Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru,
2012, fis-7 p.m., l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla Internazzjonali ta’
Poeżija fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ B’Kara. Lejla bħal din seħħet in
kontemporanja ma’ lejliet ta’ poeżija oħra madwar id-dinja kollha bħala parti
mill-inizzjattiva 100,000 Poets for Change li seħħet għall-ewwel darba
fl-2011. Din is-sena saru mat-800 reading f’115 pajjiż differenti.
It-temi ewlenin ittrattati mill-poeti parteċipanti huma l-paċi, is-sostenibbiltà u l-bidla lejn dinja aħjar.
Il-Lejla nfetħet b’diskors
tal-President tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li wera l-pjaċir tiegħu li
Malta, permezz tal-Għaqda, kienet għal darb’oħra qed titpoġġa fuq il-mappa
dinjija permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-event internazzjonali. Qal
ukoll li l-poeta għandu d-dmir li jaħdem biex iġib dinja aħjar, u dan permezz
tal-poeżija tiegħu. Matul il-Lejla mtella’ mill-Għ.P.M. u li għaliha attendew
bosta persuni, ipparteċipaw mal-15-il poeta li qraw poeżiji bil-Malti,
bl-Ingliż u bit-Taljan. Il-Lejla tmexxiet minn Miriam Ellul, il-P.R.O.
tal-Għaqda u l-kantanta lirika Analise Schiriha żewqet l-avveniment b’kanzunetti
jew għanjiet mir-repertorju liriku Malti u internazzjonali.
Għal darb’oħra avveniment bħal
dan seta’ jseħħ bl-għajnuna tal-membru attiv u poeta, Therese Pace. Avveniment
bħal dan u l-poeżiji li nqraw matul il-Lejla se jittella’ fuq is-sit virtwali u
internazzjonali www.100TPC.org Wara
s-serata dawk preżenti kienu mistiedna għal bibita.
No comments:
Post a Comment