Monday, September 1, 2014
MONS. AMANTE BUONTEMPO, JUD (1920 – 2004)
Buontempo twieled l-Isla fil-15 ta’ Ottubru 1920. Wara li studja fil-Liċeo, fis-Seminarju tal-Arċisqof u f’dak ta’ Għawdex, kif ukoll fl-Universitajet ta’ Malta u ta’ Nottingham, kien ordnat Saċerdot fl-1946.
Sentejn wara kompla l-istudji tiegħu fl-Università Pontifiċja Laterana, Ruma, minn fejn akkwista Dottorat fil-Liġi Kanonika u Ċivili. Mill-istudium tas-Sacra Rota Romana irċieva d-Diploma ta’ Avukat. Iktar tard kien maħtur Kappillan tal-Q.T. il-Papa.
Fl-1951 inħatar kanonku fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, Valletta, fejn serva wkoll bħala Kanċillier. Mill-1959 ħadem bħala eżaminatur tal-Liġi Kanonika għall-Kurja.
Kien Kappillan tal-Kamra tar-Rappreżentanti (1962-1971), Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu (1963-1966), u Dekan tal-Kanonċi (1964-1987).
Buontempo waqqaf l-Għaqda Poeti Maltin (Għ.P.M.) fl-1975, u fl-ewwel Laqgħa Ġenerali nħatar President tal-Għaqda ad vitam. Serva bħala President sas-sena 2000 (25 sena); imbagħad inħatar President Onorarju tal-Għaqda ad vitam.
Il-fundatur tal-Għ.P.M. kiteb eluf ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Kellu padrunanza qawwija ta’ dawn il-lingwi, u barra minn Malta rebaħ diversi konkorsi. Fix-xenarju internazzjonali kien sar magħruf ħafna. Fl-1981 kien innominat Poet Laureate Iinternational mill-Akkademja Dinjija tal-Arti u l-Kultura (Taiwan).
Hawn Malta ħadem ħafna wkoll biex ixerred l-imħabba għall-poeżija. Barra t-twaqqif tal-Għaqda Poeti Maltin, ippubblika diversi kotba tal-poeżija. L-Għaqda bbenefikat ħafna permezz tal-kuntatti li kellu barra minn Malta. B’inizjattiva tiegħu l-GĦ.P.M. kisbet ħafna suċċessi. L-ikbar fost dawn is-suċċessi kien il-Premju ‘Citta di Valletta’, li kien isir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, u li tiegħu saru għaxar edizzjonjiet.
Is-Serata ta’ Kommemorazzjoni saret fis-sala tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, Beltissebħ, il-Furjana. Waqt s-Serata inqraw biografija tal-Monsinjur, saġġ kritiku ta’ Patrick Sammut fuq ix-xogħlijiet letterarji ta’ Buontempo, u xi poeżiji sinjifikattivi ħafna. Fil-programm kien hemm intervalli mużikali, li fihom smajna lil Michael Camilleri jdoqq fuq l-orgni kompożizzjonijiet ta’ Haendl u Beethoven, u lill-mezzo soprano Miriam Camilleri tkanta aria mill-opra ‘Orfeo’ ta’ Gluck.
Mal-mistednin kien hemm xi familjari ta’ Mons. Buontempo, fosthom is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Stefan Buontempo. Is-Segretarju Parlamentari irrakkonta xi esperjenzi li juru l-imħabba li Mons. Buontempo dejjem kellu għal kulħadd, b’mod speċjali għall-familja.
L-intervent tal-Onor. Stefan Buontempo ġab fi tmiemu l-programm tas-Serata, li għalqet għal kollox b’riċeviment.
Fit-22 ta’ Awwissu 2004 l-Għaqda Poeti Maltin ikkommemorat l-Għaxar Sena mill-mewt tal-Fundatur tagħha, Mons. Amante Buontempo, JUD.
Subscribe to:
Posts (Atom)