Pages

Tuesday, October 29, 2013

LEJLA F’ĠIEĦ KARMENU VASSALLO MILL-GĦAQDA POETI MALTIN

Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013, fis-6.30 pm, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-Poeta tan-Nirien, Karmenu Vassallo. Dan seħħ fir-Razzett tal-Markiż, Ċentru Nazzjonali tal-Kultura fil-Mosta, immexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Għal-lejla kienu preżenti tliet ulied ta’ Karmenu Vassallo, Oliver Paul, Nikol u Jane u familjari oħrajn. Il-President tal-Poeti Maltin, Charles Magro, fetaħ bid-diskors tiegħu u fakkar li Karmenu Vassallo hu fost il-poeti Romantiċi ewlenin. Fakkar ukoll li Karmenu Vassallo kien Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, fatt li kompla jgħolli l-prestiġju tal-Għaqda. Matul is-serata nqraw bijografija tal-Poeta, siltiet minn ittri li kienu ntbagħtu lilu minn kittieba u personalitajiet prominenti, u għadd ta’ poeżiji minn ġabriet differenti li Vassallo ppubblika, fosthom NIRIEN u TNEMNIM. Għas-serata kien preżenti Marcel Zammit Marmarà, studjuż u bijografu ta’ Vassallo, li tkellem dwar ir-relazzjoni tal-poeta mis-Siġġiewi mal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila, u qara xi korrispondenza li kienet tgħaddi bejniethom. Tkellem ukoll dwar Vassallo ibnu Oliver Paul. Huwa fakkar f’kemm missieru kien perfezzjonista meta kien jikteb il-versi tiegħu u qara wkoll xi poeżiji tal-Poeta tan-Nirien. Kien hemm ukoll ħin għall-membri tal-Għaqda Poeti Maltin li qraw xi poeżiji ddedikati lil jew ispirati minn Karmenu Vassallo. Is-serata tmexxiet mill-PRO tal-Għaqda Poeti Maltin, Miriam Ellul, u l-intervalli mużikali ġew ipprovduti minn Ray Ellul. Wara kien hemm ukoll bibita li matulha dawk li attendew setgħu jitkellmu anki mal-familjari ta’ Karmenu Vassallo.

Qari ta’ Poeżiji l-Belt Valletta

L-Għaqda Poeti Maltin għal darb’oħra tistieden lill-Membri u l-familjari
tagħhom flimkien mal-pubbliku ġenerali għal nofstanhar ieħor ta’ qari ta’
poeżiji fil-Kafeterija ta’ ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq nhar is-Sibt, 2 ta’
Novembru biex flimkien naqsmu l-ħsibijiet ġewwiena tagħna. Bħas-soltu l-ħin
ikun bejn l-għaxra u nofsinhar.”

Sunday, October 13, 2013

Jum il-Poeżija 2013



Fil-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena hawn Malta niċċelebraw JUM IL-POEŻIJA.

            Dan mhux Jum li jiġi ċċelebrat Malta biss; anzi ħafna pajjiżi fid-dinja jiċċelebrawh, ukoll jekk f’dati differenti minn tagħna.

            X’inhu l-għan li għalih jiġi ċċelebrat dan il-Jum?  U għaliex propju tiġi ċċelebrata l-Poeżija, u mhux il-Proża, jew l-Arti Viżiva, jew xi forma oħra tal-arti?

            Għax il-Poeżija hi l-evidenza tal-ħajja (Leonard Cohen).  Il-poeta hu ispirat mill-esperjenzi ta’ ħajtu u tal-ħajja fi żmienu.  Dawn l-esperjenzi u emozzjonijiet varji jitfagħhom fil-versi tiegħu u juniversalizzahom.  Għalhekk, filwaqt li permezz tal-Poeżija l-awtur ikun qed jipprova jaħrab mir-realtà li ma togħġbux u jaħlaq realtà ideali, aħjar minn dik tal-eżistenza tiegħu, il-Poeżija ma tistax ma tkunx ritorn lejn dik ir-realtà li l-poeta jkun jixtieq jaħrab minnha.  Il-poeta hu giddieb li dejjem jgħid il-verità (Jean Cocteau).

            Veru li dan jista’ jingħad għal kull forma oħra tal-arti.  Iżda waħda mill-merti tal-Poeżija li ħadd ma jista’ jiċħad hi li tgħid iktar u f’inqas kliem mill-proża (Voltaire).

            X’inhi l-qawwa tal-Poeżija?  X’jagħmilha aktar sublimi minn forom oħrajn tal-attivitajiet tal-bniedem?  Meta l-poter iwassal lill-bniedem għall-arroganza, il-Poeżija tfakkru fil-limitazzjonijiet tiegħu.  Meta l-poter iwassal lill-bniedem biex jimpurtah minn inqas affarijiet li qabel kienu jikkonċernawh, il-Poeżija tfakkru fl-għana u d-diversità tal-eżistenza.  Meta l-poter jikkorrompi, il-Poeżija tnaddaf (John F. Kennedy).

Charles Magro, BA, MOM
President

Monday, October 7, 2013

Serata f'Ġieħ il-Poeta Siġġiewi, Karmenu Vassallo.

L-Għaqda Poeti Maltin, nhar il-Ġimgħa, 18 ta' Ottubru, fis-6:30 ta' filgħaxija ġewwa r-Razzett tal-Markiż Tabona fil-Mosta, se ttella' serata f'ġieħ il-Poeta Siġġiewi, Karmenu Vassallo. Il-membri tal-Għaqda kif ukoll il-pubbliku ġenerali huma mistiedna jattendu u min għandu xi poeżija relatata ma' dan il-poeta jista' jiġi u jaqraha.

Huwa xieraq li dan il-poeta kbir Malti jingħata l-ġieħ li jixraqlu. Għalhekk, inħeġġu lil kulħadd biex jattendi f'lejla ta' ħbiberija u poeżija.

Sunday, October 6, 2013

Interview Tatjana Debeljački vs. Patrick Sammut

You are the president of the Maltese Poets Association and the editor of the poetry magazine “Versi”?
In truth I am the vice-president, not the president, of the Maltese Poets Association (www.ghpm.blogspot.com). There were many members of the association who wanted me to become president, but I am not a leader, much better a follower. The MPA was founded in 1975 and it works to strengthen the love for poetry reading and writing here in Malta. Today it is composed of 90 members: some are beginners, some write poetry as a pastime and to remember special occasions, others are more promising, while others are established poets who have been publishing poetry collections for various years. We organize poetry evenings in different parts of the Maltese Islands, publish poetry anthologies on special occasions, organize two Poetry Competitions annually – one for adults in July-August and one for school children in November-December -, have different contacts with poets all over the world and publish the quarterly poetry magazine VERSI, established in 1986. I am currently editor of this magazine in which one can read poems from our members’ pen, poems from poets coming from different parts of the world, information about poetry in the world and about the MPA’s activities during the year. We also publish literary essays on poetry which help students who are sitting for the local Maltese literature secondary and matriculation examinations.

As member and vice-president of the MPA and editor of VERSI I have come to know many poets both from Malta and abroad. This gave me the opportunity to read many poetry collections which my poet friends give me for reviewing and also as a sign of friendship.


http://www.diogenpro.com/interview-patrick-sammut.html

Saturday, October 5, 2013

Il-Baruni Kelinu Vella Haber


"Delegazzjoni mill-Għaqda Poeti Maltin għamlet żjara ta' kortesija u awgurju fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid tal-Membru Onorarju tal-Għaqda. il-Baruni Kelinu Vella Haber fl-1 ta' Ottubru. Din iż-żjara kienet magħmula mill-President Charles Magra; mill-Viċi President Patrick Sammut; mis-Segretarju Salv Sammut u l-Assistent Segretarju Charles Mifsud. Kienet atmosfera sabiħa bil-mod luċidu li għadu fih il-Baruni u l-mod li kompla mad-delegazzjoni. Kienet sorpriża ħelwa meta għal għarrieda, il-Baruni qam bilwieqfa u bl-amment qara poeżij twila li kien kiteb aktar minn ħamsa u ħamsin sena ilu. L-Għaqda Poeti Maltin tawgura lil Baruni Kelinu Vella Haber snin aktar twal ta' ħajja mimlija hena u risq."

Thursday, October 3, 2013

Festa tal-Ktieb

Il-Fiera tal-Ktieb (BookFair) li ssir kull sena ġewwa Dar il-Mediterran issa se tibda tissejjaħ Festa tal-Ktieb (BookFest). Id-dati huma mit-13 sas-17 ta’ Novembru. Għall-ewwel darba minn kemm ilha ssir din l-attività, l-Għaqda Poeti Maltin se jkollha stand għaliha. F’dan l-istand, l-Għaqda se jkollha għal bejgħ kemm il-kotba, rivisti eċċ li ħarġet matul is-snin kif ukoll xi kotba li l-membri jogħġobhom jgħaddulha biex il-qligħ minnhom imur b’risq l-Għaqda.

B’dan il-ħsieb f’moħħna qed nistiednek biex jekk trid tgħin l-Għaqda, tista’ tgħaddi xi pubblikazzjonijiet tiegħek biex jinbiegħu waqt dik il-ġimgħa u d-dħul minnhom imur għall-Għaqda Poeti Maltin. Min hu nteressat, jista’ jagħmel kuntatt miegħi jew fuq l-indirizz elettroniku jew bit-telefown kif indikat aktar ’il fuq.