Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013, fis-6.30 pm, l-Għaqda Poeti Maltin
tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-Poeta tan-Nirien, Karmenu Vassallo. Dan
seħħ fir-Razzett tal-Markiż, Ċentru Nazzjonali tal-Kultura fil-Mosta, immexxi
mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Għal-lejla kienu preżenti tliet ulied
ta’ Karmenu Vassallo, Oliver Paul, Nikol u Jane u familjari oħrajn.
Il-President tal-Poeti Maltin, Charles Magro, fetaħ bid-diskors tiegħu u fakkar
li Karmenu Vassallo hu fost il-poeti Romantiċi ewlenin. Fakkar ukoll li Karmenu
Vassallo kien Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, fatt li kompla jgħolli
l-prestiġju tal-Għaqda. Matul is-serata nqraw bijografija tal-Poeta, siltiet
minn ittri li kienu ntbagħtu lilu minn kittieba u personalitajiet prominenti, u
għadd ta’ poeżiji minn ġabriet differenti li Vassallo ppubblika, fosthom NIRIEN
u TNEMNIM. Għas-serata kien preżenti Marcel Zammit Marmarà, studjuż u bijografu ta’ Vassallo, li
tkellem dwar ir-relazzjoni tal-poeta mis-Siġġiewi mal-Poeta Nazzjonali, Dun
Karm Psaila, u qara xi korrispondenza li kienet tgħaddi bejniethom. Tkellem
ukoll dwar Vassallo ibnu Oliver Paul. Huwa fakkar f’kemm missieru kien
perfezzjonista meta kien jikteb il-versi tiegħu u qara wkoll xi poeżiji
tal-Poeta tan-Nirien. Kien hemm ukoll ħin għall-membri tal-Għaqda Poeti Maltin
li qraw xi poeżiji ddedikati lil jew ispirati minn Karmenu Vassallo. Is-serata
tmexxiet mill-PRO tal-Għaqda Poeti Maltin, Miriam Ellul, u l-intervalli mużikali
ġew ipprovduti minn Ray Ellul. Wara kien hemm ukoll bibita li matulha dawk li
attendew setgħu jitkellmu anki mal-familjari ta’ Karmenu Vassallo.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment