Pages

Friday, February 26, 2010

TNEDIJA TA' KTIEB WAQT LEJLA TA' POEŻIJA

Waqt Lejla ta' Poeżija fir-razzett tal-Markiż fil-Mosta, organizzata mill-Għaqda Poeti Maltin saret it-tnedija uffiċjali tal-Ġabra ta' Poeżiji ta' Patrick Sammut u Andrew Sciberras, it-tnejn membri tal-istess Għaqda. Il-Ġabra jisimha Traġitti. L-attendenza numeruża li mliet il-bitħa ta' dan il-lokal semgħet qari ta' poeżiji meħudin mill-ktieb kif ukoll kritika taż-żewġ poeti. Patrick Sammut f'isem Sciberras li ma kienx preżenti minħabba mard fil-familja u f'ismu personali irringrazzja lil kulmin għen kemm fil-pubblikazzjoni tal-ktieb kif ukoll lil dawk preżenti.
Sadattant inqraw numru ta' poeżiji bil-Malti dwar suġġetti varji, filwaqt li l-parti mużikali kienet afdata f'idejn Hilary Spiteri u Bernard Catania.
F'diskors qasir lejn tmiem is-Serata l-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa, stqarr li l-Għ.P.M. tħossha fid-dmir li tgħin fil-pubbliċita' tal-kotba ippubblikati mill-membri tagħha. Massa qal li jħossu kburi b'uħud mill-membri għas-suċċessi li kisbu dan l-aħħar. Fosthom semma lil Joseph Sciberras, lil Charles Bezzina u lil Trevor Żahra li rebħu premjijiet prestiġjużi fl-aħħar Konkors Nazzjonali tal-Ktieb. Magħhom semma lil Sunny Aquilina li l-lirika tiegħu kisbet suċċess fil-Festival tal-Kantunetta Maltija għall-Ewropa; lil Charles Magro u lil Alfred Palma li kienu onorati bl-unuri ta' Ġieħ ir-Repubblika.
Is-Serata tmexxiet mis-Segretarju tal-Għaqda, Charles Magro.

No comments:

Post a Comment