Pages

Monday, October 1, 2012

Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija f’B’Kara mill-Għaqda Poeti Maltin



Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru, 2012, fis-7 p.m., l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ B’Kara. Lejla bħal din seħħet in kontemporanja ma’ lejliet ta’ poeżija oħra madwar id-dinja kollha bħala parti mill-inizzjattiva 100,000 Poets for Change li seħħet għall-ewwel darba fl-2011. Din is-sena saru mat-800 reading f’115 pajjiż differenti. It-temi ewlenin ittrattati mill-poeti parteċipanti huma l-paċi, is-sostenibbiltà u l-bidla lejn dinja aħjar.
Il-Lejla nfetħet b’diskors tal-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li wera l-pjaċir tiegħu li Malta, permezz tal-Għaqda, kienet għal darb’oħra qed titpoġġa fuq il-mappa dinjija permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-event internazzjonali. Qal ukoll li l-poeta għandu d-dmir li jaħdem biex iġib dinja aħjar, u dan permezz tal-poeżija tiegħu. Matul il-Lejla mtella’ mill-Għ.P.M. u li għaliha attendew bosta persuni, ipparteċipaw mal-15-il poeta li qraw poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Il-Lejla tmexxiet minn Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għaqda u l-kantanta lirika Analise Schiriha żewqet l-avveniment b’kanzunetti jew għanjiet mir-repertorju liriku Malti u internazzjonali.
Għal darb’oħra avveniment bħal dan seta’ jseħħ bl-għajnuna tal-membru attiv u poeta, Therese Pace. Avveniment bħal dan u l-poeżiji li nqraw matul il-Lejla se jittella’ fuq is-sit virtwali u internazzjonali www.100TPC.org Wara s-serata dawk preżenti kienu mistiedna għal bibita.