Pages

Wednesday, December 23, 2015

L-GĦAQDA POETI MALTIN - ERBGĦIN SENA 1975 - 2015

Fl-10 ta’ Diċembru 2015 l-Għaqda Poeti Maltin għalqet 40 sena mit-twaqqif tagħha.  Dan l-Anniversarju l-Għaqda ċċelebratu b’Antoloġija ta’ poeżiji tal-Membri: “Irdieden ta’ Lwien”, b’bolla ppersonalizzata u ttimbrata 10-xii-2015, u b’Ċelebrazzjoni u Riċeviment li saru fis-sala tas-Soċjetà tal-Arti, il-Belt, fis-16 ta’ Diċembru 2015.

Fetaħ is-Serata taċ-Ċelebrazzjoni l-President tal-Għ.P.M., is-Sur  Charles Magro, li qal li dawn kienu erbgħin sena ta’ ħidma kontra l-kurrent.  Kumitat wara ieħor ħadmu biex il-poeżija f’Malta tingħata l-istess pożizzjoni għolja li kellhom u għad għandhom il-proża u ġeneri letterarji oħrajn.  Dan għamluh b’ħafna sagrifiċċji, anki finanzjarji.  Ebda bieb li ħabbtet l-Għaqda għall-għajnuna ma nfetħilha.  Iżda minkejja kollox, l-Għ.P.M. kisbet suċċessi kbar, kemm fix-xenarju letterarju Malti, kif ukoll barra.

Is-suċċessi tal-Għ.P.M. ġew elenkati mill-ewwel kelliem, li kellu jkun is-Sur Alfred Massa, President Onorarju tal-Għaqda.  Iżda s-Sur  Massa kien indispost, u t-taħdita tiegħu, li kienet bil-miktub, inqrat mis-Sur Omar Seguna, Viċi President tal-Għ.P.M.  F’din it-taħdita ssemmew il-kuntatti li l-Għaqda kellha ma’ assoċjazzjonijiet letterarji barranin.  Issemmew l-10 edizzjonijiet tal-Premju Città di Valletta, li kien isir taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta, u f’wieħed mill-palazzi presidenzjali.  Issemmew ukoll il-Membri Onorarji tal-imgħoddi u attwali, li kollha kienu kburin bir-rabta tagħhom mal-Għ.P.M.

It-tieni taħdita saret mis-Sur Peter Paul Chetcuti, li hu n-neputi tal-Fundatur u l-Ewwel President tal-Għ.P.M.  Is-Sur Chetcuti hu ammiratur u benefattur tal-Għ.P.M.  Naturalment dan tkellem fuq zijuh, Mons. Dr Amante Buontempo, JUD., li kien jaf mill-qrib ħafna.  Is-Sur Chetcuti semma l-imħabbiet ta’ Mons Buontempo, fosthom u fuq nett il-Knisja (kien Saċerdot), il-familja u l-poeżija, li tatu ħafna sodisfazzjon.  Kien ikiddu ftit il-fatt li kien iktar irrikonoxxut barra minn Malta milli f’Pajjiżna.

Waqt is-Serata saret ukoll it-tnedja tal-Antoloġija kommemorattiva “Raddiena Ta’ Lwien”.  Fuq din l-Antoloġija tkellem il-Poeta, Kritiku Letterarju u Għalliem, is-Sur Patrick Sammut.  Hu faħħar il-livell għoli tal-poeżija tad-39 kontributur, Membri tal-Għ.P.M., li ħadu sehem f’din l-Antoloġija.  Fl-analiżi tiegħu daħal ftit fil-fond, u semma d-diversi forom tal-poeżija, il-lessiku użat, il-metafora u d-diversi forom tat-taħdit użati fil-poeżiji ppreżentati. 

L-Antoloġja għandha Daħla mill-Prof. Oliver Friggieri, li għen ukoll fil-qari tal-provi. Fl-aħħar tas-Serata kopji ta’ din l-Antoloġija tqassmu lil dawk li huma intitolati għalihom.

Bejn l-interventi tal-kelliema kien hemm ukoll interventi mużikali mill-kantawtur u ħabib tal-Għ.P.M. Walter Micallef.

Is-Serata ġiet fi tmiemha b’riċeviment fil-bitħa tas-Soċjetà tal-Arti.


Charles Magro

President