Nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru, fis-7 p.m., fis-sala ewlenija tas-Soċjetà tal-Arti Manifattura u Kummerċ, l-Għaqda
Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika li matulha ħatret lis-Sur Rigu
Bovingdon bħala Membru Onorarju tagħna. Il-lejla infetħet mill-President
tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li fid-diskors tiegħu fakkar li l-Għaqda
ilha mwaqqfa sa mill-1975 u li matul dawn is-snin kollha ħatret bosta Membri
Onorarji bħal Karmenu Vassallo, Ġorġ Zammit, Ġużè Aquilina, Ġużè Chetcuti, Wallace Gulia, Ġorġ Pisani,
patri Wistin Born, imma anki oħrajn reċenti bħal V.M. Pellegrini, Carmel
Mallia, Ġianninu Cremna, il-Kan. Joe Meilaq, Kelinu Vella Haber, Marċell Mizzi,
Alfred Palma, Lina Brockdorff u Peter Caruana. Magro fakkar ukoll li matul dawn
is-snin l-Għaqda gawdiet prestiġju kbir bħalma kienu l-għaxar edizzjonijiet
tal-Premio Città di
Valletta li kien taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta u li kien jingħata
lil personalitajiet li jkunu eċċellaw f’oqsma artistiċi differenti. Magro
sostna li isem l-Għ.P.M. huwa magħruf u maħbub anki barra minn Malta, inkluż
fl-Awstralja, fejn għandha wkoll il-membri tagħha. Qal ukoll li l-ħatra ta’
Bovingdon bħala Membru Onorarju żgur għandha sservi ta’ spinta lill-istess
Għaqda biex isimha jkompli jinfirex fil-kontinent Awstraljan.
Il-lejla tmexxiet mis-Sinjura Miriam Ellul, il-P.R.O., li qrat ukoll
bijografija tal-mistieden speċjali. Is-Sur Paul Buhagiar ipprovda l-intervalli
mużikali b’kanzunetti b’ilsna differenti. Waqt il-lejla l-membri preżenti qraw
xi poeżiji minn tagħhom bit-tliet ilsna ewlenin, waqt li tkellmu fil-qosor dwar
l-isfond tal-poeżiji tagħhom. Il-lejla laħqet il-quċċata meta Rigu Bovingdon
qara waħda mill-poeżiji tiegħu, miktuba b’Malti mill-isbaħ u mirqum. Wara,
il-President, Charles Magro, u l-viċi-President, Patrick Sammut, ippreżentaw
id-diploma ta’ ħatra bħala Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin lil Rigu
Bovingdon, flimkien ma’ xi kopji tal-antoloġiji poetiċi li l-Għaqda ppubblkat
matul is-snin u medalja. F’diskors qasir, Bovingdon esprima l-ħajr tiegħu
għall-fiduċja li l-Għ.P.M. wriet fih u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jiftakru
f’dawk il-Maltin kollha li ħallew lil art twelidhom biex bnew il-familji
tagħhom f’pajjiżi barranin, imma li xorta baqgħu jħobbu lil Malta b’qalbhom
kollha.
Fl-aħħar is-Sur Rigu Bovingdon ippreżenta lill-President tal-Għ.P.M.
ċekk ta’ 100 Ewro bħala turija ta’ ħajr fl-Għaqda msemmija.
No comments:
Post a Comment