Fl-10 ta’ Diċembru 2015 l-Għaqda Poeti Maltin għalqet 40 sena mit-twaqqif tagħha. Dan l-Anniversarju l-Għaqda ċċelebratu b’Antoloġija ta’ poeżiji tal-Membri: “Irdieden ta’ Lwien”, b’bolla ppersonalizzata u ttimbrata 10-xii-2015, u b’Ċelebrazzjoni u Riċeviment li saru fis-sala tas-Soċjetà tal-Arti, il-Belt, fis-16 ta’ Diċembru 2015.
Fetaħ is-Serata taċ-Ċelebrazzjoni l-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li qal li dawn kienu erbgħin sena ta’ ħidma kontra l-kurrent. Kumitat wara ieħor ħadmu biex il-poeżija f’Malta tingħata l-istess pożizzjoni għolja li kellhom u għad għandhom il-proża u ġeneri letterarji oħrajn. Dan għamluh b’ħafna sagrifiċċji, anki finanzjarji. Ebda bieb li ħabbtet l-Għaqda għall-għajnuna ma nfetħilha. Iżda minkejja kollox, l-Għ.P.M. kisbet suċċessi kbar, kemm fix-xenarju letterarju Malti, kif ukoll barra.
Is-suċċessi tal-Għ.P.M. ġew elenkati mill-ewwel kelliem, li kellu jkun is-Sur Alfred Massa, President Onorarju tal-Għaqda. Iżda s-Sur Massa kien indispost, u t-taħdita tiegħu, li kienet bil-miktub, inqrat mis-Sur Omar Seguna, Viċi President tal-Għ.P.M. F’din it-taħdita ssemmew il-kuntatti li l-Għaqda kellha ma’ assoċjazzjonijiet letterarji barranin. Issemmew l-10 edizzjonijiet tal-Premju Città di Valletta, li kien isir taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta, u f’wieħed mill-palazzi presidenzjali. Issemmew ukoll il-Membri Onorarji tal-imgħoddi u attwali, li kollha kienu kburin bir-rabta tagħhom mal-Għ.P.M.
It-tieni taħdita saret mis-Sur Peter Paul Chetcuti, li hu n-neputi tal-Fundatur u l-Ewwel President tal-Għ.P.M. Is-Sur Chetcuti hu ammiratur u benefattur tal-Għ.P.M. Naturalment dan tkellem fuq zijuh, Mons. Dr Amante Buontempo, JUD., li kien jaf mill-qrib ħafna. Is-Sur Chetcuti semma l-imħabbiet ta’ Mons Buontempo, fosthom u fuq nett il-Knisja (kien Saċerdot), il-familja u l-poeżija, li tatu ħafna sodisfazzjon. Kien ikiddu ftit il-fatt li kien iktar irrikonoxxut barra minn Malta milli f’Pajjiżna.
Waqt is-Serata saret ukoll it-tnedja tal-Antoloġija kommemorattiva “Raddiena Ta’ Lwien”. Fuq din l-Antoloġija tkellem il-Poeta, Kritiku Letterarju u Għalliem, is-Sur Patrick Sammut. Hu faħħar il-livell għoli tal-poeżija tad-39 kontributur, Membri tal-Għ.P.M., li ħadu sehem f’din l-Antoloġija. Fl-analiżi tiegħu daħal ftit fil-fond, u semma d-diversi forom tal-poeżija, il-lessiku użat, il-metafora u d-diversi forom tat-taħdit użati fil-poeżiji ppreżentati.
L-Antoloġja għandha Daħla mill-Prof. Oliver Friggieri, li għen ukoll fil-qari tal-provi. Fl-aħħar tas-Serata kopji ta’ din l-Antoloġija tqassmu lil dawk li huma intitolati għalihom.
Bejn l-interventi tal-kelliema kien hemm ukoll interventi mużikali mill-kantawtur u ħabib tal-Għ.P.M. Walter Micallef.
Is-Serata ġiet fi tmiemha b’riċeviment fil-bitħa tas-Soċjetà tal-Arti.
Charles Magro
President
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment