Saturday, October 27, 2012
LEJLA TA’ POEŻIJA F’ĠIEĦ ANTON BUTTIGIEG
Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Ottubru 2012, fis-7p.m., l-Għaqda Poeti Maltin, tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-“Poeta tan-Natura”, Anton Buttigieg. Din id-darba l-post magħżul kien ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fil-Mosta (li llum hu wkoll Ċentru Kulturali Nazzjonali), immexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-lejla tmexxiet mill-P.R.O. tal-Għ.P.M., Miriam Ellul. Id-diskors tal-ftuħ sar mill-President ta’ din l-għaqda, Charles Magro. Hu qal li hu xieraq li jitfakkar il-mitt anniversarju mill-mewt ta’ dan il-poeta li kien ukoll President ta’ Malta. Fakkar li Buttigieg kiteb bosta poeżiji dwar in-natura għax hemm kien isib is-serħan u l-armonija, filwaqt li kien jemmen li l-bniedem ftit għandu post fil-versi tiegħu ladarba dan hu sinonimu ta’ qirda. Wara nqraw bijografija ta’ Anton Buttigieg u studju kritiku dwar il-forom metriċi u prosodiċi mħaddma minn dan il-poeta matul is-snin. Il-membri tal-Għ.P.M. qraw għadd ta’ poeżiji kemm miktubin mill-istess Anton Buttigieg, kif ukoll poeżiji oriġinali - miktubin minn xi membri tal-Għ.P.M. u persuni preżenti - ispirati minn dan il-poeta romantiku. Għal din is-serata kienu preżenti t-tliet ulied ta’ Anton Buttigieg: Dr. John Buttigieg, is-Sinjura Rose Brincat u Dr. Emmanuel Buttigieg, magħruf ukoll bħala Manol. Dan tal-aħħar qara tliet poeżiji minn tiegħu ddedikati lil missieru, filwaqt li Dr. John Buttigieg irrakkonta xi aneddoti interessanti dwar meta kien jgħix ma’ missieru fil-Ħamrun. Għal darb’oħra l-intervalli mużikali tħallew f’idejn il-kantanta lirika Analise Sciriha li żewqet is-serata billi kantat għanjiet klassiċi b’ilsna differenti. Wara s-serata kien hemm bibita għal dawk li attendew.
Sunday, October 21, 2012
Lejla Anton Buttigieg
Nhar
il-Ġimgħa 26 ta' Ottubru, fis-7 p.m., l-Għaqda Poeti Maltin, flimkien mal-Għaqda
Filantropika Talent Mosti, se ttella' Lejla ta' Poeżija oħra, din id-darba biex
tfakkar il-100 sena mit-twelid tal-poeta Għawdxi, Anton Buttigieg. Il-post se
jkun fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta, wara r-Rotunda.
Dawk li jattendu se jkollhom ukoll ħin biex jaqraw il-poeżiji tagħhom. Waqt is-serata f'ġieħ Anton Buttigieg jistgħu jinqraw kemm poeżiji tal-Poeta kif ukoll poeżiji dwar dan il-"Poeta tan-Natura" miktubin minn dawk li jattendu.
Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b'xejn.
Dawk li jattendu se jkollhom ukoll ħin biex jaqraw il-poeżiji tagħhom. Waqt is-serata f'ġieħ Anton Buttigieg jistgħu jinqraw kemm poeżiji tal-Poeta kif ukoll poeżiji dwar dan il-"Poeta tan-Natura" miktubin minn dawk li jattendu.
Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b'xejn.
Friday, October 19, 2012
L-Għaqda Poeti Maltin taħtar Membru Onorarju ġdid
Nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru, fis-7 p.m., fis-sala ewlenija tas-Soċjetà tal-Arti Manifattura u Kummerċ, l-Għaqda
Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika li matulha ħatret lis-Sur Rigu
Bovingdon bħala Membru Onorarju tagħna. Il-lejla infetħet mill-President
tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li fid-diskors tiegħu fakkar li l-Għaqda
ilha mwaqqfa sa mill-1975 u li matul dawn is-snin kollha ħatret bosta Membri
Onorarji bħal Karmenu Vassallo, Ġorġ Zammit, Ġużè Aquilina, Ġużè Chetcuti, Wallace Gulia, Ġorġ Pisani,
patri Wistin Born, imma anki oħrajn reċenti bħal V.M. Pellegrini, Carmel
Mallia, Ġianninu Cremna, il-Kan. Joe Meilaq, Kelinu Vella Haber, Marċell Mizzi,
Alfred Palma, Lina Brockdorff u Peter Caruana. Magro fakkar ukoll li matul dawn
is-snin l-Għaqda gawdiet prestiġju kbir bħalma kienu l-għaxar edizzjonijiet
tal-Premio Città di
Valletta li kien taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta u li kien jingħata
lil personalitajiet li jkunu eċċellaw f’oqsma artistiċi differenti. Magro
sostna li isem l-Għ.P.M. huwa magħruf u maħbub anki barra minn Malta, inkluż
fl-Awstralja, fejn għandha wkoll il-membri tagħha. Qal ukoll li l-ħatra ta’
Bovingdon bħala Membru Onorarju żgur għandha sservi ta’ spinta lill-istess
Għaqda biex isimha jkompli jinfirex fil-kontinent Awstraljan.
Il-lejla tmexxiet mis-Sinjura Miriam Ellul, il-P.R.O., li qrat ukoll
bijografija tal-mistieden speċjali. Is-Sur Paul Buhagiar ipprovda l-intervalli
mużikali b’kanzunetti b’ilsna differenti. Waqt il-lejla l-membri preżenti qraw
xi poeżiji minn tagħhom bit-tliet ilsna ewlenin, waqt li tkellmu fil-qosor dwar
l-isfond tal-poeżiji tagħhom. Il-lejla laħqet il-quċċata meta Rigu Bovingdon
qara waħda mill-poeżiji tiegħu, miktuba b’Malti mill-isbaħ u mirqum. Wara,
il-President, Charles Magro, u l-viċi-President, Patrick Sammut, ippreżentaw
id-diploma ta’ ħatra bħala Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin lil Rigu
Bovingdon, flimkien ma’ xi kopji tal-antoloġiji poetiċi li l-Għaqda ppubblkat
matul is-snin u medalja. F’diskors qasir, Bovingdon esprima l-ħajr tiegħu
għall-fiduċja li l-Għ.P.M. wriet fih u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jiftakru
f’dawk il-Maltin kollha li ħallew lil art twelidhom biex bnew il-familji
tagħhom f’pajjiżi barranin, imma li xorta baqgħu jħobbu lil Malta b’qalbhom
kollha.
Fl-aħħar is-Sur Rigu Bovingdon ippreżenta lill-President tal-Għ.P.M.
ċekk ta’ 100 Ewro bħala turija ta’ ħajr fl-Għaqda msemmija.
Wednesday, October 10, 2012
Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija għat-tfal 2012
Regolamenti
1.
L-istudenti
parteċipanti jridu jkunu ta’ eta’ ta’ bejn id-disgħa u l-ħdax –il sena.
2.
Il-poeżiji jistgħu jkunu kemm bil-Malti kif ukoll
bl-Ingliż u s-suġġett huwa wieħed liberu.
3.
Kull konkorrent irid jibgħat tliet kopji separati ta’
kull poeżija li jibgħat (mhux aktar minn tliet poeżiji kull persuna) f’dan
l-indirizz:
Charles Mifsud
51, “Caris” Triq F Zahra,
Birkirkara
BKR 1782
4.
Ma’ kull poeżija jinħtieġ li jidhru b’mod ċar l-isem u
l-kunjom, l-eta’ tal-konkorrent, l-indirizz residenzjali, numru tat-telefon/mobajl,
flimkien mal-isem tal-iskola fejn jattenti/tattendi.
5.
Kull poeżija ma tridx tkun itwal minn tletin vers.
6.
Data tal-għeluq tkun it-tletin ta’ Novembru 2012. Wara din id-data ma jiġux aċċettati poeżiji
oħra.
7.
Jingħataw tliet premijiet, l-ewwel, it-tieni u t-tielet u
jistgħu jingħataw premijiet lil dawk li jissemmew b’ġieh mill-ġurija.
8.
Jingħataw ukoll ċertifikati / diploma lil parteċipanti
kollha.
9.
Kull deċiżjoni tal-ġurija hija finali u inappellabbli.
Monday, October 1, 2012
Lejla Internazzjonali ta’ Poeżija f’B’Kara mill-Għaqda Poeti Maltin
Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru,
2012, fis-7 p.m., l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla Internazzjonali ta’
Poeżija fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ B’Kara. Lejla bħal din seħħet in
kontemporanja ma’ lejliet ta’ poeżija oħra madwar id-dinja kollha bħala parti
mill-inizzjattiva 100,000 Poets for Change li seħħet għall-ewwel darba
fl-2011. Din is-sena saru mat-800 reading f’115 pajjiż differenti.
It-temi ewlenin ittrattati mill-poeti parteċipanti huma l-paċi, is-sostenibbiltà u l-bidla lejn dinja aħjar.
Il-Lejla nfetħet b’diskors
tal-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li wera l-pjaċir tiegħu li
Malta, permezz tal-Għaqda, kienet għal darb’oħra qed titpoġġa fuq il-mappa
dinjija permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-event internazzjonali. Qal
ukoll li l-poeta għandu d-dmir li jaħdem biex iġib dinja aħjar, u dan permezz
tal-poeżija tiegħu. Matul il-Lejla mtella’ mill-Għ.P.M. u li għaliha attendew
bosta persuni, ipparteċipaw mal-15-il poeta li qraw poeżiji bil-Malti,
bl-Ingliż u bit-Taljan. Il-Lejla tmexxiet minn Miriam Ellul, il-P.R.O.
tal-Għaqda u l-kantanta lirika Analise Schiriha żewqet l-avveniment b’kanzunetti
jew għanjiet mir-repertorju liriku Malti u internazzjonali.
Għal darb’oħra avveniment bħal
dan seta’ jseħħ bl-għajnuna tal-membru attiv u poeta, Therese Pace. Avveniment
bħal dan u l-poeżiji li nqraw matul il-Lejla se jittella’ fuq is-sit virtwali u
internazzjonali www.100TPC.org Wara
s-serata dawk preżenti kienu mistiedna għal bibita.
Subscribe to:
Posts (Atom)