Pages

Friday, September 7, 2012

Serata f’ġieħ is-Sur Alfred Massa

Fil-5 ta’ Settembru, ġewwa Dar il-Kejka Ħal-Tarxien, L-Għaqda Poeti Maltin tellgħet serata f’ġieħ is-Sur Alfred Massa, ex-President tal-istess għaqda. Fost il-pubbliku kienhemm is-Sindku ta’ Ħal-Tarxien il-Kav.Pawlu Farrugia, il-Viċi Sindku, kunsilliera u membri. Waqt din l-attivita’ xi membri qraw uħud mix-xogħlijiet ta’ dan il-kittieb ... fosthom poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan u siltiet minn rumanzi u novelli. Il-President attwali, s-Sur Charles Magro, ppreżenta din is-serata u fetaħ billi għamel diskors ta’ apprezzament dwar is-Sur Massa. Il-kantawtur Walter Micallef żewwaq din l-attivita’ bi kliem u mużika mil-isbaħ li ħarġu mil-pinna tiegħu stess. Alfred Massa ġie ukoll mogħti t-titlu prestiġjuż ta’ president Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. Fid-diskors tiegħu is-Sur Massa qal kif flimkien mas-Sur Amante Buontempo kienu l-ewwel pijunieri tal-Għaqda Poeti Maltin u pass wara pass u b’ħidma b’ħafna dedikazzjoni laħaq sal-ogħla kariga. Huwa qal illi jixtieq jgħaddi messaġġ lil-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro, l-istess messaġġ illi għaxar snin qabel kien ġie mgħoddi lilu mil-Professur Buontempo ... biex jibqa jħobb l-Għaqda. Huwa rringrazzja lil-dawk kollha preżenti, lis-Sindku u anki lil-membri tas-sehem illi taw u li qegħdin jagħtu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas irringrazzja wkoll lis-sinjura tiegħu talli dejjem kienet ta’ għajnuna u ta sapport matul l-impenn tiegħu fi ħdan l-Għaqda Poeti Maltin. Is-Sindku il-Kav. Pawlu Farrugia faħħar lis-Sur Massa għax-xogħol metikoluż tiegħu u ta’ ħidmietu mhux biss fl-Għaqda Poeti Maltin imma wkoll għax-xogħol li jwettaq għal-parroċċa ta’ Ħal-Tarxien, li tant iħobb. Is-Sur Massa ingħata wkoll tifkiriet għal-okkażjoni.

