Pages

Sunday, February 23, 2014

Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija għat-tfal 2014

Regolamenti

1.     L-istudenti parteċipanti jridu jkunu ta’ eta’ ta’ bejn id-disgħa u l-ħdax –il sena  
        (Year 6 u Form 1).

2.    Il-poeżiji jistgħu jkunu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u s-suġġett huwa wieħed liberu.

3.    Kull konkorrent irid jibgħat tliet kopji separati ta’ kull poeżija li jibgħat (mhux aktar minn tliet poeżiji
       kull persuna) f’dan l-indirizz:   

Charles Mifsud
51, “Caris” Triq F Zahra,
Birkirkara
BKR 1782

4.    Ma’ kull poeżija jinħtieġ li jidhru b’mod ċar l-isem u l-kunjom, l-eta’ tal-konkorrent, l-indirizz
       residenzjali, numru tat-telefon/mobajl, flimkien mal-isem tal-iskola fejn jattenti/tattendi. 

5.    Kull poeżija ma tridx tkun itwal minn tletin (30) vers.

6.    Data tal-għeluq tkun il-ħmistax ta' April 2014.  Wara din id-data ma jiġux aċċettati poeżiji oħra.

7.    Kull poeżija trid tkun mibgħuta fuq karti A4 jew A5 u miktubin kemm jista' jkun b'mod ċar

8.    Jingħataw tliet premijiet, l-ewwel, it-tieni u t-tielet u jistgħu jingħataw premijiet lil dawk li jissemmew
       b’ġieh mill-ġurija.

9.    Ċertifikati u diplomi jingħataw biss lir-rebbieħa u lil dawk li jissemmew b'ġieħ.

10.    Kull deċiżjoni tal-ġurija hija finali u inappellabbli.

Friday, November 29, 2013

Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 'Mons. Amante Buontempo' 2013

Sezzjoni tal-Malti

L-Ewwel: Romanza lir-Rażan, ta' Therese Pace

It-Tieni: Kewkba Mitfija, ta' Josef Borg

It-Tielet: It-Teżor li ħbejt ġo fija, ta' Stefano Farrugia

Sezzjoni tal-Ingliż

L-Ewwel: Contemp(t)orary, ta' Kristina Miggiani

It-Tieni: Dictionary Blues, ta' Therese Vella

Imsemmija b'Ġieħ: Orisons of a Disgruntled Citizen, ta' Therese Pace

Sezzjoni tat-Taljan

L-Ewwel: Luci nel Tramonto, ta' Jane Micallef

It-Tieni: Caro Cuore, ta' Dr. Michelle Muscat

Imsemmija b'Ġieħ: Proposte all'Arno, ta' Therese Pace



Tuesday, November 12, 2013

Avviżi Tal-Għaqda Poeti Maltin



1.   Waqt il-Festival tal-Ktieb ġewwa Dar il-Mediterran, l-Għaqda Poeti Maltin għandha stand bil-kotba li l-membri għoġobhom jgħaddulha biex il-qligħ imur b’risq l-istess Għaqda. Din l-inizjattiva hija nnovattiva għall-Għaqda minħabba li qatt ma kellha stand bil-kotba fil-fieri l-imgħoddija. Il-membri huma mħeġġin jattendu u jgħinu fil-finanzjament tal-Għaqda.
    
2 .   L-Għaqda Poeti Maltin, nhar il-Ħamis, 14 ta’ Novembru, flimkien mal-Kulleġġ San Nikola tal-Imtarfa se torganizza attivita ma’ klassi tal-primarja ta’ eżerċizzju ta’ poeżiji bis-sehem tal-membru tal-Għaqda, Sa Therese Pace.

3.    Nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Novembru, mis-7:00 ’l quddiem, l-Għaqda Poeti Maltin se ttella’ Lejla ta’ Qari ta’ Poeżiji fl-ispazju miftuħ ġewwa Dar il-Mediterran waqt il-Festival tal-Ktieb. Matul din il-lejla, se jiġi mniedi l-ktieb il-ġdid tal-membru Jonathan Balzan. Kulħadd huwa mistieden li jattendi. 

