Pages

Tuesday, October 29, 2013

LEJLA F’ĠIEĦ KARMENU VASSALLO MILL-GĦAQDA POETI MALTIN

Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013, fis-6.30 pm, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-Poeta tan-Nirien, Karmenu Vassallo. Dan seħħ fir-Razzett tal-Markiż, Ċentru Nazzjonali tal-Kultura fil-Mosta, immexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Għal-lejla kienu preżenti tliet ulied ta’ Karmenu Vassallo, Oliver Paul, Nikol u Jane u familjari oħrajn. Il-President tal-Poeti Maltin, Charles Magro, fetaħ bid-diskors tiegħu u fakkar li Karmenu Vassallo hu fost il-poeti Romantiċi ewlenin. Fakkar ukoll li Karmenu Vassallo kien Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, fatt li kompla jgħolli l-prestiġju tal-Għaqda. Matul is-serata nqraw bijografija tal-Poeta, siltiet minn ittri li kienu ntbagħtu lilu minn kittieba u personalitajiet prominenti, u għadd ta’ poeżiji minn ġabriet differenti li Vassallo ppubblika, fosthom NIRIEN u TNEMNIM. Għas-serata kien preżenti Marcel Zammit Marmarà, studjuż u bijografu ta’ Vassallo, li tkellem dwar ir-relazzjoni tal-poeta mis-Siġġiewi mal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila, u qara xi korrispondenza li kienet tgħaddi bejniethom. Tkellem ukoll dwar Vassallo ibnu Oliver Paul. Huwa fakkar f’kemm missieru kien perfezzjonista meta kien jikteb il-versi tiegħu u qara wkoll xi poeżiji tal-Poeta tan-Nirien. Kien hemm ukoll ħin għall-membri tal-Għaqda Poeti Maltin li qraw xi poeżiji ddedikati lil jew ispirati minn Karmenu Vassallo. Is-serata tmexxiet mill-PRO tal-Għaqda Poeti Maltin, Miriam Ellul, u l-intervalli mużikali ġew ipprovduti minn Ray Ellul. Wara kien hemm ukoll bibita li matulha dawk li attendew setgħu jitkellmu anki mal-familjari ta’ Karmenu Vassallo.

Qari ta’ Poeżiji l-Belt Valletta

L-Għaqda Poeti Maltin għal darb’oħra tistieden lill-Membri u l-familjari
tagħhom flimkien mal-pubbliku ġenerali għal nofstanhar ieħor ta’ qari ta’
poeżiji fil-Kafeterija ta’ ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq nhar is-Sibt, 2 ta’
Novembru biex flimkien naqsmu l-ħsibijiet ġewwiena tagħna. Bħas-soltu l-ħin
ikun bejn l-għaxra u nofsinhar.”