Pages

Wednesday, July 30, 2014

LEJLA TA' POEŻIJA FLIMKIEN MA' POETESSA MILL-ITALJA


Nhar il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, fis-7 p.m. l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta' Poeżija fis-sala ewlenija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol, fil-Furjana. Waqt din il-lejla nqraw poeżiji b'ilsna differenti minn membri tal-Għ.P.M. Iċ-ċentru tal-lejla kienet it-tnedija tal-ġabra ta' poeżiji CON GLI OCCHI DEL CUORE (2014) tal-poetessa Taljana minn Morbegno (Sondrio, Lombardia), Paola Mara De Maestri.

Din hija t-tieni darba li De Maestri pparteċipat f'lejla ta' poeżija mtellgħa mill-Għaqda Poeti Maltin. L-aħħar darba kien fl-2009 fir-Razzett tal-Markiż Tabone, fil-Mosta. Inqrat bijografija qasira tal-poetessa mill-membru u poeta Emmanuel Attard Cassar u aktar tard Patrick Sammut - li kiteb l-introduzzjoni kritika għal dan il-ktieb - intervistaha f'rabta mal-ġabra poetika ġdida tagħha. Preżenti kien hemm ukoll l-artist u għalliem tal-Arti u Storja tal-Arti, Hilary Spiteri, li ħa ħsieb it-tpinġijiet li jakkumpanjaw il-poeżiji ta' De Maestri. Sammut staqsa lil Spiteri dwar din l-esperjenza tiegħu li jittraduċi l-poeżija f'immaġni. Paola Mara De Maestri wieġbet għal numru ta' mistoqsijiet fosthom dwar il-pubblikazzjonijiet tagħha, it-temi li tikteb dwarhom u l-istili li tuża, u qrat ukoll għadd ta' poeżiji mill-ġabra ġdida tagħha.

Waqt il-lejla l-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, għamel id-diskorsi tal-ftuħ u tal-għeluq, Miriam Ellul, l-URP tal-Għaqda, mexxiet il-lejla, filwaqt li Ray Ellul ipprovda l-intervalli mużikali permezz tal-kitarra. Wara s-serata kien hemm ukoll bibita.

Nota bijografika:
Paola Mara De Maestri hija għalliema, ġurnalista u editriċi tal-folju kulturali u letterarjuBottega Letteraria li joħroġ mar-rivista ’l Gazetin f’Sondrio, fl-Italja ta’ Fuq. Hija parti miċ-Circolo Culturale Filatelico Numismatico Morbegnese (So), u tikkollabora f’rabta mas-sit virtwaliTellusfolio. Hija l-moħħ wara inizzjattivi bħal “Poeti, un premio dalle scuole” u ta’ Konkorsi Nazzjonali u Intenazzjonali tal-Poeżija bħal “Montagna viva” , “Il silenzio della montagna e le voci del mare” (proġett li sar flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin),  "Piccolo mondo…antico, presente e futuro di Valtellina, Valchiavenna e del Canton Grigioni”,  u "Ricordi, tradizioni e valori della gente di montagna della Valtellina e della Valchiavenna". Hija l-editriċi ta’ antoloġiji poetiċi bħal “Poeti Lombardi” e "Donne in poesia", f’kollaborazzjoni mad-dar tal-pubblikazzjoni Giulio Perrone. Bħala kittieba ġiet mogħtija rikonoxximent mill-Konkors imniedi mir-Rai "I giovani incontrano l'Europa" (1992), mill-Konkors Nazzjonali "Marcello Landi" (2000) u mill-Konkors Letterarju u Radjufoniku "E il naufragar m'è dolce in questa radio" (2001). Kisbet it-tielet post fil-Konkors Nazzjonali “Città di Imola 2004” u fil-Konkors "Il Natale" (2008). Paola Mara De Maestri kisbet merti oħra f’għadd ta’ konkorsi oħra bejn l-2005 u l-2008.
L-ewwel ġabra poetika tagħha ġġib l-isem ta’ "Dentro la vita" (2001). Is-sena 2004 ġabet magħha l-pubblikazzjoni tat-tieni ġabra poetika tagħha "L'amore parla piano", b’disinni tal-pittriċi Spanjola Mari Carmen Mur. Fl-2008 ippubblikat it-tielet ġabra ta’ poeżiji bl-isem ta’ “Il pane del sorriso”,  u fl-2010 ħarġet ġabra oħra bl-isem "Aquiloni d'argento", maħruġ miċ-Circolo Culturale F/N Morbegnese biex ifakkar il-25 sena ta’ kitba ta’ poeżija min-naħa ta’ De Maestri.
Paola Mara De Maestri kienet diġà mistiedna speċjali tal-Għaqda Poeti Maltin fl-2009 fir-Razzett tal-Markiż.

F’din il-ġabra ġdida tagħha CON GLI OCCHI DEL CUORE t-tema ewlenija hija l-imħabba. L-imħabba tinftiehem bħala ħolqa li tgħaqqad lill-poetessa ma’ missierha u ma’ binha, iż-żewġ persuni li lilhom tiddedika din il-ġabra ta’ poeżiji. Insibu għalhekk anki kuntrasti bħalma huma l-mewt (ta’ missierha) u t-twelid (ta’ binha Goele), waqtiet ta’ swied il-qalb u oħrajn ta’ hena u ferħ. CON GLI OCCHI DEL CUORE tittratta wkoll ir-rabta u sens ta’ kontinwità li jeżistu bejn l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni. Dan il-ktieb għandu daħla kritika minn Patrick Sammut u tpinġijiet ta’ Hilary Spiteri.

No comments:

Post a Comment