Pages

Wednesday, February 1, 2012

Laqgħa Ġenerali tal-Għ.P.M.


Nhar is-Sibt, 28 ta' Jannar 2012, l-Għaqda Poeti Maltin għamlet il-Laqgħa Ġenerali tagħha ta' kull tliet snin. Din saret fis-sala ewlenija tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kemmerċ, il-Belt Valletta.

Wara l-qari tar-Rapporti tas-soltu: Minuti, Amministrattiv u Finanzjarju sar id-Diskors tal-President. Alfred Massa qal li jħossu kburi li ra lill-Għaqda titwieled u li kellu sehem attiv fit-twelid tagħha. Imbagħad ta rendikont tax-xogħol li l-Għ.P.M. wettqet tul is-snin. Huwa sellem lill-Kumitati preċedenti li tant ħadmu fil-passat biex illum l-Għaqda tgawdi l-istima ta' dawk li verament għandhom għal qalbhom il-poeżija Maltija. Imbagħad Massa ħabbar li hu ma kienx ser jerġa' joħroġ għall-kariga ta' President minħabba raġunijiet ta' saħħa u għax jemmen li tkun ħaġa tajba li kultant snin kull Għaqda jkollha demm ġdid fit-tmexxija tagħha.

Wara saret l-elezzjoni għall-Kumitat il-ġdid għas-snin 2012/2014. Charles Magro nħatar President, Salv Sammut inħatar Segretarju, filwaqt li Doris Chircop kienet konfermata Teżoriera.

Il-membri l-oħra tal-Kumitat huma Dr. Joseph Axiaq, Patrick Sammut, Charles Mifsud u Omar Seguna. Bħala reviżuri nħatru Alfred Palma u Anthony Farrugia.

Fi tmiem il-Laqgħa Charles Magro wiegħed lill-membri preżenti li se jkompli jibni l-Għaqda fuq dak li sab. Huwa appella għall-koperazzjoni tal-imseħbin kollha għax l-Għaqda mhix tal-Kumitat biss, imma tal-membri kollha kemm huma.