Pages

Tuesday, January 2, 2018

Poeżiji Rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali 2017

virgola

kliemek f’xagħri
bħal f’logħba noli
jiżgiċċa kif jista’
mill-ħafna tar-riħ
ix-xemx tgħaddas geddumha
f’ħobb ix-xefaq
u s-sema jinfaraġ
int u tfellilli ħsibijietek
iddewwaqni l-iskur ħannien t’għajnejk

tibżax

imbagħad nitgeżwru fil-ħmura
nieżla tixxabbat
minn mal-bjut u l-gallariji
tinfirex liżar fuqna

inħallu s-skiet ikenninna

ħarstek bħal virgola

test sospiż

kultant virgola taf taħji sentenza

*********************************

Szent István tér
(Pjazza San Stiefnu)

’qas ċans induq dil-ġmiel ta’ pjazza
taqbadni f’nofs pass il-bażilika
hi u tferra’ l-anġelus f’ħobb il-belt
bħallikieku jeħtiġilha tisfida t-trassis griż t’Ottubru
tifrex setgħana l-ħafna tagħha
sal-ibgħad rokna ta’ Pest
sal-qalba nett – hemm fejn hemm miġmugħ id-dmugħ
li għad irrid xi darba nibki

fuq l-ewwel tarġa hemm tfajla u ġuvni jesibixxu bewsa
xufftejhom imġewħa jfakkruni kemm xjaħt
kemm għadni rridek
nerġa’ nitwebbel għalik
għall-guffaġni li biha għajnejk kienu jħaffru f’għajnejja

itini li nokrob

hemm mara mgermda mkebba ma’ kolonna
b’maktur imkittef jorbtilha rasha
b’geddumha jipponta lejn bott imsaddad
b’ħarsitha mtappna twieżen
għadx għandhom ħila dal-qniepen
irattbu l-qlub u jqanqlu l-qima

jeħimdu l-kampnari
jissokta t-tpaqpiq, it-tgeġwiġ, l-istagħġib
it-tektik fuq il-bankini
iċ-ċekċik tal-kikkri u l-plattini

nintelaq fl-istorbju ta’ dil-belt
inħallih iġorrni
inħallih jiblagħni

No comments:

Post a Comment