Tuesday, August 28, 2012

PARTEĊIPANTI KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2012

POEŻIJI PARTEĊIPANTI BIL-MALTI Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ Slam - Detox. Lil Uliedi - Warda. Lil Josette - Warda. L-Imħabba - Warda. Sfaret Wisq - Tariqat. Pjaga Mixgħula - Tariqat. Għarqbejn - Tariqat. Serbut Twil Ma Jaqta’ xejn - Obitwarju. Pasturi tax-xema’ - Obitwarju. Nawfraġju Ieħor - Obitwarju. L-arka u Giglio - Insomnia. Ħallini nkun għalik - Insomnia. Ħlomt Bik (Malta) - Insomnia. F’sabratha - Ovidju. Bersall - Ovidju. Crossroads - Ovidju. Murtali - Maltija. Alliterazzjoni - Maltija. Fis-sitta - Maltija. Ħalel - Tamiet. Min hu barra barra - Tamiet. Soru - Tamiet. Ġewwa Sqaq - Felini. Għadda - Passaġġ. Il-Ħmar il-Lejl - Sukkulenti. Il-Liquid u l-Mostru tad-demm - Luċija 2. Sodisfazzjon - Sodisfatt. Il-Qabda - Innoċenti. Għaliex - Dimitrius. Taħt dawlet il-qamar - Tozzi. Fidwet il-marid - Tozzi. Teżor jismu Jaelle - Tozzi. Maħfra - Krietel u Mrietel. Għamilna Dmierna - Poeżija Maltija. It-tama solitarja - Damaris. L-aħħar ballata - Damaris. L-illużjoni tal-imħabba - Damaris. Ħarbana qalbek - Erasmus. Meta jkollok - Cupid. Kundanna - Ħarifa. Bidla - Vjola. Jistenna - Tfulija. Ħamrija - Saqwi. Speranza - Les Sharpes. Xtaqt insebbaħ did-dinja mill-ġdid - Ġakaranda. Faqar - Imħasseb. Gwerer - Nittama. Aħbini - Leo. Il-kliem - Patch. Telefonata - Patch. Meta konna tfal - Kelma. Darba waħda noħlom bik - Kelma. mill-istampi mingħalik konfessjonali - Kelma. rabta - Astronawta. għajta ħiemda - Astronawta. Troglodita - Iktus. Lill-Vittmi Ta’ Tsunami - Iktus. Kwietek - Qawwara. Jekk trid - Mnara. Adelġiza - Scheherazade. X’innotajt fil-Mellieħa - Chopin. Avolja bebbuxu tant ħass għalija - Rimsky Korsakov. Lejla mħeġġa - Għalenija. Għammiela bla ħajja - Għalenija. ---------------------------------------------------------------------------------- POEŻIJI PARTEĊIPANTI BlL-INGLIŻ Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ My Fate - Karma. I love you - Lover. The Rock - Dimitrius. Blue Tongued Lizard - Green Mamba. I Am Waiting - Come Back. My Special Place - Shamrock. Nature Graveyard - Asphodelus. Siege of Glory - Valletta. Why? - Kuruna tar-Rand. Don’t Judge the Thoughts - Patch. Voudeville - Sofia Soleil. ---------------------------------------------------------------------------------- POEŻIJI PARTEĊIPANTI BIT-TALJAN Isem il-Poeżija - Psewdonomu ___________________________________________________ Pentirmi mai - Casada. Intimità - Casada. Ipocrisia - Casada. Patèma - Sitio. Tu Sei - Libsa. Sola - Tajra. Poverta - Tifla.

Sunday, August 5, 2012

LEJLA TA’ QARI TA’ POEŻIJI FIL-KALKARA

L-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Awwissu, tellgħat Lejla oħra ta’ qari ta’ poeżiji. Is-serata tmexxiet minn Sa Miriam Ellul flimkien mas-Sur Ray Ellul u Paul Buhagiar li ħadu ħsieb il-mużika ta’ bejn il-qari tal-poeżiji. Fetaħ il-Lejla, il-President tal-Għaqda, is-Sur Charles Magro li għamel kelmtejn tal-okkażjoni. Wara, diversi membri tal-Għaqda flimkien ma’ resident mill-Kalkara, qraw ix-xogħlijiet tagħhom flimkien ma’ Joanne u Ann Marie Mifsud mill-Kalkara stess kantaw kanzunetta kull wieħed. Fl-aħħar tas-serata għamel messaġġ is-Sindku tal-Kalkara, is-Sur Michael Cohen u wara, il-President tal-Għaqda Poeti Maltin ippreżenta memento ta’ tifkira lis-Sindku.

Tuesday, May 29, 2012

Lejla Mużiko-Letterarja mill-Għaqda Poeti Maltin fl-Imtarfa

Għar-raba’ sena konsekuttiva l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna biex ittella’ Lejla ta’ Poeżija u Mużika f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa f’rabta ma’ Jum l-Imtarfa. Din is-sena l-Lejla saret is-Sibt, il-21 ta’ April, fis-7.30 p.m. Il-post kien dak abitwali, jiġifieri l-Iskola Primarja tal-Imtarfa. Għal din il-Lejla ta’ Poeżija l-membri tal-Għ.P.M. ipparteċipaw bi ħġarhom u qraw poeżiji bit-tliet ilsna u ttrattaw diversi suġġetti bħalma huma l-ambjent, it-twemmin, is-soċjetà moderna, u aspetti oħrajn. Kien hemm ukoll min qara versi ta’ San Ġwann tas-Salib u min ispira ruħu mill-kitbiet ta’ Thomas Merton. Ħadu sehem ukoll għadd ta’ tfal u persuni oħrajn tal-lokal li qraw versi minn tagħhom. Fetaħ is-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, li esprima l-pjaċir tiegħu li l-Għaqda u l-Kunsill Lokali tal-Imtarfa żammew dan l-appuntament annwali għal dawn l-aħħar erba’ snin u wera ċ-ċertezza li rabta bħal din se tkompli tissaħħaħ. Mexxiet is-serata, Miriam Ellul, il-P.R.O. tal-Għ.P.M. li għoġobha żżewwaq il-lejla anki b’numru ta’ kwotazzjonijiet minn kittieba magħrufa dwar il-qasam tal-poeżija. Il-parti mużikali ġiet afdata lill-kantanta żagħżugħa Marie. Fl-aħħar tas-serata l-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, Anton Mifsud, taw tokens bħala tifkira tal-okkażjoni. Is-Sindku għalaq il-Lejla b’diskors qasir fejn sostna l-impenn tiegħu biex il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa jaħdem biex ir-residenti jkollhom ukoll dejjem iktar lejliet ta’ natura kulturali bħal dawn. Dawk li attendew għal-Lejla Mużiko-Letterarja fl-aħħar kienu mistiedna wkoll għal bibita.

Wednesday, April 25, 2012

Ċirkolari nru 2 - Serata f'Ħal Safi

II-Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Ħal Safi fl-okkażjoni mill-mewt tal-Poeta Anastasju Cuschieri u l-mitejn sena mit-twelid ta’ Charles Dickens, permezz tal-Kap tal-Iskola, l-Assistenta Kap u l-Għalliema, flimkien mal-Kunsill tal-Iskola qegħdin jistiednu lil membri tal-Kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin flimkien ma’ mistieden/a għal Serata Mużika-Letterarja fil-Jum tal-Premjazzjoni għas-sena skolastika 2010/11. Din se ssir nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2012 fis-6:30 ta’ filgħaxija fis-sala tal-iskola. Minħabba l-postijiet biex wieħed joqgħod bilqiegħda, huwa importanti li dawk li se jattendu jew li mhux se jattendu jinformaw lil President, is-Sur Charles Magro jew lill-Assistent Segetarju, is-Sur Charles Mifsud jew iċemplu fl-iskola fuq in-numru 21649056. Salv Sammut SEGRETARJU

Sunday, April 22, 2012

Ċirkolari nru 1 Premjazzjoni Tfal 2012

Ninformakom li nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ April sejra ssir il-premjazzjoni tal-Konkors tal-Poeżija Għat-Tfal 2012. Din se ssir fil-Belt Valletta fiċ-Ċentru tal-Arti, Manifattura u Kummerċ fis-6:30 ta’ filgħaxija. Kulħadd huwa mitlub li jattendi u jkun fil-ħin.

Monday, April 16, 2012

Lejla ta’ Poeżija mill-Għaqda Poeti Maltin fil-Mosta



Nhar is-Sibt, 14 ta’ April, 2012, fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Dan f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-Lejla nfetħet b’diskors qasir mill-viċi-President tal-Għ.P.M., is-Sur Patrick Sammut, fl-assenza tal-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro. Sammut tkellem dwar il-Kumitat il-ġdid li għandu jservi għat-tliet snin li ġejjin u qal li huwa magħmul kemm minn membri veterani kif ukoll minn demm ġdid, mela membri li jidhru li daħlu b’enerġija u li lesti li jagħtu sehemhom sewwa. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ixerrdu l-kelma u jħeġġu mhux biss lil membri oħra tal-Għ.P.M. biex jattendu għal Lejliet bħal dawn imma anki ħbieb u persuni interessati fil-poeżija. Qal ukoll li tkun idea tajba li Lejliet bħal dawn iservu wkoll bħala vetrina ta’ dak li qed jagħmlu xi membri tal-Għ.P.M. rigward pubblikazzjoni ta’ ġabriet ta’ poeżija u kotba oħra. Waqt din il-Lejla tkellem l-assistent Segretarju tal-Għ.P.M. u poeta Charles Mifsud dwar il-ġabra tiegħu ta’ poeżiji reliġjużi u Marjani, Il-Blata Tiegħi (2011). Dawk preżenti għal-Lejla ta’ Poeżija fil-Mosta kellhom l-opportunità jaqraw iżjed minn poeżija waħda. Inqraw poeżiji b’ilsna, temi u stili differenti. Il-Lejla kienet imżewqa wkoll mill-mużika u kanzunetti folk ta’ Walter Micallef, preżenza regolari waqt Lejliet bħal dawn. Fl-aħħar tas-serata Sammut irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għal-Lejla u anki lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti u l-President tagħha, is-Sur Joe Bartolo, għall-kooperazzjoni li dejjem urew mal-Għ.P.M. Wara l-qari tal-poeżiji, dawk preżenti kienu mistednin għal bibita bejn il-ħbieb.

Friday, March 30, 2012

L-Għaqda Poeti Maltin fl-Iskola ta' Ħal Safi




Din is-sena qegħdin niċċelebraw għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Patri Anastasju Cuschieri, O.Carm. L-Għaqda Poeti Maltin ġa kkommemorat lil dan il-Poeta fir-rivista VERSI.

It-tfal u l-għalliema ta’ l-iSkola Primarja ta’ Ħal Safi, Kulleġġ San Benedittu, imbarkaw fuq proġett biex dan il-Poeta jkun magħruf aktar.

Talbu wkoll l-għajnuna tal-Għaqda Poeti Maltin fl-organizzazzjoni ta’ special assembly, li għaliha attendew l-istaff u l-istudenti kollha ta’ l-iskola. Kienu mistednin ukoll il-ġenituri. Din l-assemblea saret fil-15 ta’ Marzu 2012, fis-sala kbira u sabiħa ta’ l-iSkola, li hi wkoll għall-użu tal-komunità.

Fetaħ il-laqgħa l-President tal-Għaqda Poeti Maltin, Charles Magro, li tkellem ftit fuq l-Għaqda Poeti Maltin, u mbagħad inkwadra lil Patri Anastasju Cuschieri fil-komunità tal-Patrijiet Karmelitani, li hi l-ħajja li għażel li jgħix minħabba d-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna; devozzjoni li wasslitu biex jibqa’ magħruf bħala “Il-Poeta tal-Madonna”. Inkwadrah ukoll bħala bniedem politiku fi żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa, biex ippreżentah bħala ħabib kbir ta’ l-Ilsien Malti, u ta’ dak kollu li hu Malti.

L-istduenti ta’ l-iSkola ddrammatizzaw xi poeżiji ta’ Patri Cuschieri. Is-Segretarju tal-Għ.P.M., Salv. Sammut, qara biografija qasira tal-Poeta. Charles Mifsud, Assistent Segretarju tal-Għ.P.M., qara studju qasir, miktub minn Patrick Sammur, Viċi President tal-Għ.P.M., li ttratta lill-Poeta mill-ħidma tiegħu għall-Ilsien Malti. Bernardette Mercieca, Assistent Kap ta’ l-iSkola qrat studju qasir li għamlet fuq waħda mill-poeżiji ta’ Cushieri li dari konna naqraw fil-kotba tal-Malti li kellna aħna meta konna għadna mmorru l-iskola primarja.

Il-Kap ta’ liSkola, Maria Montebello, għalqet il-laqgħa billi rringrazzjat lil kulmin ħa sehem, spjegat fuq fuq il-proġett ta’ l-iSkola, u qalet li l-iSkola li tmexxi mhux se tieqaf taħdem biex dak kollu li hu Malti mhux biss ma jintilifx, iżda tikber l-importanza tiegħu f’qalb il-poplu Malti kollu.

Thursday, March 1, 2012

Peter Caruana

B'soghba ngħarrfukom li miet Peter Caruana, membru onorarju tal-GħPM. Funeral għada il-Ġimgħa 2 ta' Marzu, knisja ta' Ħal Tarxien 4.15pm.

Wednesday, February 1, 2012

Laqgħa Ġenerali tal-Għ.P.M.


Nhar is-Sibt, 28 ta' Jannar 2012, l-Għaqda Poeti Maltin għamlet il-Laqgħa Ġenerali tagħha ta' kull tliet snin. Din saret fis-sala ewlenija tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kemmerċ, il-Belt Valletta.

