Pages

Saturday, December 19, 2015

L-Għaqda Poeti Maltin Tiċċelebra l-40 sena mit-Twaqqif Tagħha

GĦAQDA POETI MALTIN

L-Għaqda Poeti Maltin twaqqfet f’Diċembru 1975 minn Mons. Dr. Amante Buontempo. Kien qara artiklu li jien kont ktibt fil-gazzetta IL-ĦAJJA, li tagħha kont editur letterarju, u li fih kont għamilt sejħa lill-kittieba anzjani tagħna biex jibqgħu jagħtu sehemhom. Wara kien ċempilli u talabni biex niltaqa’ miegħu. Tkellimna fost ħwejjeġ oħra,fuq in-nuqqas ta’ interess li kien hawn fil-qasam tal-poeżija f’pajjiżna u staqsieni kontx lest li ngħinu fit-twaqqif ta’ Għaqda bil-għan li tippromwovi l-poeżija. Jiena offrejtlu l-għajnuna kollha tiegħi f’dan ir-regward.

L-ewwel Laqgħa Ġenerali saret fl-10 ta’ Diċembru 1975 f’numru 55 Triq San Pawl, il-Belt fejn aktar tard issuktaw isiru l-laqgħat tal-Kumitat sakemm Mons. Buontempo baqa’ President. Dakinhar konna biss 6 persuni. L-ewwel Kumitat proviżjorju kien magħmul hekk. President: Mons. Dr. Amante Buontempo; Segretarju: Joseph S. Xuereb; Kaxxier: Carmel Caruana. Membri: In-Nutar V.M. Pellegrini u Mario F. Bezzina. Jien ħassejt li kelli nibqa’ barra.

Fl-ewwel Laqgħa Ġenerali propja saret fit-30 ta’ Jannat 1977 u fiha tfassal l-Statut propja li l-Għaqda kellha timxi fuqu. Minnufih bdew l-attivitajiet biex jitwettaq l-għan ewlieni li għalih twaqqfet l-Għ.P.M.; jiġifieri Biex tinżamm rabta ta’ ħbiberija u ta’ ħidma flimkien bejn il-poeti ta’ nazzjonalita’ Maltija, ikun liema jkun l-ilsien li bih jiktbu; u biex jitħeġġu u jkollhom għajnuna dawk fosthom li jkunu jixtiequ jiġbru vrushom siewja fi ktieb; fl-istess waqt biex titqajjem kuxjenza fost il-poplu tagħna favur il-poeżija.

Fost l-attivitajiet li bdew jiġu organizzati nsibu l-Lejliet ta’ Nbid, Pizza u Poeżija li kienu jsiru f’nru. 226, Triq San Pawl, il-Belt, kif ukoll Konkors ta’ Poeżija kull sena li kompla jiżviluppa mas-snin. Aktar tard l-Għaqda bdiet torganizza wkoll Konkors għat-Tfal.

Saret l-ewwel pubblikazzjoni ta’ poeżiji; ktieb li kien jismu A Poetic Galaxy (1983) li kien iħaddan ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż. L-Għ.P.M. ngħatat programm fuq Radju Malta bl-isem: Poeti u Poeżija. Aktar tard kellha programm fuq Radio 101 bl-isem L-Arti tal-Kelma Miktuba; u programm ukoll fuq Radju BKR (ta’ Birkirkara) bl-isem Mid-Dinja tal-Poeżija.

Dwar Pubblikazzjonijiet li ppubblikat l-Għ.P.M. barra A poetic Galaxy nsibu Diwi fl-Ispazju(1985); Tifkiriet Kalabriżi/Ricordi Calabresi (1986); Il-Papa fi ħsieb il-Poeti Maltin (1990); Msiebaħ Mediterranji/Lucerne Mediterranee (1995); Riflessi Fiddiena (2000) Arkadja (2004) u l-Antoloġija li ser tkun imnedia llum biex tfakkar l-40 sena tagħha.

Ma’ dawn ta’ min iżid ir-rivista Versi li bdiet toħroġ fl-1986 tliet darbiet fis-sena u llum qed tkun ippubblikata darbtejn fis-sena. L-ewwel editur tagħha kien Dr. Karmenu Mallia, u l-membri tal-bord editorjali kienu Charles Magro u jiena. Edituri oħra ta’ Versi kienu Godwin u Patrick Sammut. Mhux ta’ min iħalli barra l-Fuljett Il-Folju li għal ħafna snin kien f’idejn Patrick Sammut u llum jieħu ħsiebu l-President attwali. Dan joħroġ kull staġun u jintbagħat lill-membri tal-Għaqda.

