Pages

Friday, November 8, 2013

Attività fil-Belt Valletta

Nhar is-Sibt 3 ta’Novembru 2013 , l-Għaqda Poeti Maltin żammet l-appuntament tagħha ta’ kull xahar fejn poeti u ħbieb tal-poeżija ngħidu kelma u naqraw xi poeżiji f’kafeterija fil-Belt Valletta.  Minkejja x-xita qalila, xorta kienet laqgħa interessanti fejni bħas-soltu ddiskutejna diversi temi interessanti.  Fost il-poeżiji moqrija kien hemm “Lil hinn” ta’ Anthony Vidal, poeżija ispirata mix-xahar ta’ Novembru – ix-xahar tal-mejtin.  F’dan ix-xahar li propju qegħdin fih iġagħlna nirriflettu li “Lillu, flus, saħħa” ma jiswew xejn, għax fi kliem il-poeta, “mewt le tieħu magħha”.  Joe Psaila qarha fost oħrajn il-poeżija ħelwa tiegħu “Ftit mill-istorja tiegħi u tiegħek”, ambjentata fi żmien ta’ wara l-gwerra.  Psaila ġabilna ħafna nostalġija għal drawwwiet ta’ l-imgħoddi.  Wara li nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013, -Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-Poeta tan-Nirien, Karmenu Vassallo, Andrew Sciberras reġa’ sellem lil dan il-poeta kbir bil-poeżija tiegħu “Lil Karmenu Vassallo”. 
Elizabeth Buhagiar qrat il-poeżija tagħha “Kemm hu sabiħ”.  Kif tistqarr il-poetessa “Kemm hu sabiħ tgħix fl-armonija” u “kemm hu sabiħ li tfittex kumpanija” u fin-nuqqas tagħhhom tagħraf aktar il-bżonn tagħhom.  Omar Seguna qarha fost oħrajn il-poeżija “Kuntrast”  fejn ħoloq żewġ xenarji ta’ min huwa bil-ġuħ u bl-għatx imma “tbissmu” u ta’ “Persuni li sikru bl-inbid ... imma baqgħu għatxana.”  Ma setax jonqos bħas-soltu ħadna spunt minn kull poeżija sabiex niddiskutu bejnietna. 

Qari ta' Poeżiji

Qari ta' Poeżiji mill-Għaqda Poeti Maltin
FIL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-KTIEB 2013

L-Għaqda Poeti Maltin se tkun qed tieħu sehem attiv waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2013 ġewwa Dar il-Mediterran billi membri u pubbliku ġenerali qed ikunu mistiedna jattendu u jaqraw il-poeżiji tagħhom. Din is-serata se ssir nhar il-Gimgħa, 15 ta' Novembru mis-7:00 ta' filgħaxija 'l quddiem u se tkun imżewqa wkoll bi tnedija ta' ktieb tal-membru tal-Għaqda,
Jonathan Balzan.
Għalhekk inħeġġukom tiġi u ġġibu lil ħbieb tagħkom biex flimkien nitgħaxxqu bil-ġmiel tal-poeżija fl-atmosfera ta' ħbiebna l-kotba.