Pages

Friday, October 19, 2012

L-Għaqda Poeti Maltin taħtar Membru Onorarju ġdid




Nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru, fis-7 p.m., fis-sala ewlenija tas-Soċjetà tal-Arti Manifattura u Kummerċ, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika li matulha ħatret lis-Sur Rigu Bovingdon bħala Membru Onorarju tagħna. Il-lejla infetħet mill-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li fid-diskors tiegħu fakkar li l-Għaqda ilha mwaqqfa sa mill-1975 u li matul dawn is-snin kollha ħatret bosta Membri Onorarji bħal Karmenu Vassallo, Ġorġ Zammit, Ġużè Aquilina, Ġużè Chetcuti, Wallace Gulia, Ġorġ Pisani, patri Wistin Born, imma anki oħrajn reċenti bħal V.M. Pellegrini, Carmel Mallia, Ġianninu Cremna, il-Kan. Joe Meilaq, Kelinu Vella Haber, Marċell Mizzi, Alfred Palma, Lina Brockdorff u Peter Caruana. Magro fakkar ukoll li matul dawn is-snin l-Għaqda gawdiet prestiġju kbir bħalma kienu l-għaxar edizzjonijiet tal-Premio Città di Valletta li kien taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta u li kien jingħata lil personalitajiet li jkunu eċċellaw f’oqsma artistiċi differenti. Magro sostna li isem l-Għ.P.M. huwa magħruf u maħbub anki barra minn Malta, inkluż fl-Awstralja, fejn għandha wkoll il-membri tagħha. Qal ukoll li l-ħatra ta’ Bovingdon bħala Membru Onorarju żgur għandha sservi ta’ spinta lill-istess Għaqda biex isimha jkompli jinfirex fil-kontinent Awstraljan.
Il-lejla tmexxiet mis-Sinjura Miriam Ellul, il-P.R.O., li qrat ukoll bijografija tal-mistieden speċjali. Is-Sur Paul Buhagiar ipprovda l-intervalli mużikali b’kanzunetti b’ilsna differenti. Waqt il-lejla l-membri preżenti qraw xi poeżiji minn tagħhom bit-tliet ilsna ewlenin, waqt li tkellmu fil-qosor dwar l-isfond tal-poeżiji tagħhom. Il-lejla laħqet il-quċċata meta Rigu Bovingdon qara waħda mill-poeżiji tiegħu, miktuba b’Malti mill-isbaħ u mirqum. Wara, il-President, Charles Magro, u l-viċi-President, Patrick Sammut, ippreżentaw id-diploma ta’ ħatra bħala Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin lil Rigu Bovingdon, flimkien ma’ xi kopji tal-antoloġiji poetiċi li l-Għaqda ppubblkat matul is-snin u medalja. F’diskors qasir, Bovingdon esprima l-ħajr tiegħu għall-fiduċja li l-Għ.P.M. wriet fih u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jiftakru f’dawk il-Maltin kollha li ħallew lil art twelidhom biex bnew il-familji tagħhom f’pajjiżi barranin, imma li xorta baqgħu jħobbu lil Malta b’qalbhom kollha.
Fl-aħħar is-Sur Rigu Bovingdon ippreżenta lill-President tal-Għ.P.M. ċekk ta’ 100 Ewro bħala turija ta’ ħajr fl-Għaqda msemmija.