Fl-1986 l-Għ.P.M. ħatret l-ewwel sitt Membri Onorarji ad vitam. Dawn kienu: Prof. Ġuże’ Aquilina, Karmenu Vassallo, Dr. Wallace Ph. Gulia, Ġuże’ Chetcuti, Patri Wistin Born O.P., Karmenu Ellul Galea u Ġorġ Pisani. Dawn inbidlu mal-mewt tagħhom u flokhom inħatru in-Nutar V.M. Pellegrini, Dun Frans Camilleri, Dr. Karmenu Mallia, Alfred Palma, Peter A. Caruana, il-Baruni Kelinu Vella Haber, Ġanninu Cremona, Marċell Mizzi L.P. u Lina Brockdorff.

Fl-1993 l-Għ.P.M. ħatret lil San Miguel Febres Cordero, poeta u prożatur Kolombjan (1854-1910) bħala l-Patrun tagħha.

Fis-sena 2000 Mons. Buontempo ħalla l-post ta’ President minħabba saħħtu u nħatar l-ewwel President Onorarju tal-Għaqda. Postu ħadtu jien li mexxejt l-Għaqda sat-28 ta’ Jannar 2012. imbagħad fil-5 ta’ Settembru tal-istess sena nħtart it-tieni President Onorarju tal-Għaqda. Illum it-tmun tal-Għ.P.M. ji8nsab f’idejn Charles Magro. Fiż-żmien li kont President flimkien mal-membri tal-Kumitat filwaqt li ssuktajna bl-attivitajiet ta’ qabel, iddeċidejna li l-Lejliet ta’ Poeżija noħorġuhom barra l-Belt u nduru f’bliet nu nrħula diversi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Grazzi għall-koperazzjoni li sibna minn diversi Kunsilli Lokali u Għaqdiet oħra, organizzajna dawn il-Lejliet li kienu suċċess għax għalihom mhux biss attendew poeti, imma anki sezzjoni sodisfaċenti mill-poplu tal-lokal.
Irrid insemmi ż-żewġ Lejliet li l-Għaqda ġiet mistiedna torganizza f’għeluq it-80 sena ta’ żewġ poeti membri tagħha Ġorġ Pisani u Ġuże’

Chetcuti; żewġ attivitajiet li kienu suċċess kbir. Ma’ dawn nixtieq inżid is-Serata li saret f’ġieħ San Ġwann tas-Salib (1991) u dik meta nħatar il-patrun tal-Għaqda, San Muguel Febres Cordero (1993). L-Għaqda ħadet sehem ukoll f’attivitajiet oħra li fakkru anniversarji ta’ twelid jew mewt tal-poeti bħal Dun Karm, Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani, Rużar Briffa u Ġuże’ Aqulina u saħasitra Mikiel Anton Vassalli.

L-Għ.P.M. mhux biss tat sehemha biex tqajjem l-interess fostna l-Maltin fejn tidħol il-poeżija, imma anki fejn jidħol ukoll ilsienna u l-identita’ tagħna. Insemmi biss żewġ eżempji. Il-protesti li l-Għaqda esprimiet b’mod kontret meta fl-1978 saret Liġi li kienet tolqot il-kelomiket Malta, Maltin, eċċ. It-tieni eżempju li nixtieq insemmki meta xi wħud ipproponew li jintmess il-kliem tal-Innu Nazzjonali, imma grazzi għall-intervent tal-President Anton Buttigieg l-Innu Malti baqa’ bla mittiefres.

Fl-aħħarnett, kif nista’ ma nsemmix il-Premju Citta’ di Valletta’ li l-Għaqda organizzat għal 10 snin sħaħ ma’ żewġ Għaqdiet Kulturali Taljani, is-Soċjeta’ ISTEU u l-Accademia dei Bronzi ta’ Catanzaro. Dawn iċ-Ċelebrazzjonijiet kienu jsiru fil-Palazz Presidenzjali u saru dejjem taħt awspiċi tal-President tar-Repubblika ta’ Malta. Fihom kienu onorati diversi artisti Maltin. Għal xi snin ukoll numru ta’ poeti membri tal-Għaqda kienu mistednin biex iżuru Catanzaro fejn organizzaw Lejliet ta’ Poeżija u qraw saħasitra versi bil-Malti quddiem udjenzi Taljani.

L-attivitajiet mill-Għ.P.M. issuktaw isiru u għadhom isiru grazzi tal-Kumitat preżenti. Jalla jibqgħu isiru. Dan juri li l-Għ.P.M. hija Għaqda ħajja, Għaqda li verament jixirqilha t-titlu ta’ l-unika Għaqda tal-Poeżija f’pajjiżna.

Illum l-Għaqda għandha l-indirizz elettroniku tagħha li huwa: ghaqdapoetimaltin@hotmail.com u għandha wkoll il-website tagħha: http://ghpm.blogspot.com.mt/


Alfred Massa

President Onorarju tal-Għaqda

 L-Għaqda Poeti Maltin tiċċelebra l-40 sena mit-twaqqif tagħha bil-pubblikazzjoni ta' antoloġija ta' poeżiji minn diversi poeti Maltin.