Monday, April 16, 2012
Lejla ta’ Poeżija mill-Għaqda Poeti Maltin fil-Mosta
Nhar is-Sibt, 14 ta’ April, 2012, fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Dan f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-Lejla nfetħet b’diskors qasir mill-viċi-President tal-Għ.P.M., is-Sur Patrick Sammut, fl-assenza tal-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro. Sammut tkellem dwar il-Kumitat il-ġdid li għandu jservi għat-tliet snin li ġejjin u qal li huwa magħmul kemm minn membri veterani kif ukoll minn demm ġdid, mela membri li jidhru li daħlu b’enerġija u li lesti li jagħtu sehemhom sewwa. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ixerrdu l-kelma u jħeġġu mhux biss lil membri oħra tal-Għ.P.M. biex jattendu għal Lejliet bħal dawn imma anki ħbieb u persuni interessati fil-poeżija. Qal ukoll li tkun idea tajba li Lejliet bħal dawn iservu wkoll bħala vetrina ta’ dak li qed jagħmlu xi membri tal-Għ.P.M. rigward pubblikazzjoni ta’ ġabriet ta’ poeżija u kotba oħra. Waqt din il-Lejla tkellem l-assistent Segretarju tal-Għ.P.M. u poeta Charles Mifsud dwar il-ġabra tiegħu ta’ poeżiji reliġjużi u Marjani, Il-Blata Tiegħi (2011). Dawk preżenti għal-Lejla ta’ Poeżija fil-Mosta kellhom l-opportunità jaqraw iżjed minn poeżija waħda. Inqraw poeżiji b’ilsna, temi u stili differenti. Il-Lejla kienet imżewqa wkoll mill-mużika u kanzunetti folk ta’ Walter Micallef, preżenza regolari waqt Lejliet bħal dawn. Fl-aħħar tas-serata Sammut irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għal-Lejla u anki lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti u l-President tagħha, is-Sur Joe Bartolo, għall-kooperazzjoni li dejjem urew mal-Għ.P.M. Wara l-qari tal-poeżiji, dawk preżenti kienu mistednin għal bibita bejn il-ħbieb.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment