Magro nħatar President, Salv Sammut inħatar Segretarju, filwaqt li Doris Chircop kienet konfermata Teżoriera.

Il-membri l-oħra tal-Kumitat huma Dr. Joseph Axiaq, Patrick Sammut, Charles Mifsud u Omar Seguna. Bħala reviżuri nħatru Alfred Palma u Anthony Farrugia.

Fi tmiem il-Laqgħa Charles Magro wiegħed lill-membri preżenti li se jkompli jibni l-Għaqda fuq dak li sab. Huwa appella għall-koperazzjoni tal-imseħbin kollha għax l-Għaqda mhix tal-Kumitat biss, imma tal-membri kollha kemm huma.

Friday, January 20, 2012

LAQGĦA ĠENERALI TA' KULL TLIET SNIN

L-Għaqda Poeti Maltin tfakkar lill-Membri kollha (wara ċ-Ċirkolari li suppost irċevew) li l-Laqgħa Ġenerali ta' kull tliet snin se ssir nhar is-Sibt, 28 ta' Jannar 2012. Il-ħin ikun fid-9.30 am u l-post is-sala ewlenija tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Ta' min ifakkar li jistgħu jivvutaw biex jinħatar il-Kumitat għas-snin 2012/2014 dawk il-membri biss li jkunu regolari fil-ħlas tal-miżata. Min għadu lura fil-miżata jkun jista' jirranġa mat-Teżoriera dakinhar stess. Il-membri huma mħeġġin biex jattendu.

Sunday, December 18, 2011

L-Għ.P.M. TFAKKAR LIL ĠUŻE' AQUILINA


L-Għaqda Poeti Maltin temmet l-attivitajiet tagħha għas-sena 2011 b'Lejla ta' Poeżija ad unur il-Prof. Ġuże' Aquilina f'għeluq iċ-ċentinarju ta' twelidu. Din saret nhar is-Sibt, 17 ta' Diċembru, fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara u tmexxiet minn Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.
F'Kelmtejn fil-qosor fil-bidu tal-Lejla, il-president Alfred Massa qal li l-2011 kienet waħda importanti għall-Għ.P.M. u għal kulmin iħobb il-poeżija Maltija. Matulha tfakkar il-50 anniversarju tal-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali. Tfakkru wkoll iċ-ċentinarji tat-twelid tan-Nutar V.M. Pellegrini u tal-Prof. Ġuże' Aquilina. Dawn it-tlieta kellhom rabta speċjali mal-Għ.P.M. Dun Karm għax poġġa l-poeżija tagħna fuq pedamenti sodi filwaqt li Pellegrini u Aquilina kienu Membri Onorarji ad vitam tal-Għaqda u ngħataw ukoll mill-istess Għaqda il-Premio Citta' di Valletta' premju prestiġjuż organizzat mill-Għ.P.M. ma' żewġ Assoċjazzjonijiet Taljani u li dejjem sar taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika.
Massa temm billi kkwota kliem il-Mons. Prof. Karm Sant dwar il-Profs. Aquilina: Isem Ġ. Aquilina hu punt ta' riferiment ewlieni fil-ġrajja kulturali kollha ta' Malta, u hu monument fl-istorja partikolari tal-Malti. (Leħen il-Malti, 1977).
Wara inqraw diversi xogħlijiet tal-Prof. Aqulina minn dawk preżenti. Inqraw ukoll kitbiet dwaru minn Therese Pace, Peter A. Caruana u Marlene Saliba Toledo.
Fi tmiem il-Lejla, il-President Alfred Massa ta Diploma u Medalja tal-Għ.P.M. lill-poetessa Therese Pace bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħha fi ħdan l-Għaqda.
Il-parti mużikali kienet afdata f'idejn il-kant-awtur Walter Micallef.