4.   Nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Novembru, ġewwa l-bini tal-Arti, Manifattura u Kummerċ (Palazzo De La Salle) fil-Belt Valletta, l-Għaqda Poeti Maltin se tkun qed iżżomm il-lejla ta’ premjazzjoni għal parteċipanti li ħadu sehem  fill-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija tal-Kbar. Il-ħin ikun fis-6:30 ta’ filgħaxija.

Friday, November 8, 2013

Attività fil-Belt Valletta

Nhar is-Sibt 3 ta’Novembru 2013 , l-Għaqda Poeti Maltin żammet l-appuntament tagħha ta’ kull xahar fejn poeti u ħbieb tal-poeżija ngħidu kelma u naqraw xi poeżiji f’kafeterija fil-Belt Valletta.  Minkejja x-xita qalila, xorta kienet laqgħa interessanti fejni bħas-soltu ddiskutejna diversi temi interessanti.  Fost il-poeżiji moqrija kien hemm “Lil hinn” ta’ Anthony Vidal, poeżija ispirata mix-xahar ta’ Novembru – ix-xahar tal-mejtin.  F’dan ix-xahar li propju qegħdin fih iġagħlna nirriflettu li “Lillu, flus, saħħa” ma jiswew xejn, għax fi kliem il-poeta, “mewt le tieħu magħha”.  Joe Psaila qarha fost oħrajn il-poeżija ħelwa tiegħu “Ftit mill-istorja tiegħi u tiegħek”, ambjentata fi żmien ta’ wara l-gwerra.  Psaila ġabilna ħafna nostalġija għal drawwwiet ta’ l-imgħoddi.  Wara li nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013, -Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-Poeta tan-Nirien, Karmenu Vassallo, Andrew Sciberras reġa’ sellem lil dan il-poeta kbir bil-poeżija tiegħu “Lil Karmenu Vassallo”. 
Elizabeth Buhagiar qrat il-poeżija tagħha “Kemm hu sabiħ”.  Kif tistqarr il-poetessa “Kemm hu sabiħ tgħix fl-armonija” u “kemm hu sabiħ li tfittex kumpanija” u fin-nuqqas tagħhhom tagħraf aktar il-bżonn tagħhom.  Omar Seguna qarha fost oħrajn il-poeżija “Kuntrast”  fejn ħoloq żewġ xenarji ta’ min huwa bil-ġuħ u bl-għatx imma “tbissmu” u ta’ “Persuni li sikru bl-inbid ... imma baqgħu għatxana.”  Ma setax jonqos bħas-soltu ħadna spunt minn kull poeżija sabiex niddiskutu bejnietna. 

Qari ta' Poeżiji

Qari ta' Poeżiji mill-Għaqda Poeti Maltin
FIL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-KTIEB 2013

L-Għaqda Poeti Maltin se tkun qed tieħu sehem attiv waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2013 ġewwa Dar il-Mediterran billi membri u pubbliku ġenerali qed ikunu mistiedna jattendu u jaqraw il-poeżiji tagħhom. Din is-serata se ssir nhar il-Gimgħa, 15 ta' Novembru mis-7:00 ta' filgħaxija 'l quddiem u se tkun imżewqa wkoll bi tnedija ta' ktieb tal-membru tal-Għaqda,
Jonathan Balzan.
Għalhekk inħeġġukom tiġi u ġġibu lil ħbieb tagħkom biex flimkien nitgħaxxqu bil-ġmiel tal-poeżija fl-atmosfera ta' ħbiebna l-kotba.

