Pages

Sunday, December 18, 2011

L-Għ.P.M. TFAKKAR LIL ĠUŻE' AQUILINA


L-Għaqda Poeti Maltin temmet l-attivitajiet tagħha għas-sena 2011 b'Lejla ta' Poeżija ad unur il-Prof. Ġuże' Aquilina f'għeluq iċ-ċentinarju ta' twelidu. Din saret nhar is-Sibt, 17 ta' Diċembru, fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara u tmexxiet minn Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.
F'Kelmtejn fil-qosor fil-bidu tal-Lejla, il-president Alfred Massa qal li l-2011 kienet waħda importanti għall-Għ.P.M. u għal kulmin iħobb il-poeżija Maltija. Matulha tfakkar il-50 anniversarju tal-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali. Tfakkru wkoll iċ-ċentinarji tat-twelid tan-Nutar V.M. Pellegrini u tal-Prof. Ġuże' Aquilina. Dawn it-tlieta kellhom rabta speċjali mal-Għ.P.M. Dun Karm għax poġġa l-poeżija tagħna fuq pedamenti sodi filwaqt li Pellegrini u Aquilina kienu Membri Onorarji ad vitam tal-Għaqda u ngħataw ukoll mill-istess Għaqda il-Premio Citta' di Valletta' premju prestiġjuż organizzat mill-Għ.P.M. ma' żewġ Assoċjazzjonijiet Taljani u li dejjem sar taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika.
Massa temm billi kkwota kliem il-Mons. Prof. Karm Sant dwar il-Profs. Aquilina: Isem Ġ. Aquilina hu punt ta' riferiment ewlieni fil-ġrajja kulturali kollha ta' Malta, u hu monument fl-istorja partikolari tal-Malti. (Leħen il-Malti, 1977).
Wara inqraw diversi xogħlijiet tal-Prof. Aqulina minn dawk preżenti. Inqraw ukoll kitbiet dwaru minn Therese Pace, Peter A. Caruana u Marlene Saliba Toledo.
Fi tmiem il-Lejla, il-President Alfred Massa ta Diploma u Medalja tal-Għ.P.M. lill-poetessa Therese Pace bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħha fi ħdan l-Għaqda.
Il-parti mużikali kienet afdata f'idejn il-kant-awtur Walter Micallef.