Wara l-qari tar-Rapporti tas-soltu: Minuti, Amministrattiv u Finanzjarju sar id-Diskors tal-President. Alfred Massa qal li jħossu kburi li ra lill-Għaqda titwieled u li kellu sehem attiv fit-twelid tagħha. Imbagħad ta rendikont tax-xogħol li l-Għ.P.M. wettqet tul is-snin. Huwa sellem lill-Kumitati preċedenti li tant ħadmu fil-passat biex illum l-Għaqda tgawdi l-istima ta' dawk li verament għandhom għal qalbhom il-poeżija Maltija. Imbagħad Massa ħabbar li hu ma kienx ser jerġa' joħroġ għall-kariga ta' President minħabba raġunijiet ta' saħħa u għax jemmen li tkun ħaġa tajba li kultant snin kull Għaqda jkollha demm ġdid fit-tmexxija tagħha.

Wara saret l-elezzjoni għall-Kumitat il-ġdid għas-snin 2012/2014. Charles Magro nħatar President, Salv Sammut inħatar Segretarju, filwaqt li Doris Chircop kienet konfermata Teżoriera.

Il-membri l-oħra tal-Kumitat huma Dr. Joseph Axiaq, Patrick Sammut, Charles Mifsud u Omar Seguna. Bħala reviżuri nħatru Alfred Palma u Anthony Farrugia.

Fi tmiem il-Laqgħa Charles Magro wiegħed lill-membri preżenti li se jkompli jibni l-Għaqda fuq dak li sab. Huwa appella għall-koperazzjoni tal-imseħbin kollha għax l-Għaqda mhix tal-Kumitat biss, imma tal-membri kollha kemm huma.

Friday, January 20, 2012

LAQGĦA ĠENERALI TA' KULL TLIET SNIN

L-Għaqda Poeti Maltin tfakkar lill-Membri kollha (wara ċ-Ċirkolari li suppost irċevew) li l-Laqgħa Ġenerali ta' kull tliet snin se ssir nhar is-Sibt, 28 ta' Jannar 2012. Il-ħin ikun fid-9.30 am u l-post is-sala ewlenija tas-Soċjeta' tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Ta' min ifakkar li jistgħu jivvutaw biex jinħatar il-Kumitat għas-snin 2012/2014 dawk il-membri biss li jkunu regolari fil-ħlas tal-miżata. Min għadu lura fil-miżata jkun jista' jirranġa mat-Teżoriera dakinhar stess. Il-membri huma mħeġġin biex jattendu.

Sunday, December 18, 2011

L-Għ.P.M. TFAKKAR LIL ĠUŻE' AQUILINA


L-Għaqda Poeti Maltin temmet l-attivitajiet tagħha għas-sena 2011 b'Lejla ta' Poeżija ad unur il-Prof. Ġuże' Aquilina f'għeluq iċ-ċentinarju ta' twelidu. Din saret nhar is-Sibt, 17 ta' Diċembru, fis-sala ewlenija tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara u tmexxiet minn Charles Magro, Segretarju tal-Għaqda.
F'Kelmtejn fil-qosor fil-bidu tal-Lejla, il-president Alfred Massa qal li l-2011 kienet waħda importanti għall-Għ.P.M. u għal kulmin iħobb il-poeżija Maltija. Matulha tfakkar il-50 anniversarju tal-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali. Tfakkru wkoll iċ-ċentinarji tat-twelid tan-Nutar V.M. Pellegrini u tal-Prof. Ġuże' Aquilina. Dawn it-tlieta kellhom rabta speċjali mal-Għ.P.M. Dun Karm għax poġġa l-poeżija tagħna fuq pedamenti sodi filwaqt li Pellegrini u Aquilina kienu Membri Onorarji ad vitam tal-Għaqda u ngħataw ukoll mill-istess Għaqda il-Premio Citta' di Valletta' premju prestiġjuż organizzat mill-Għ.P.M. ma' żewġ Assoċjazzjonijiet Taljani u li dejjem sar taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika.
Massa temm billi kkwota kliem il-Mons. Prof. Karm Sant dwar il-Profs. Aquilina: Isem Ġ. Aquilina hu punt ta' riferiment ewlieni fil-ġrajja kulturali kollha ta' Malta, u hu monument fl-istorja partikolari tal-Malti. (Leħen il-Malti, 1977).
Wara inqraw diversi xogħlijiet tal-Prof. Aqulina minn dawk preżenti. Inqraw ukoll kitbiet dwaru minn Therese Pace, Peter A. Caruana u Marlene Saliba Toledo.
Fi tmiem il-Lejla, il-President Alfred Massa ta Diploma u Medalja tal-Għ.P.M. lill-poetessa Therese Pace bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħha fi ħdan l-Għaqda.
Il-parti mużikali kienet afdata f'idejn il-kant-awtur Walter Micallef.

Monday, December 5, 2011

LEJLA TA’ PREMJAZZJONI - Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija 2011


Il-Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija organizzat mill-G]aqda Poeti Maltin [ie fi tmiemu waqt Lejla ta’ Premjazzjoni li saret il-Ħamis, 1 ta’ Diċembru 2011, fis-sala tas-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, il-Belt. Din tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro.
F’diskors fil-bidu taċ-ċerimonja l-President tal-Għaqda, Alfred Massa qal li sa mit-twaqqif tagħha fl-1975, l-Għ.P.M. mill-ewwel ħasbet biex tibda torganizza diversi attivitajiet ħalli tqajjem kuxjenza pubblika favor il-poeżija f’pajjiżna. Fost dawn l-attivitajiet kien hemm il-Konkors ta’ Poeżija li kellu jibda jsir kull sena. U hekk sar u hekk nittama li jibqa’ jsir. Għax dan il-Konkors qed jgħin lil ħafna poeżiji li jkunu ilhom is-snin maqfulin fil-kxaxen tal-individwi li jkunu nisġuhom.
Kull sena dan il-Konkors ġibed lejh numru konsiderevoli ta’ parteċipanti kemm poeti stabbiliti kif ukoll oħrajn prinċipjanti. L-aktar meta dan infetaħ għall-poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan; bl-enfasi, naturalment, dejjem tkun fuq il-Malti. Imbagħad il-kelliem irringrazzja lil kulmin ħa sehem fl-organizzazzjoni tal-Konkors u feraħ lill-parteċipanti kollha, rebbieħa u mhumiex.
Wara l-Ġurija qrat ir-Rapport tagħha. Intqal li fuq nota ġenerali l-konkors kien wieħed ta’ livell tajjeb ħafna. Saru wkoll suġġerimenti lil dawk li għadhom tarjin fin-nisġa tal-versi biex jaqraw aktar poeżiji kemm ta’ poeti Maltin kif ukoll ta’ poeti barranin.
Imbagħad inqraw il-poeżiji rebbieħa u tqassmu l-Premjijiet mill-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa. Ir-riżultat kien dan li ġej:

TAQSIMA MALTI:
1. Flaxbekk ta’ Stefano Farrugia (rebbieħ ukoll tal-Premju Buontempo);
2. Lil R ta’ Keith Azzopardi;
3. Meta l-Aħħar Xemgħa ta’ Jane Micallef.

TAQSIMA INGLIŻ:
1. The Physician ta’ Kristina Miggiani;
2. Those few moments in time ta’ Raymond Grech.

TAQSIMA TALJAN:
1. Sotto il legno crocifisso nella mia stanza ta’ Mario Attard;
2. Da capo ta’ Christine Farrugia.

Issemmew b'ġieħ poeżiji mit-tliet taqsimiet, din id-darba ta' Therese Pace, Robert Zammit, Therese Vella, Stefano Farrugia, Kevin Tanti, Keith Azzopardi u Robert Gatt.

Monday, November 21, 2011

Serata f'Ġieħ il-Prof. Ġuże' Aquilina

L-Għaqda Poeti Maltin ser torganizza Serata f'Ġieħ il-Prof. Ġuże' Aquilina (ex Membru Onararju ad vitam ) f'għeluq il-100 sena ta' twelidu, nhar is-Sibt, 17 ta' Diċembru 2011 fis-Sala tal-Kunsill Lokali, B'Kara. Il-ħin: 6.30 pm. Kulħadd mistieden biex jattendi.

Serata ta' Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija

L-Għaqda Poeti Maltin tħabbar li s-Serata ta' Premjazzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2011 se ssir nhar il-Ħamis, 1 ta' Diċembru 2011 fis-Sala tas-Soċjeta', Arti, Manifattura u Kummerċ, Triq ir-Repubblika, Valletta. Ħin: 6.30 pm. Il-parteċipanti kollha huma mistiedna biex jattendu.