Tuesday, October 29, 2013

LEJLA F’ĠIEĦ KARMENU VASSALLO MILL-GĦAQDA POETI MALTIN

Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013, fis-6.30 pm, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-Poeta tan-Nirien, Karmenu Vassallo. Dan seħħ fir-Razzett tal-Markiż, Ċentru Nazzjonali tal-Kultura fil-Mosta, immexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Għal-lejla kienu preżenti tliet ulied ta’ Karmenu Vassallo, Oliver Paul, Nikol u Jane u familjari oħrajn. Il-President tal-Poeti Maltin, Charles Magro, fetaħ bid-diskors tiegħu u fakkar li Karmenu Vassallo hu fost il-poeti Romantiċi ewlenin. Fakkar ukoll li Karmenu Vassallo kien Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, fatt li kompla jgħolli l-prestiġju tal-Għaqda. Matul is-serata nqraw bijografija tal-Poeta, siltiet minn ittri li kienu ntbagħtu lilu minn kittieba u personalitajiet prominenti, u għadd ta’ poeżiji minn ġabriet differenti li Vassallo ppubblika, fosthom NIRIEN u TNEMNIM. Għas-serata kien preżenti Marcel Zammit Marmarà, studjuż u bijografu ta’ Vassallo, li tkellem dwar ir-relazzjoni tal-poeta mis-Siġġiewi mal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila, u qara xi korrispondenza li kienet tgħaddi bejniethom. Tkellem ukoll dwar Vassallo ibnu Oliver Paul. Huwa fakkar f’kemm missieru kien perfezzjonista meta kien jikteb il-versi tiegħu u qara wkoll xi poeżiji tal-Poeta tan-Nirien. Kien hemm ukoll ħin għall-membri tal-Għaqda Poeti Maltin li qraw xi poeżiji ddedikati lil jew ispirati minn Karmenu Vassallo. Is-serata tmexxiet mill-PRO tal-Għaqda Poeti Maltin, Miriam Ellul, u l-intervalli mużikali ġew ipprovduti minn Ray Ellul. Wara kien hemm ukoll bibita li matulha dawk li attendew setgħu jitkellmu anki mal-familjari ta’ Karmenu Vassallo.

Qari ta’ Poeżiji l-Belt Valletta

L-Għaqda Poeti Maltin għal darb’oħra tistieden lill-Membri u l-familjari
tagħhom flimkien mal-pubbliku ġenerali għal nofstanhar ieħor ta’ qari ta’
poeżiji fil-Kafeterija ta’ ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq nhar is-Sibt, 2 ta’
Novembru biex flimkien naqsmu l-ħsibijiet ġewwiena tagħna. Bħas-soltu l-ħin
ikun bejn l-għaxra u nofsinhar.”

Sunday, October 13, 2013

Jum il-Poeżija 2013



Fil-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena hawn Malta niċċelebraw JUM IL-POEŻIJA.

            Dan mhux Jum li jiġi ċċelebrat Malta biss; anzi ħafna pajjiżi fid-dinja jiċċelebrawh, ukoll jekk f’dati differenti minn tagħna.

            X’inhu l-għan li għalih jiġi ċċelebrat dan il-Jum?  U għaliex propju tiġi ċċelebrata l-Poeżija, u mhux il-Proża, jew l-Arti Viżiva, jew xi forma oħra tal-arti?

            Għax il-Poeżija hi l-evidenza tal-ħajja (Leonard Cohen).  Il-poeta hu ispirat mill-esperjenzi ta’ ħajtu u tal-ħajja fi żmienu.  Dawn l-esperjenzi u emozzjonijiet varji jitfagħhom fil-versi tiegħu u juniversalizzahom.  Għalhekk, filwaqt li permezz tal-Poeżija l-awtur ikun qed jipprova jaħrab mir-realtà li ma togħġbux u jaħlaq realtà ideali, aħjar minn dik tal-eżistenza tiegħu, il-Poeżija ma tistax ma tkunx ritorn lejn dik ir-realtà li l-poeta jkun jixtieq jaħrab minnha.  Il-poeta hu giddieb li dejjem jgħid il-verità (Jean Cocteau).

            Veru li dan jista’ jingħad għal kull forma oħra tal-arti.  Iżda waħda mill-merti tal-Poeżija li ħadd ma jista’ jiċħad hi li tgħid iktar u f’inqas kliem mill-proża (Voltaire).

            X’inhi l-qawwa tal-Poeżija?  X’jagħmilha aktar sublimi minn forom oħrajn tal-attivitajiet tal-bniedem?  Meta l-poter iwassal lill-bniedem għall-arroganza, il-Poeżija tfakkru fil-limitazzjonijiet tiegħu.  Meta l-poter iwassal lill-bniedem biex jimpurtah minn inqas affarijiet li qabel kienu jikkonċernawh, il-Poeżija tfakkru fl-għana u d-diversità tal-eżistenza.  Meta l-poter jikkorrompi, il-Poeżija tnaddaf (John F. Kennedy).

Charles Magro, BA, MOM
President

Monday, October 7, 2013

Serata f'Ġieħ il-Poeta Siġġiewi, Karmenu Vassallo.

L-Għaqda Poeti Maltin, nhar il-Ġimgħa, 18 ta' Ottubru, fis-6:30 ta' filgħaxija ġewwa r-Razzett tal-Markiż Tabona fil-Mosta, se ttella' serata f'ġieħ il-Poeta Siġġiewi, Karmenu Vassallo. Il-membri tal-Għaqda kif ukoll il-pubbliku ġenerali huma mistiedna jattendu u min għandu xi poeżija relatata ma' dan il-poeta jista' jiġi u jaqraha.

Huwa xieraq li dan il-poeta kbir Malti jingħata l-ġieħ li jixraqlu. Għalhekk, inħeġġu lil kulħadd biex jattendi f'lejla ta' ħbiberija u poeżija.

Sunday, October 6, 2013

Interview Tatjana Debeljački vs. Patrick Sammut

You are the president of the Maltese Poets Association and the editor of the poetry magazine “Versi”?
In truth I am the vice-president, not the president, of the Maltese Poets Association (www.ghpm.blogspot.com). There were many members of the association who wanted me to become president, but I am not a leader, much better a follower. The MPA was founded in 1975 and it works to strengthen the love for poetry reading and writing here in Malta. Today it is composed of 90 members: some are beginners, some write poetry as a pastime and to remember special occasions, others are more promising, while others are established poets who have been publishing poetry collections for various years. We organize poetry evenings in different parts of the Maltese Islands, publish poetry anthologies on special occasions, organize two Poetry Competitions annually – one for adults in July-August and one for school children in November-December -, have different contacts with poets all over the world and publish the quarterly poetry magazine VERSI, established in 1986. I am currently editor of this magazine in which one can read poems from our members’ pen, poems from poets coming from different parts of the world, information about poetry in the world and about the MPA’s activities during the year. We also publish literary essays on poetry which help students who are sitting for the local Maltese literature secondary and matriculation examinations.

As member and vice-president of the MPA and editor of VERSI I have come to know many poets both from Malta and abroad. This gave me the opportunity to read many poetry collections which my poet friends give me for reviewing and also as a sign of friendship.


http://www.diogenpro.com/interview-patrick-sammut.html

Saturday, October 5, 2013

Il-Baruni Kelinu Vella Haber


"Delegazzjoni mill-Għaqda Poeti Maltin għamlet żjara ta' kortesija u awgurju fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid tal-Membru Onorarju tal-Għaqda. il-Baruni Kelinu Vella Haber fl-1 ta' Ottubru. Din iż-żjara kienet magħmula mill-President Charles Magra; mill-Viċi President Patrick Sammut; mis-Segretarju Salv Sammut u l-Assistent Segretarju Charles Mifsud. Kienet atmosfera sabiħa bil-mod luċidu li għadu fih il-Baruni u l-mod li kompla mad-delegazzjoni. Kienet sorpriża ħelwa meta għal għarrieda, il-Baruni qam bilwieqfa u bl-amment qara poeżij twila li kien kiteb aktar minn ħamsa u ħamsin sena ilu. L-Għaqda Poeti Maltin tawgura lil Baruni Kelinu Vella Haber snin aktar twal ta' ħajja mimlija hena u risq."

Thursday, October 3, 2013

Festa tal-Ktieb

Il-Fiera tal-Ktieb (BookFair) li ssir kull sena ġewwa Dar il-Mediterran issa se tibda tissejjaħ Festa tal-Ktieb (BookFest). Id-dati huma mit-13 sas-17 ta’ Novembru. Għall-ewwel darba minn kemm ilha ssir din l-attività, l-Għaqda Poeti Maltin se jkollha stand għaliha. F’dan l-istand, l-Għaqda se jkollha għal bejgħ kemm il-kotba, rivisti eċċ li ħarġet matul is-snin kif ukoll xi kotba li l-membri jogħġobhom jgħaddulha biex il-qligħ minnhom imur b’risq l-Għaqda.

