Pages

Friday, May 9, 2014

Dar l-Emigrant 3 ta' Mejju 2014

Nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju membri tal-Għaqda Poeti Maltin iltaqgħu bħal ma jagħmlu fl-ewwel sibt ta’ kull xahar, ġo kafeterija fil-Belt Valletta sabiex bejn kikkra kafe’ jew te jaqraw xi poeżji.  Din il-laqgħa qed tintgħoġob ferm ma’ xi membri, għaliex madwar mejda jkun hemm diskussjoni informali bosta drabi li toħroġ minn xi vers jew ħsieb li jkun għadu kif inqara.  It-temi li nqraw, li dejjem ikunu ħielsa, varjaw minn xi weġgħa li l-poeta jkun ġarrab wara xi episodju f’ħajtu jew ħsus oħra li jkun għaddej minnhom.  Charles Mifsud fil-poeżija “Mejju? Sabiħ?”  jikteb dwar dan ix-xahar li bosta minnha, forsi minħabba l-fatt li jiġi fir-rebbiegħa, narawh xahar sabiħ..  Mhux hekk iżda l-poeta, għaliex f’dan ix-xahar ġarrab bosta esperjenzi xejn sbieħ.   Tony Vidal ara silta minn poema sentimentali bl-isem ta’ “Marti l-għażiża”.  Kif juri l-isem, din il-poema hija mafkar ħaj għall-mara tiegħu.  Fil-poema wkoll iqabbel il-mewt mal-materjaliżmu li fl-aħħar mill-aħħar dan imut u jispiċċa, filwaqt li l-imħabba hija eterna.   Fuq l-istess ħsieb, Tony Vella Lungro qara l-poeżija “Mingħajrek Le” fejn jispikka l-element sempliċi li jiżboq l-imħabba sinċiera ta’ bejniethom.  Omar Seguna, “Fl-istrajk ta’ mħabbitna” jibqa’ jittama li minkejja dan is-”silenzju”, dlam u maltemp, “Forsi għada tieqaf ix-xita”.  Josef Borg fil-poeżija “Qortin” jikkritika l-istituzzjonijiet politiċi, fejn

“f'dal-ħawt magma
bil-piż tiegħu mtaqqlin
jerfgħu s-soror ta' sororna
moħbijin f'keffet
il-kannizzata tad-destin.”

Salv Sammut jibqa’ fuq dan l-istess ħsieb, forsi ftit aktar immersiv u b’ton sarkastiku sottili.   Raymond Grech ifakkar fit-traġedja ta’ Beslan fejn minkejja  li“instema' wisq biki minn bikri bla srieħ” il-poeta huwa ottimist li “xemx oħra trid titla’”. 
Ma jistax jonqos li l-qari tal-poeżiji jiġu mżewqa bid-diskussjoni.  U xi waqtiet tkun imqanqla mhux ħażin!