Pages

Monday, March 30, 2009

Il-Kelma Tal-President - Word From The President - Marzu 2009

Ma nistax ma nirringrazzjax lill-membri talli fl-aħħar Laqgħa Ġenerali għoġobhom jafdawli għal darb’oħra t-tmun tal-Għaqda tagħna. Dan huwa sinjal ta’ fiduċja u fl-istess ħin ta’ apprezzament għall-ħidma tiegħi u ta’ sħabi l-oħra li flimkien mexxejna l-Għ.P.M. fit-tliet snin li għaddew. Dan qed ngħidu, għax il-Kumitat għat-tliet snin li ġejjin kważi baqa’ li kien, b’tibdila waħda biss; dik ta’ Miriam Ellul minflok Alfred Calleja li għażel minn jeddu ma jikkontestax. Lil seħibna Alfred ngħidlu Grazzi minn qalbi għas-sehem li ta kemm dam fil-kariga ta’ PRO.
Kif għedt fid-Diskors tiegħi dakinhar tal-Laqgħa Ġenerali,l-Għ.P.M. bi ħsiebha tkompli t-triq li qabdet f’dawn l-aħħar snin. Ser inkomplu norganizzaw attivitajiet bil-għan li nressqu dejjem aktar lill-poplu tagħna lejn il-Poeżija. Nittama, li tul it-tliet snin li ġejjin il-membri se jkunu aktar attivi u jinkoraġġuna almenu bil-preżenza tagħhom fl-attivitajiet li norganizzaw.
Dan huwa wkoll l-ewwel Folju għal din is-sena. Talba ħerqana lill-membri biex flimkien inżommu ħajja r-rivista Versi minħabba li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji. Abbonaw fiha u ħeġġu oħrajn jagħmlu l-istess. Versi mhijiex biss il-Leħen tal-Għ.P.M., imma hija wkoll il-Leħen ta’ dawk li għandhom għal qalbhom il-Poeżija Maltija.

Alfred Massa
President

No comments:

Post a Comment