L-Għaqdiet tal-Malti għal xi żmien dehru jgħumu f'baħar imqalleb, tant hu hekk, li kien hemm minhom li għereq.  Issa donnu li dak il-maltemp batta xi ftit, kif juru ċerti attivitajiet li qegħdin jiġu organizzati.
 
Minn maltemp bħal dan tista' tgħaddi wkoll l-Għaqda tagħna.  Ma rridux inserrħu rasna żżejjed għax minn xahar għal xahar il-membri qegħdin jiżdiedu.  Anqas għax naraw l-Għaqda ħawtiela f'diversi attivitajiet li torganizza.
 
Iċ-ċvetta dwar il-ġejjieni tinsab f'idejna lkoll.  Importanti li nħallsu l-miżata regolarment; importanti li nabbonaw f'VERSI.  Imma dan mhux biżżejjed.  Irridu naraw aktar parteċipazzjoni mill-membri tagħna fid-diversi attivitajiet li norganizzaw.  L-Għaqda għandha bżonn aktar membri "ħajjin"; trid tara aktar uċuħ ġodda.  Mhux dejjem l-istess nies iwieġbu għas-sejħiet li tagħmlilhom.
 
Il-Kumitat talab lill-membri s-suġġerimenti tagħhom.  Irċieva numru swostanzjali u fejn hu possibbli qiegħed jipprova jattwahom.  Għalhekk wieħed ma jifhimx ir-raġuni ta' dil-bruda kollha.  Irridu jew ma rridux li l-Għ.P.M. tibqa' ħajja u twettaq il-ġid lill-poeżija f'pajjiżna?
 
It-tweġiba li nistennew hemm bżonn tkun sostnuta bil-fatti, ħbieb!
 
Alfred Massa
President
Tuesday, June 30, 2009
Subscribe to:
Comments (Atom)
 
