Pages

Sunday, October 13, 2013

Jum il-Poeżija 2013



Fil-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena hawn Malta niċċelebraw JUM IL-POEŻIJA.

            Dan mhux Jum li jiġi ċċelebrat Malta biss; anzi ħafna pajjiżi fid-dinja jiċċelebrawh, ukoll jekk f’dati differenti minn tagħna.

            X’inhu l-għan li għalih jiġi ċċelebrat dan il-Jum?  U għaliex propju tiġi ċċelebrata l-Poeżija, u mhux il-Proża, jew l-Arti Viżiva, jew xi forma oħra tal-arti?

            Għax il-Poeżija hi l-evidenza tal-ħajja (Leonard Cohen).  Il-poeta hu ispirat mill-esperjenzi ta’ ħajtu u tal-ħajja fi żmienu.  Dawn l-esperjenzi u emozzjonijiet varji jitfagħhom fil-versi tiegħu u juniversalizzahom.  Għalhekk, filwaqt li permezz tal-Poeżija l-awtur ikun qed jipprova jaħrab mir-realtà li ma togħġbux u jaħlaq realtà ideali, aħjar minn dik tal-eżistenza tiegħu, il-Poeżija ma tistax ma tkunx ritorn lejn dik ir-realtà li l-poeta jkun jixtieq jaħrab minnha.  Il-poeta hu giddieb li dejjem jgħid il-verità (Jean Cocteau).

            Veru li dan jista’ jingħad għal kull forma oħra tal-arti.  Iżda waħda mill-merti tal-Poeżija li ħadd ma jista’ jiċħad hi li tgħid iktar u f’inqas kliem mill-proża (Voltaire).

            X’inhi l-qawwa tal-Poeżija?  X’jagħmilha aktar sublimi minn forom oħrajn tal-attivitajiet tal-bniedem?  Meta l-poter iwassal lill-bniedem għall-arroganza, il-Poeżija tfakkru fil-limitazzjonijiet tiegħu.  Meta l-poter iwassal lill-bniedem biex jimpurtah minn inqas affarijiet li qabel kienu jikkonċernawh, il-Poeżija tfakkru fl-għana u d-diversità tal-eżistenza.  Meta l-poter jikkorrompi, il-Poeżija tnaddaf (John F. Kennedy).

Charles Magro, BA, MOM
President

No comments:

Post a Comment