Pages

Saturday, April 20, 2013

It-Tnedija tal-Ktieb Vacanza Romane 2012



Nhar il-Ġimgħa 19 t’April saret it-tnedija tal-ktieb Vacanza Romane 2012, liema ktieb ħareġ mil-pinna ta’ Dr. Emmanuel Attard Cassar. Il-preżentazzjoni ġiet fdata f’idejn l-Għaqda Poeti Maltin u saret ġewwa ċ-Ċentru Kommunita’ Franġiskana tal-Furjana.   Waqt din is-serata inqraw siltiet ta’ proża u poeżija mill-ktieb u bħas-soltu kellna tisbiħ bil-mużika u l-kant ta’ Walter Micallef.

Numru sabiħ ta’ membri tal-Għaqda flimkien mal familja ta’ Emmanuel u membri tal-Gruppi Familji Franġiskani setgħu virtwalment jgħaddu mit-toroq ta’ Ruma u jħossu il-ġmiel ta’ din il-Belt eterna’, kif inhi msejħa. Il-ktieb jispjega tajjeb l-esperjenzi illi Emmanuel għadda minnhom flimkien mal-familja tiegħu ġewwa Ruma. Waħda mil-kitbiet tiegħu, illi ġġib l-isem ta’ Il Frate di Via Cairoli, toħodna lura għas-snin tmenin meta l-awtur u xi ħbieb tiegħu kienu marru jżuru xi kunventi ġewwa Ruma flimkien ma Patri Filippu, illi kien ukoll preżenti għal din is-serata.

L-introduzzjoni saret mill-President tal-Għaqda s-Sur Charles Magro fejn qal illi kien pjaċir tal-Għaqda illi tippreżenta dan il-ktieb ta’ membru tagħha u esprima wkoll sodisfazzjon għan-numru mdaqqas ta’ udjenza. Huwa qal illi Ruma hija tlitt ibliet f’waħda ... Ruma Kristjana, Ruma storika u Ruma moderna. Il-President tal-għaqda rringrazzja wkoll lil-kantant Walter Micallef talli aċċetta l-istedina tagħna.
Wara din l-introduzzjoni Charles Magro qara l-poeżija mil-l-istess ktieb Vacanze Romane 2012 ... Roma u wara smajna lil Patrick Sammut jaqra s-silta Il Frate di Via Cairoli. Il-poeżija Magnificenza nqrat minn Salv Sammut ... poeżija fejn l-awtur jiddeskrivi mument ta’ paċi fil-kumpanija tal-familja tiegħu waqt li qegħdin jieħdu l-fatra ġewwa l-lukanda. Un Problema Irrisolvibile silta ħelwa mil-ktieb inqrat mis-Sur Azzopardi, membru fi ħdan il-Grupp Familji Franġiskani.

Hawnhekk wasal il-ħin biex Emmanuel jagħmel l-intervent tiegħu u beda billi tkellem dwar l-esperjenza illi kellu s-sena l-oħra ġewwa Ruma, fejn mar flimkien mal-familja tiegħu biex jakkumpanjaw lit-tifel Jack, ġewwa l-Vatikan, bħala abbati. Huwa qal illi din l-esperjenza ġiegħlithom jikbru u jissaħħu flimkien u ħass illi għandu jesprimniha f’dan il-ktieb. Huwa qal ukoll illi kellhom l-opportunita’ illi jżuru Assisi, pajjiż kwiet u trankwilll kif jiddeskrivu tajjeb it-tlitt poeżiji illi nqraw u li jġibu l-istess isem.

Wara d-diskors t’ Emmanuel inqrat poeżija oħra tiegħu minn Omar Seguna bl-isem ta’ Percorso u fl-aħħar inqraw ukoll poeżiji mil-membri tal-Għaqda Poeti Maltin, Therese pace u John Mallia.

Is-serata ingħalqet minn Patri Filippu Cutajar, li qali li kien ilu ħafna snin jaf lil Emmanuel u jħossu kburi illi dan il-kittieb għażel iċ-Ċentru Komunita’ Franġiskana għal-preżentazzjoni tal-ktieb tiegħu fejn wieħed jista’ jinduna wkoll bl-ispirtu Franġiskan.
Wara kulħadd baqa’ fiċ-ċentru għal-bibita.

Ippreżentat din is-serata Miriam Ellul.