GĦAQDA
POETI MALTIN
L-Għaqda
Poeti Maltin twaqqfet f’Diċembru 1975 minn Mons. Dr. Amante
Buontempo. Kien qara artiklu li jien kont ktibt fil-gazzetta
IL-ĦAJJA, li tagħha kont editur letterarju, u li fih kont għamilt
sejħa lill-kittieba anzjani tagħna biex jibqgħu jagħtu sehemhom.
Wara kien ċempilli u talabni biex niltaqa’ miegħu. Tkellimna
fost ħwejjeġ oħra,fuq in-nuqqas ta’ interess li kien hawn
fil-qasam tal-poeżija f’pajjiżna u staqsieni kontx lest li ngħinu
fit-twaqqif ta’ Għaqda bil-għan li tippromwovi l-poeżija. Jiena
offrejtlu l-għajnuna kollha tiegħi f’dan ir-regward.
L-ewwel
Laqgħa Ġenerali saret fl-10 ta’ Diċembru 1975 f’numru 55 Triq
San Pawl, il-Belt fejn aktar tard issuktaw isiru l-laqgħat
tal-Kumitat sakemm Mons. Buontempo baqa’ President. Dakinhar konna
biss 6 persuni. L-ewwel Kumitat proviżjorju kien magħmul hekk.
President: Mons. Dr. Amante Buontempo; Segretarju: Joseph S. Xuereb;
Kaxxier: Carmel Caruana. Membri: In-Nutar V.M. Pellegrini u Mario F.
Bezzina. Jien ħassejt li kelli nibqa’ barra.
Fl-ewwel
Laqgħa Ġenerali propja saret fit-30 ta’ Jannat 1977 u fiha
tfassal l-Statut
propja li l-Għaqda kellha timxi fuqu. Minnufih bdew l-attivitajiet
biex jitwettaq l-għan ewlieni li għalih twaqqfet l-Għ.P.M.;
jiġifieri Biex
tinżamm rabta ta’ ħbiberija u ta’ ħidma flimkien bejn il-poeti
ta’ nazzjonalita’ Maltija, ikun liema jkun l-ilsien li bih
jiktbu; u biex jitħeġġu u jkollhom għajnuna dawk fosthom li jkunu
jixtiequ jiġbru vrushom siewja fi ktieb; fl-istess waqt biex
titqajjem kuxjenza fost il-poplu tagħna favur il-poeżija.
Fost
l-attivitajiet li bdew jiġu organizzati nsibu l-Lejliet
ta’ Nbid, Pizza u Poeżija li
kienu jsiru f’nru. 226, Triq San Pawl, il-Belt, kif ukoll Konkors
ta’ Poeżija kull sena li kompla jiżviluppa mas-snin. Aktar tard
l-Għaqda bdiet torganizza wkoll Konkors għat-Tfal.
Saret
l-ewwel pubblikazzjoni ta’ poeżiji; ktieb li kien jismu A
Poetic Galaxy
(1983) li kien iħaddan ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż. L-Għ.P.M.
ngħatat programm fuq Radju Malta bl-isem: Poeti
u Poeżija. Aktar
tard kellha programm fuq Radio 101 bl-isem L-Arti
tal-Kelma Miktuba;
u programm ukoll fuq Radju BKR (ta’ Birkirkara) bl-isem Mid-Dinja
tal-Poeżija.
Dwar
Pubblikazzjonijiet li ppubblikat l-Għ.P.M. barra A
poetic Galaxy
nsibu Diwi
fl-Ispazju(1985);
Tifkiriet
Kalabriżi/Ricordi Calabresi
(1986); Il-Papa
fi ħsieb il-Poeti Maltin (1990);
Msiebaħ
Mediterranji/Lucerne Mediterranee
(1995); Riflessi
Fiddiena
(2000) Arkadja
(2004) u l-Antoloġija li ser tkun imnedia llum biex tfakkar l-40
sena tagħha.
Ma’
dawn ta’ min iżid ir-rivista Versi
li
bdiet toħroġ fl-1986 tliet darbiet fis-sena u llum qed tkun
ippubblikata darbtejn fis-sena. L-ewwel editur tagħha kien Dr.
Karmenu Mallia, u l-membri tal-bord editorjali kienu Charles Magro u
jiena. Edituri oħra ta’ Versi
kienu Godwin u Patrick Sammut. Mhux ta’ min iħalli barra
l-Fuljett Il-Folju
li għal ħafna snin kien f’idejn Patrick Sammut u llum jieħu
ħsiebu l-President attwali. Dan joħroġ kull staġun u jintbagħat
lill-membri tal-Għaqda.
Fl-1986
l-Għ.P.M. ħatret l-ewwel sitt Membri
Onorarji ad vitam.