B’dan il-ħsieb f’moħħna qed nistiednek biex jekk trid tgħin l-Għaqda, tista’ tgħaddi xi pubblikazzjonijiet tiegħek biex jinbiegħu waqt dik il-ġimgħa u d-dħul minnhom imur għall-Għaqda Poeti Maltin. Min hu nteressat, jista’ jagħmel kuntatt miegħi jew fuq l-indirizz elettroniku jew bit-telefown kif indikat aktar ’il fuq.

Sunday, September 29, 2013

f’Dar l-Emigrant Nhar is-Sibt

“L-Għaqda Poeti Maltin qed iżżomm l-appuntament tagħha għal laqgħa ta’ dawk li jħobbu l-qari tal-poeżiji għal laqgħa oħra nhar is-Sibt, 5 ta’ Ottubru bejn l-10:00 u nofsinhar f’Dar l-Emigrant ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq. Ejjew, ġiebu magħkom il-poeżiji ħalli taqrawhom hemmhekk.”

Tuesday, September 17, 2013

100 THOUSAND POETS for CHANGE

Bħal snin oħra, L-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u mal-Moviment 100Thousand Poets sejra torganizza Lejla Letterarja Internazzjonali bl-isem 100Thousand Poets for Change fejn gruppi jew għaqdiet diversi madwar id-dinja jorganizzaw fl-istess ħin attivitajiet ta’ poeżija, mużika, mima, teatru, fotografija, powsters  u żfin madwar it-tema Il-Paċi. Il-lejla ta’ qari ta’ poeżija u mużika f’Malta ser tinżamm fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru 2013 fis-7.00 ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mistieden. Id-dħul huwa b’xejn. Ejjew ingħaqdu magħna ħa nsemmgħu leħinna favur il-paċi u s-sostennibbiltà fid-dinja.

Poeżija u Mużika fil-Ġnien De Vilhena

L-Għaqda Poeti Maltin għal darb'ohra tellgħet serata ta poeżija u mużika fil-Ġnien De Vilhena il-Furjana ... din id-darba flimkien mal-Kunsill tal-istess belt. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Sindku s-Sur Nigel Holland u xi kunsilliera ... fosthom is-Sur Torpiano. Is-serata fetħet bid-diskors tal-president tal-għaqda s-Sur Charles Magro li qal li jħossu kburi illi l-Għaqda Poeti Maltin hija l-ewwel għaqda li qed tuża dan il-ġnien hekk sabiħ għal attivitajiet tagħha. Huwa qal ukoll illi ħa pjaċir li kkunntattjawħ xi lukandi u staqsewħ jekk kienux jistgħu jattendu xi turisti għal din l-attivita'. Żied jgħid ukoll illi n-numru sabiħ ta udjenza preżenti jagħmel kuraġġ lil għaqda żżid f-dawn l-attivitajiet u juri kemm il-poplu għandu għal qalbu il-poeżija. Ġew moqrija numru sabiħ ta poeżiji sew bil-Malti u sew bl-Ingliż u li kienu tiżwiqa ta poeżiji leggeri, religjużi, soċjali fost oħrajn. Bejn il-qari tal-poeżiji kien hemm ukoll il-mużika sabiħa ta' Walter Micallef. Għalaq din is-serata s-Sindku tal-Furjana s-Sur Nigel Holland fejn qal illi hemm nies mil-Furjana stess li qatt ma marru Ġnien Vilhena u li din l-attivta' kienet tixraq f'post bħal dan. Qal ukoll illi attivitajiet bħal dawn għandhom isiru aktar spiss u jintużaw aktar ġonna ... semma wkoll illi hemm mal ghaxar ġonna ġewwa l-Furjana li forsi ftit jafu bihom. Is-serata għalqet b'bibita ġewwa l-istess post fejn sirna nafu iktar lil xulxin u qsamna t-tagħrif dwar il-poeżija fiż-żiffa helwa li kien hemm.
Is-serata giet ippreżentata minn Miriam Ellul.