Pages

Tuesday, May 29, 2012

Lejla Mużiko-Letterarja mill-Għaqda Poeti Maltin fl-Imtarfa

Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna biex ittella’ Lejla ta’ Poeżija u Mużika f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa f’rabta ma’ Jum l-Imtarfa. Din is-sena l-Lejla saret is-Sibt, il-21 ta’ April, fis-7.30 p.m. Il-post kien dak abitwali, jiġifieri l-Iskola Primarja tal-Imtarfa. Għal din il-Lejla ta’ Poeżija l-membri tal-Għ.P.M. ipparteċipaw bi ħġarhom u qraw poeżiji bit-tliet ilsna u ttrattaw diversi suġġetti bħalma huma l-ambjent, it-twemmin, is-soċjetà moderna, u aspetti oħrajn. Kien hemm ukoll min qara versi ta’ San Ġwann tas-Salib u min ispira ruħu mill-kitbiet ta’ Thomas Merton. Ħadu sehem ukoll għadd ta’ tfal u persuni oħrajn tal-lokal li qraw versi minn tagħhom. Fetaħ is-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, li esprima l-pjaċir tiegħu li l-Għaqda u l-Kunsill Lokali tal-Imtarfa żammew dan l-appuntament annwali għal dawn l-aħħar erba’ snin u wera ċ-ċertezza li rabta bħal din se tkompli tissaħħaħ. Mexxiet is-serata, Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għ.P.M. li għoġobha żżewwaq il-lejla anki b’numru ta’ kwotazzjonijiet minn kittieba magħrufa dwar il-qasam tal-poeżija. Il-parti mużikali ġiet afdata lill-kantanta żagħżugħa Marie. Fl-aħħar tas-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, Anton Mifsud, taw tokens bħala tifkira tal-okkażjoni. Is-Sindku għalaq il-Lejla b’diskors qasir fejn sostna l-impenn tiegħu biex il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa jaħdem biex ir-residenti jkollhom ukoll dejjem iktar lejliet ta’ natura kulturali bħal dawn. Dawk li attendew għal-Lejla Mużiko-Letterarja fl-aħħar kienu mistiedna wkoll għal bibita.