Dawn kienu: Prof. Ġuże’ Aquilina, Karmenu Vassallo, Dr. Wallace
Ph. Gulia, Ġuże’ Chetcuti, Patri Wistin Born O.P., Karmenu Ellul
Galea u Ġorġ Pisani. Dawn inbidlu mal-mewt tagħhom u flokhom
inħatru in-Nutar V.M. Pellegrini, Dun Frans Camilleri, Dr. Karmenu
Mallia, Alfred Palma, Peter A. Caruana, il-Baruni Kelinu Vella Haber,
Ġanninu Cremona, Marċell Mizzi L.P. u Lina Brockdorff.
Fl-1993
l-Għ.P.M. ħatret lil San
Miguel
Febres
Cordero,
poeta u prożatur Kolombjan (1854-1910) bħala l-Patrun tagħha.
Fis-sena
2000 Mons. Buontempo ħalla l-post ta’ President minħabba saħħtu
u nħatar l-ewwel President Onorarju tal-Għaqda. Postu ħadtu jien
li mexxejt l-Għaqda sat-28 ta’ Jannar 2012. imbagħad fil-5 ta’
Settembru tal-istess sena nħtart it-tieni President Onorarju
tal-Għaqda. Illum it-tmun tal-Għ.P.M. ji8nsab f’idejn Charles
Magro. Fiż-żmien li kont President flimkien mal-membri tal-Kumitat
filwaqt li ssuktajna bl-attivitajiet ta’ qabel, iddeċidejna li
l-Lejliet
ta’ Poeżija
noħorġuhom barra l-Belt u nduru f’bliet nu nrħula diversi kemm
f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Grazzi għall-koperazzjoni li
sibna minn diversi Kunsilli Lokali u Għaqdiet oħra, organizzajna
dawn il-Lejliet
li kienu suċċess għax għalihom mhux biss attendew poeti, imma
anki sezzjoni sodisfaċenti mill-poplu tal-lokal.
Irrid
insemmi ż-żewġ Lejliet
li l-Għaqda ġiet mistiedna torganizza f’għeluq it-80 sena ta’
żewġ poeti membri tagħha Ġorġ Pisani u Ġuże’
Chetcuti;
żewġ attivitajiet li kienu suċċess kbir. Ma’ dawn nixtieq
inżid is-Serata li saret f’ġieħ San Ġwann tas-Salib (1991) u
dik meta nħatar il-patrun tal-Għaqda, San Muguel Febres Cordero
(1993). L-Għaqda ħadet sehem ukoll f’attivitajiet oħra li
fakkru anniversarji ta’ twelid jew mewt tal-poeti bħal Dun Karm,
Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani, Rużar Briffa u Ġuże’ Aqulina u
saħasitra Mikiel Anton Vassalli.
L-Għ.P.M.
mhux biss tat sehemha biex tqajjem l-interess fostna l-Maltin fejn
tidħol il-poeżija, imma anki fejn jidħol ukoll ilsienna u
l-identita’ tagħna. Insemmi biss żewġ eżempji. Il-protesti li
l-Għaqda esprimiet b’mod kontret meta fl-1978 saret Liġi li
kienet tolqot il-kelomiket Malta,
Maltin, eċċ. It-tieni
eżempju li nixtieq insemmki meta xi wħud ipproponew li jintmess
il-kliem tal-Innu Nazzjonali, imma grazzi għall-intervent
tal-President Anton Buttigieg l-Innu Malti baqa’ bla mittiefres.
Fl-aħħarnett,
kif nista’ ma nsemmix il-Premju Citta’
di Valletta’ li
l-Għaqda organizzat għal 10 snin sħaħ ma’ żewġ Għaqdiet
Kulturali Taljani, is-Soċjeta’ ISTEU u l-Accademia dei Bronzi ta’
Catanzaro. Dawn iċ-Ċelebrazzjonijiet kienu jsiru fil-Palazz
Presidenzjali u saru dejjem taħt awspiċi tal-President
tar-Repubblika ta’ Malta. Fihom kienu onorati diversi artisti
Maltin. Għal xi snin ukoll numru ta’ poeti membri tal-Għaqda
kienu mistednin biex iżuru Catanzaro fejn organizzaw Lejliet
ta’ Poeżija
u qraw saħasitra versi bil-Malti quddiem udjenzi Taljani.
L-attivitajiet
mill-Għ.P.M. issuktaw isiru u għadhom isiru grazzi tal-Kumitat
preżenti. Jalla jibqgħu isiru. Dan juri li l-Għ.P.M. hija Għaqda
ħajja, Għaqda li verament jixirqilha t-titlu ta’ l-unika Għaqda
tal-Poeżija f’pajjiżna.
Illum
l-Għaqda għandha l-indirizz elettroniku tagħha li huwa:
ghaqdapoetimaltin@hotmail.com
u għandha wkoll il-website tagħha: http://ghpm.blogspot.com.mt/
Alfred Massa
No comments:
Post a Comment