Pages

Saturday, October 21, 2017

El Duende Poeżiji (2000-2017) - Andrew Sciberras

Wara l-ġabra IL-VJAĠĠ POETIKU (1990-2009) issa għandna f’idejna damma ġdida ta’ poeżiji mill-pinna ta’ Andrew Sciberras intitolata EL DUENDE -- bi tliet riflessjonijiet analitiċi ta’ Tarċisju Zarb, Charles Briffa u Oliver Friggieri.

Andrew Sciberras jagħraf lilu nnifsu bħala l-poeta ta’ nies li qegħdin ibatu aktar mill-oħrajn, il-poeta li jippreżenta d-dulur u l-inkomprensjoni, il-kuluri sbieħ tal-ħajja ħielsa u l-għeluq imwiegħer li jinsabu fih il-protagonisti mġarrba tiegħu, il-vittmi ta’ kundizzjoni naturali, kulturali u sikwit soċjali. Sciberras hawnhekk ukoll qiegħed jikteb b’serjetà mnikkta, b’determinazzjoni tipika ta’ poeti barranin li biddlu l-kelma mirquma f ’arma ta’ taqbid tal-ħsieb, f ’għodda li għandha tqajjem kuxjenza, iċċaqlaq lin-nies bierda, u twassal għar-riformi fil-livell politiku.... Oliver Friggieri.

 Kwantu għall-poeżija tiegħek ma kelli ebda dubju li din sa tkun tal-livell għoli li lħaqt żmien ilu. U ma qgħadtx bi kwieti qabel il-ktieb dħaltlu sew u bil-pjaċir nista’ ngħidlek li, minbarra l-livell għoli, is-suġġetti huma varjati u stimulanti. Illum ma noqgħodx nomgħodha biex ngħid li int fost l-aqwa poeti kontemporanji. Ngħodd lili nnifsi onorat li int u poeti oħra bħalek jixhdu laqtiet u diwi mingħand ċertu poeta, illum misjur... Achille Mizzi

Qrajt il-poeżiji tiegħek li jinsabu f ’dan il-ktieb, u nista’ ngħidlek kif stennejt li sibthom ferm eklettiċi, provokanti u intelliġenti. Irnexxielek tagħmel dikostruzzjoni interessanti – ibda minn dik tal-lingwa u tal-ġeneri, sa dawk parareliġjużi, etniċi u politiċi, dejjem b’tiftix (ħafna drabi frenetiku) għal spazju determinat, għas-‘sens’ eżistenzjali-empiriku, anki teknoloġiku. Illum inkompli nikkonferma li int wieħed mill-aħjar poeti kontemporanji, u dawn tgħoddhom fuq ponot subgħajk... Mario Azzopardi

IL-KTIEB SE JKUN GĦALL-BEJGĦ MILL-FIERA TAL-KTIEB MINGĦAND HORIZONS.  KULL BEJGĦ SE JINGĦATA LIL PUTINU CARES.


le poète - Mario Azzopardi

Id-dar tal-kotba HORIZONS qed tkompli tippubblika kotba ta’ livell letterarju ferm għoli. Din id-darba għandna f’idejna l-ktieb MARIO AZZOPARDI (LE PòETE) ta’ Andrew Sciberras u Tarċisju Zarb. Ktieb ta’ aktar minn 400 paġna, b’intervista intensiva mal-poeta, b’iżjed minn 100 poeżija minn ANTENNI sa EPISTOLI MID-DEŻERT. Bi 3 studji ġenerali ta’ Andrew Sciberras u aktar minn 20 riflessjoni analitika mill-pinna ta’ Tarċisju Zarb, dwar poeżiji varji speċjalment dawk li nsibu fil-ktieb IL-POEŻIJA MALTIJA – Antoloġija miġbura b’daħla minn Oliver Friggieri.

Ktieb ideali għal kull student li qed jistudja l-Malti, kif ukoll għal dawk kollha li jħobbu l-letteratura Maltija.

SE JKUN GĦALL-BEJGĦ MILL-FESTIVAL TAL-KTIEB MINGĦAND HORIZONS U WARA MILL-ĦWIENET EWLENIN.