Pages

Sunday, October 5, 2014

Messaġġ għal JUM IL-POEŻIJA 15 ta’ Ottubru 2014

  
Fil-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena f’Malta niċċelebraw Jum il-Poeżija.  Fl-istess ġurnata niċċelebraw ukoll Jum Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali Malti.

    Dan għandu jkun jum speċjali għalina li nħobbu l-poeżija minħabba l-konvinzjoni tagħna li l-poeżija tista’ tkun katalista għall-paċi bejn il-bnedmin.

    Jekk hux b’kumbinazzjoni jew le ma nafx ngħid, iżda l-ġurnata tal-15 ta’ Ottubru tfakkar ukoll lill-Għaqda Poeti Maltin fil-ġurnata tat-twelid tal-Fundatur tagħha, Mons. Amante Buontempo, li nzerta wkoll li din is-sena l-Għaqda Poeti Maltin qiegħda tfakkar l-għaxar sena minn mewtu.

    Bil-poeżij tiegħu Mons. Buontempo kien impenjat sewwa soċjalment favur il-paċi.  Kien joħodha bi kbira wisq kontra dawk l-imħuħ li ma jafux jgħixu fis-sliem u li b’għemilhom inisslu l-inkwiet kull ħin u kull fejn ikunu.

    Il-poeżija, minnha nnifisha, tnissel is-serħan u l-kalma; mhux fil-poeta biss, iżda wkoll f’min jismagħha jew jaqraha.  L-awgurju tagħna hu li dan is-sentiment jasal għand kulħadd, jitħaddan minn kulħadd, biex hekk ninsew id-differenzi ta’ bejnietna u ngħixu aħjar flimkien.

Charles Magro, BA, MOM
President










No comments:

Post a Comment